Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-kumpaniji ż-żgħar joħolqu 85% tal-impjiegi l-ġodda

Brussell, is-16 ta’ Jannar 2012. 85% tal-impjiegi l-ġodda netti1 fl-UE bejn l-2002 u l-2010 nħolqu minn kumpaniji żgħar u medji (SMEs). Din iċ-ċifra hija ogħla ferm mis-sehem ta' 67% tal-SMEs fl-impjiegi totali. Matul dan il-perjodu, l-impjiegi netti fl-ekonomija tan-negozju tal-UE żdiedu sostanzjalment, b'medja ta' 1.1 miljun impjieg ġdid fis-sena. Dawn huma r-riżultati ta' studju dwar il-kontribut essenzjali tal-SMEs għall-ħolqien tal-impjiegi ppreżentat illum mill-Kummissjoni Ewropea.

B'1% fis-sena, it-tkabbir fl-impjiegi għall-SMEs kien ogħla minn dak għall-intrapriżi l-kbar (0.5%). Eċċezzjoni ċara dehret fis-settur kummerċjali, fejn l-impjiegi fl-SMEs żdiedu b'0.7% fis-sena, imqabbla ma' 2.2% fl-intrapriżi l-kbar. Dan seħħ minħabba ż-żieda qawwija ta' intrapriżi kummerċjali kbar, b'mod partikolari fil-bejgħ, il-manutenzjoni u t-tiswija tal-vetturi bil-magna.

Fi ħdan il-klassi tad-daqs tal-SMEs, il-mikroażjendi (anqas minn 10 impjegati) huma responsabbli għal 58% (l-ogħla proporzjon) tat-total nett ta' tkabbir fl-impjiegi fl-ekonomija tan-negozju.

Barra minn hekk, l-ażjendi l-ġodda (li m'ilhomx jeżistu aktar minn ħames snin) huma responsabbli għal maġġoranza qawwija ferm tal-impjiegi l-ġodda. L-intrapriżi l-ġodda li joperaw servizzi tan-negozju ħolqu aktar minn kwart (27%) tal-impjiegi l-ġodda, filwaqt li l-ażjendi l-ġodda fit-trasport u l-komunikazzjoni kkontribwew l-anqas ((6%).

Il-Viċi President tal-Kummissjoni, Antonio Tajani, li hu responsabbli mill-Intraprenditorija u l-Industrija, qal: "F'dan iż-żmien kritiku għall-ekonomija Ewropea, qed naraw li l-kumpaniji ż-żgħar qed jagħtu sehemhom u jikkonfermaw ir-rwol tagħom bħala ġeneraturi ewlenin tal-impjiegi l-ġodda. Is-sehem sinifikanti tagħhom fil-ħolqien tal-impjiegi jenfasizza r-rilevanza ekonomika li kibret aktar minn qatt qabel tal-SMEs u l-ħtieġa li dawn jiġu sostnuti f'kull livell. L-intrapriżi żgħar u ġodda huma b'mod ċar iċ-ċavetta biex jiġi rrestawrat it-tkabbir ekonomiku."

Tista' ssib aktar tagħrif fil-paġna web tal-Analiżi tal-Prestazzjoni tal-SMEs:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm

L-effetti ewlenin tal-kriżi: l-intrapriżi ż-żgħar jirrapportaw aktar spiss l-impatti negattivi

Skont ir-riżultati tal-istħarriġ, il-kriżi ekonomika laqtet lill-intrapriżi ta' kull klassi ta' daqs, bil-mikroażjendi jkunu partikolarment vulnerabbli. Minħabba l-kriżi ekonomika tal-2009/2010, il-medja tal-għadd ta' impjiegi fis-settur tal-SMEs naqset b'2.4% fis-sena, b'paragun maż-0.95% fis-sena fis-settur tal-intrapriżi l-kbar. L-iżviluppi fl-impjiegi baqgħu negattivi fl-2010, iżda meta sar dan l-istħarriġ, dawn mistennija li jitjiebu fl-2011. Is-sehem tal-ażjendi li mistennija jissensjaw l-impjegati fl-2011 huwa iżgħar mis-sehem tal-ażjendi li fil-fatt issensjaw l-impjegati fl-2010.

Minbarra l-effetti fuq l-impjiegi, l-aktar effett negattiv importanti tal-kriżi fuq l-ażjendi huwa bla dubju t-tnaqqis kumplessiv fid-domanda totali għall-prodotti u s-servizzi (imsemmi minn 62% tal-kumpaniji), segwit miż-żieda fit-termini tal-ħlas mill-konsumaturi (imsemmija minn 48% tal-ażjendi) u fl-aħħar nett l-iskarsezza tal-kapital tax-xogħol, li laqat lil 31% ta' dawk li rrispondew.

L-innovazzjoni hija l-arma kontra l-kriżi

L-innovazzjoni jidher li għandha effett pożittiv: l-intrapriżi innovattivi, kif ukoll l-intrapriżi mill-pajjiżi l-aktar innovattivi, spiss jirrapportaw tkabbir fl-impjiegi u għandhom rati ogħla ta' impjiegi.

L-istħarriġ jenfasizza li l-SMEs innovattivi jew il-kumpaniji li jiffunzjonaw f'ekonomiji aktar innovattivi batew anqas mill-kriżi ekonomika. Ngħidu aħna, filwaqt li t-tnaqqis fid-domanda kumplessiva jissemma minn 70% tal-intrapriżi fil-pajjiżi li huma meqjusa bħala innovaturi modesti2, iċ-ċifra korrispondenti fil-każ tal-pajjiżi li huma minn ta' quddiem nett fl-innovazzjoni hija ta' 45%.

Il-kwalità tal-impjiegi fl-SMEs

L-istudju jiddistingwi żewġ dimensjonijiet wiesgħa tal-kwalità tal-impjiegi: il-kwalità tal-impjieg u l-kwalità tax-xogħol. Bħala medja huwa minnu li l-impjiegi fl-intrapriżi ż-żgħar huma anqas produttivi, anqas imħallsa, u anqas imsieħba fl-unjins mill-impjiegi fl-intrapriżi l-kbar. Madankollu, il-mikrointrapriżi jirrapportaw li għandhom vantaġġ kompetittiv fuq il-kompetituri tagħhom fejn jidħlu l-aspetti kwotidjani tar-riżorsi umani ta' intrapriża: il-klima tax-xogħol, il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, l-arranġamenti tal-ħinijiet tax-xogħol.

Kuntest

L-istudju huwa parti mill-proġett ta' Analiżi tal-Prestazzjoni tal-SMEs u huwa msejjes fuq stħarriġ tal-intrapriżi li seħħ fi tmiem l-2010 u li kopra s-27 Stat Membru tal-UE u 10 pajjiżi oħra li jipparteċipaw fil-Programm tal-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni, jiġifieri l-Albanija, il-Kroazja, l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Islanda, l-Iżrael, il-Liechtenstein, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja u t-Turkija.

MEMO/12/11

Kuntatti :

Carlo Corazza +32 22 95 17 52

Sara Tironi +32 22 99 04 03

1 :

L-impjiegi l-ġodda maħluqa mnaqqsa minnhom l-impjiegi mitlufa f'perjodu partikolari

2 :

Din il-klassifika hija msejsa fuq ir-riżultati tat-Tabella tal-Innovazzjoni tal-2010 li tikklassifika l-pajjiżi f'erba' gruppi ta' prestazzjoni, skont il-prestazzjoni tagħhom fuq medda ta' 24 indikatur tal-innovazzjoni: (1) Ta' quddiem nett fl-innovazzjoni; (2) Segwaċi fl-innovazzjoni; (3) Innovaturi moderati u (4) Innovaturi modesti


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website