Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Ambjent: X'taħseb dwar il-mistednin mingħajr invit?

Brussell, id-29 ta' Frar 2012 – Jeżistu ħafna każi meta annimali u pjanti jkunu ġew introdotti f'ambjent li ma jkunx naturali għalihom u li issa qed jinfirxu b'ritmu mgħaġġel, tant li jsiru theddida għad-diversità bijoloġika. Ċerti speċijiet "mhux nattivi" bħat-tadam u l-patata storikament ġew introdotti mingħajr l-ebda problema. Madankollu, għadd ieħor ta' speċijiet li jinkludu l-wiżż tal-Kanada, iż-żrinġijiet kbar Amerikani (bullfrogs), il-ħaxixa Ġappuniża (knotweed) u l-alga Caulerpa llum qed jinfirxu fl-ambjent tagħna u qed jheddu l-fawna u l-flora lokali tagħna u jikkawżaw ħsara konsiderevoli lill-ekosistemi u l-bjodiversità. Dawn il-każi ta' "speċijiet eżotiċi invasivi" jistgħu jheddu wkoll is-saħħa pubblika, jikkawżaw ħsara lill-uċuħ tar-raba' u l-bhejjem u jkollhom effetti ekonomiċi serji.< Il-Kummissjoni Ewropea qed tikkunsidra mezzi kif tittratta din il-problema, inkluż bi strument leġiżlattiv apposta ġdid, u qed titlob l-opinjonijiet permezz ta' konsultazzjoni online dwar kif tiġi tittratata din il-kwistjoni b'mod effettiv. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni ser jissarfu fi proposta li ser tidher aktar tard din is-sena.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Il-ħsara kkawżata lill-kapital naturali tagħna minn speċijiet eżotiċi invasivi hija stmata li tiswa sa EUR 12-il biljun kull sena. Wasal iż-żmien li nsibu politika effikaċi biex nirribattu din it-theddida li kull ma tmur qed tikber."

Sal-lum, aktar minn 11 000 speċijiet eżotiċi nstabu fl-ambjent Ewropew u bejn 10 u 15 % minnhom saru invażivi. Il-miżuri eżistenti li jżommuhom milli jidħlu fit-territorju tagħna u jinfirxu huma frammentati u mhumiex biżżejjed biex jitnaqqsu r-riskji b'mod sostanzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipprova tnaqqas din id-diskrepanza b'approċċ ibbażat fuq tliet pilastri li huma simili għall-approċċ propost mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika: l-ewwel nett, il-prevenzjoni; Imbagħad, li dawn jinstabu fi stadju bikri u jkun hemm rispons rapidu; u, fl-aħħar nett, il-qerda jew il-ġestjoni tal-preżenza tagħhom biex jiġu minimizzati l-impatti negattivi.

Din il-konsultazzjoni onlajn qed titlob l-opinjonijiet dwar kif għandha titfassal din l-istrateġija għar-realtajiet eżistenti, u tkopri kwistjonijiet bħal restrizzjonijiet possibli tal-kummerċ, skemi ta' tikkettar, mekkaniżmi ta' sorveljanza, miżuri ta' qerda u restawr tal-ekosistemi li tkun saritilhom il-ħsara. Il-konsultazzjoni tistieden lill-partijiet interessati, inklużi ċ-ċittadini individwali, l-industrija u r-rappreżentanti tal-konsumaturi, il-gruppi interessati, il-komunità tal-NGOs u l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jagħtu l-fehma tagħhom qabel it-12 ta' April 2012.

Sfond

L-introduzzjonijiet tal-ispeċijiet eżotiċi invażivi huma r-riżultat ta' azzjoni umana volontarja jew aċċidentali. Filwaqt li ħafna speċijiet introdotti jġibu benefiċċji konsiderevoli lis-soċjetà u l-ekonomija tagħna, oħrajn jiżbilanċjaw l-ekosistemi u jinfirxu b'modi li huma ferm distruttivi. Pereżempju, in-nemus Asjatiku li jikkawża d-deni dengue jidħol fit-territorju tagħna bħala bajd inattiv fuq it-tajers u l-organiżmi akkwatiċi li jagħmlu ħsara lill-amjenti tal-baħar ġeneralment jiġu introdotti permezz tal-ilma tas-saborra fil-vapuri. Hekk kif il-kummerċ u l-ivvjaġġar qed ikomplu jiżdiedu, id-dħul tal-ispeċijiet eżotiċi invażivi huwa mistenni li jikber.

Il-problema hija aktarx it-tieni l-akbar theddida għall-bijodiversità, wara t-telf tal-ħabitat. Id-diversità bijoloġika tad-dinja attwalment hija taħt pressjoni sinifikanti minn għadd ta' theddidiet li ħafna drabi ġejjin mill-attività umana u li qed tkompli taggrava bit-tibdil fil-klima. Il-bijodiversità hija l-bażi ta' fluss ta' oġġetti u servizzi tal-ekosistema (l-ikel, il-fjuwil, il-fibri, il-fluss u l-kwalità tal-ilma, il-fertilità tal-ħamrija u ċiklu tan-nutrijenti) u hija l-qofol tal-benessri uman. Madankollu, madwar żewġ terzi tas-servizzi tal-ekosistema madwar id-dinja qegħdin jonqsu. Fl-UE, dan it-tnaqqis qed jintwera bil-kollass tal-istokkijiet tal-ħut, id-degradazzjoni tal-ħamrija mifruxa, il-ħsarat mill-għarar li jiswew ħafna flus, u l-organiżmi slavaġ li qed jisparixxu.

Aktar tagħrif:

Tista' tieħu sehem fl-istħarriġ fuq:

http://ec.europa.eu/environment/consultations/invasive_aliens.htm

Għal aktar tagħrif dwar l-ispeċijiet eżotiċi invażivi ara:

http://ec.europa.eu/environment/nature/invasivealien/index_en.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website