Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea biex tħaffef il-piż legali fuq is-suċċessjonijiet transfruntiera għamlu pass importanti 'l quddiem fil-Parlament Ewropew

Brussell, 01 ta' Marzu 2012 - Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex jitħaffef il-piż legali f'każ meta jmut xi membru ta' familja li jkollu proprjetà f'pajjiż ieħor tal-UE, għamlu pass importanti li jqarribhom lejn l-approvazzjoni finali wara l-vot tal-lum fil-kumitat ewlieni tal-Parlament Ewropew.

Madwar 12.3 miljun Ewropew jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE u hemm madwar 450 000 suċċessjoni internazzjonali kull sena, li jammontaw għal valur ta' EUR 120 biljun. Bħala sidien ta' proprjetà immobbli – djar u kontijiet tal-bank – il-familji jridu jħabbtu wiċċhom ma' regoli differenti dwar il-ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli fis-27 Stat Membru tal-UE. Pereżempju, jekk imut ċittadin Ġermaniż, li jkollu dar fin-Nofsinhar Franza , liema liġi tas-suċċessjoni tapplika, dik Franċiża jew dik Ġermaniża, fejn tidħol il-proprjetà tiegħu?

Il-vot Parlamentari tal-lum jista' jwassal malajr għal simplifikazzjoni sostanzjali tas-sistemazzjoni tas-suċċessjonijiet internazzjonali bil-proviżjoni ta' kriterju uniku biex jiġu ddeterminati kemm il-ġurisdizzjoni kif ukoll il-liġi applikabbli għal suċċessjoni transfruntiera: dik tar-residenza abitwali tal-persuna deċeduta. Il-vot ukoll iwitti t-triq għall-introduzzjoni ta' Ċertifikat Ewropew ta’ Suċċessjoni, li għandu jippermetti lin-nies iġibu l-provi li huma l-eredi jew l-amministraturi ta’ suċċessjoni mingħajr formalitajiet oħra madwar l-UE. Dan ikun progress konsiderevoli fil-konfront tas-sitwazzjoni preżenti fejn kultant huwa tassew diffiċli li wieħed ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu. Dan jirriżulta fi proċeduri aktar veloċi u orħos.

Wara l-vot tal-lum fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew, il-leġiżlazzjoni issa se tgħaddi għas-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew u għall-Kunsill tas-27 Ministru tal-Ġustizzja tal-UE għall-approvazzjoni tagħhom.

"Il-mewt ta' membru tal-familja hi ġrajja ta' niket u trawma, mingħajr ma wieħed iqis l-inkwiet legali addizzjonali," qalet il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni. "Il-vot tal-lum tal-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew hu pass kbir 'il quddiem lejn il-provvediment ta' ċertezza legali għal eluf ta' familji li jħabbtu wiċċhom ma' suċċessjonijiet internazzjonali. Fl-interess ta' aktar minn 12-il miljun ċittadin tal-UE li huma potenzjalment milquta mil-liġi l-ġdida tal-UE dwar is-suċċessjonijiet internazzjonali, nittama li l-Parlament u l-Kunsill se jkollhom il-ħila li jaslu għal ftehim malajr. B'mod partikolari, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni se jiffaċilita b'mod sostanzjali l-formalitajiet legali f'sitwazzjonijiet ta' suċċessjoni transfruntiera."

Fl-14 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni pproponiet Regolament għas-simplifikazzjoni tas-suċċessjonijiet internazzjonali (ara IP/09/1508). Skont ir-Regolament għandu jkun hemm kriterju uniku li jippermetti d-determinazzjoni kemm tal-kompetenza tal-awtoritajiet kif ukoll il-liġi applikabbli għal suċċessjoni transkonfinali: dik tar-residenza abitwali tal-persuna deċeduta. Iċ-ċittadini li jgħixu barra, madankollu, jkunu jistgħu jagħżlu li jissottomettu s-suċċessjoni sħiħa tagħhom għal-liġi tan-nazzjonalità tagħhom.

Il-kuntest

Kull sena fl-UE jkun hemm madwar 4.5 miljun suċċessjoni fl-UE, li minnhom madwar 10% jkollhom dimensjoni internazzjonali. Dawn is-suċċessjonijiet għandhom valur ta' madwar EUR 123 biljun kull sena.

Ir-regoli applikabbli għas-suċċessjonijiet internazzjonali huma kumplessi ħafna u mhumiex faċilment prevedibbli. Ir-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli jvarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor. Dan iwassal għal inċertezza legali kbira u inkwiet għal dawk li jkunu jridu jippjanaw is-suċċessjoni tagħhom, u għall-eredi tagħhom, li jistgħu jinqabdu f'diffikultajiet amministrattivi dwar il-wirt tal-proprjetà fi Stat Membru ieħor.

Biex iċ-ċittadini jingħataw għajnuna u jiksbu aktar tagħrif dwar dawn il-liġijiet, il-Kunsill tan-Nutara tal-UE, bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea, ħoloq websajt (http://www.successions-europe.eu/mt/home) bi 22 lingwa tal-UE u l-Kroat.

Il-proposta għal Regolament li jiffaċilita s-suċċessjonijiet internazzjonali hu eżempju konkret ta' kif l-UE taħdem favur il-ħolqien ta' żona ta' ġustizzja li tiffaċilita l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, kif stipulat mill-Viċi President Reding fl-20 ta' April 2010 fil-Pjan ta' Azzjoni għall-2010-2014 kif ukoll fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2010 (ara IP/10/1390).

Għal iktar tagħrif

  • Il-Kummissjoni Ewropea - Kwistjonijiet tal-familja u suċċessjonijiet:

http://ec.europa.eu/justice/civil/family-matters/index_en.htm

  • Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

  • Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja: http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website