Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Sħubija għall-Innovazzjoni: proposti ġodda dwar il-materja prima, l-agrikoltura u t-tixjiħ b'saħħtu biex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea

Commission Européenne - IP/12/196   29/02/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Sħubija għall-Innovazzjoni: proposti ġodda dwar il-materja prima, l-agrikoltura u t-tixjiħ b'saħħtu biex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea

Brussell, id-29 ta' Frar 2012 – illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet azzjoni deċiżiva biex tilqa' għal tliet sfidi ewlenin li qed taffronta s-soċjetà tagħna, f'oqsma li huma kruċjali għat-tkabbir u l-impjiegi: il-forniment tal-materja prima, l-agrikoltura sostenibbli u t-tixjiħ attiv u b'saħħtu. It-tlieta li huma jesiġu sforz ta' innovazzjoni aktar miftiehem mas-settur pubbliku u privat kollu, sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u tqiegħed lill-Ewropa fil-pożizzjoni ta' mexxej globali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni nediet żewġ Sħubijiet Ewropej ġodda għall-Innovazzjoni (European Innovation Partnerships - EIPs) – waħda dwar il-Materja Prima u oħra dwar is-Sostenibbilità u l-Produttività Agrikola – u approvat pjan ta' azzjoni għal erba' snin għal Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu, li huwa proġett pilota mniedi fi Frar 2011. L-EIPs jużaw strateġija ġdida biex jittrattaw il-katina kollha tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, billi jqarrbu l-partijiet interessati pubbliċi u privati bejn il-fruntieri u s-setturi sabiex jitħaffef l-użu tal-innovazzjoni. Kull Sħubija għandha mira ambizzjuża x'tilħaq sal-2020, u huma mistennija li jibdew jiksbu xi riżultati bejn sena u tliet snin oħra. L-aħbar tal-lum waslet ftit qabel ma ser jiltaqa' l-Kunsill Ewropew li mistenni li jasserixxi mill-ġdid li post ir-riċerka u l-innovazzjoni huwa fiċ-ċentru tal-irkupru ekonomiku Ewropew

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, qal: "Jeħtieġ li nkunu innovattivi biex nerġgħu nqiegħdu lill-Ewropa lura fit-triq lejn it-tkabbir u l-impjiegi, u biex insibu soluzzjonijiet għal sfidi kbar bħall-aċċess għall-materja prima, l-agrikoltura sostenibbli u s-soċjetà tagħna li qed tixjieħ. Is-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni ser jeqirdu l-ostakli, iwarrbu kull xkiel u jiffokaw l-isforzi tagħna fuq ir-riżultati li huma importanti għaċ-ċittadini u n-negozji tagħna ."

Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) hija kunċett ġdid li kien introdott fl-inizjattiva ewlenija ta' Unjoni tal-Innovazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020: . L-għan huwa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet, ix-xkiel u l-ostakli fis-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea li jipprevjenu jew inaqqsu r-ritmu ta' ideat ġodda milli jiżviluppaw u jitwasslu sas-suq. Dawn jinkludu nuqqas ta' investiment, regolamenti mhux aġġornati, nuqqas ta' standards u frammentazzjoni tas-swieq. Kull Sħubija titmexxa minn Grupp ta' Tmexxija ppresedut mill-Kummissarju Ewropew jew Kummissarji b'responsabbiltà għall-qasam jew oqsma ta' politika kkonċernati, Magħhom jingħaqdu r-rappreżentanti tal-Istati Membri (il-Ministri), il-Membri tal-Parlamenti, il-mexxejja tal-industrija, ir-riċerkaturi, is-soċjetà ċivili u kwalunkwe parti interessata ewlenija oħra. L-EIPs jidentifikaw x'hemm bżonn isir biex jingħeleb ix-xkiel – minn żvilupp ulterjuri tat-teknoloġiji sat-tfassil xieraq tal-oqsfa tas-suq u billi tiġi stimulata d-domanda – u tissaħħaħ l-azzjoni fis-setturi pubbliċi u privati. Dawn ma jieħdux post il-programmi ta' finanzjament jew il-proċessi regolatorji, iżda jipprovdu pjattaforma komuni għall-kooperazzjoni.

Sħubija għall-Innovazzjoni biex tingħeleb l-iskarsezza tal-materja prima tal-Ewropa

Il-forniment tal-materja prima, li tagħti l-ħajja lill-industrija tat-teknoloġija avvanzata tal-lum, kulma tmur qed tkun aktar taħt pressjoni. Bil-għan li tiżdied il-produzzjoni tal-Ewropa stess, skont il-proposta biex tiġi stabbilita Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-materja prima, l-isforzi konġunti tal-innovazzjoni ser jappoġġjaw l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-materja prima. Pereżempju, ġie stmat li l-valur tar-riżorsi minerali Ewropej mhux sfruttat f'fond ta' bejn il-500 metru u l-1,000 metru huwa ta' EUR 100 biljun. It-teknoloġiji ġodda ser jgħinu biex ikun hemm estrazzjoni aktar profonda, f'żoni aktar remoti u taħt kundizzjonijiet ħorox. L-azzjoni hija meħtieġa wkoll għall-iżvilupp ta' sostituti għall-materja prima kritika u għat-titjib tar-riċiklaġġ tat-tagħmir elettriku u elettroniku u skart ieħor. L-aċċess imtejjeb għall-minerali ser itejjeb l-iżvilupp ta' prodotti innovattivi bħas-saffi fotovoltajċi rqaq, id-dawl b'enerġija effiċjenti, il-vetturi elettriċi, l-ajruplani avvanzati tal-passiġġieri, l-ottika infraħamra u l-fibra tal-ħġieġ.

Il-Viċi President, Antonio Tajani, responsabbli għall-Industrija u l-Imprenditorija qal: “Jeħtieġ li niġbdu ħabel wieħed biex nisfruttaw il-potenzjal enormi tal-materja prima tal-Ewropa nnifisha. Sal-2020, tinħtieġ azzjoni intensifikata biex l-Ewropa ssir il-mexxej dinji fil-ħiliet relatati mal-esplorazzjoni, l-estrazzjoni, l-ipproċessar, ir-riċiklaġġ u s-sostituzzjoni. Din l-azzjoni se tkun kruċjali għall-ħila tal-Ewropa biex tiżviluppa llum it-teknoloġiji ta' għada. Din l-innovazzjoni hija deċiżiva għall-kompetittività, it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi ġodda tal-Ewropa."

MEMO/12/144

Carlo Corazza +32 2 295 1752

Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Agrikoltura

Is-sigurtà tal-ikel hija waħda mill-isfidi dinjija ewllenin għas-snin li ġejjin, hekk kif id-domanda globali għall-ikel mistennija tiżdied b'70 % sal-2050 (FAO), flimkien ma' żieda qawwija fid-domanda għall-għalf, il-fibra, il-bijomassa u l-bijomaterjal. Madankollu, din l-isfida hija akkumpanjata mit-tnaqqis fit-tkabbir tal-produttività – speċjalment minħabba tnaqqis fl-investiment fir-riċerka agrikola – u pressjoni akbar fuq l-ambjent u r-riżorsi naturali tagħna. Pereżempju, 45 % tal-ħamrija tal-Ewropa għandha problemi ta' kwalità. Madwar 40 % tal-art agrikola hija vulnerabbli għat-tniġġis tan-nitrati u, matul l-aħħar 20 sena, l-għasafar li jinsabu f'ħabitats agrikoli naqsu b'20-25 %.

Fil-qosor, l-isfida ewlenija għall-agrikoltura fil-ġejjieni mhijiex biss li tipproduċi aktar, iżda wkoll li din issir b'mod sostenibbli. Dawn l-isfidi mhumiex ser jiġu solvuti mingħajr spinta qawwija favur it-tħaddin tar-riċerka u l-innovazzjoni – u b'mod partikolari billi jiġu mqarrba r-riċerkaturi, il-bdiewa u l-partijiet interessati oħrajn sabiex inħaffu l-pass tat-trasferiment teknoloġiku mix-xjenza lill-prattika agrikola, u jingħataw reazzjonijiet b'mod aktar sistematiku, mill-biedja lix-xjenza, dwar il-ħtiġijiet tal-prattika . Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) "Il-Produttività u s-Sostenibilità Agrikola" għandha l-għan li tipprovdi qafas ta' ħidma bejn l-agrikoltura, il-bijoekonomija, ix-xjenza, u oħrajn fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-UE. Din se sservi wkoll ta' katalista biex ittejjeb l-effikaċja tal-azzjonijiet marbutin mal-innovazzjoni appoġġjati mill-Politika għall-Iżvilupp Rurali kif ukoll l-Unjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Żewġ miri ewlenin ġew identifikati għal din l-EIP – il-promozzjoni tal-produttività u l-effiċjenza tas-settur agrikolu (biex sal-2020 tkun saret inverżjoni fix-xejra riċenti tal-kisbiet tal-produttività li dejjem qed jonqsu); u s-sostenibilitità tal-agrikoltura (tiġi żgurata funzjonalità tal-ħamrija* f'livell sodisfaċenti sal-2020).

Il-Kummissarju tal-UE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Dacian Cioloş stqarr: "L-isfida ewlenija għall-agrikoltura fil-ġejjieni mhijiex biss kif se nipproduċu aktar, iżda wkoll kif se nipproduċu aħjar. It-tħaddin tar-riċerka u l-innovazzjoni xprunata mid-domanda, kif ukoll tixrid imtejjeb tal-aħjar prattiki ser ikunu essenzjali għal dan il-għan."

MEMO/12/147

Roger Waite +32 2 296 1404

Sħubija Ewropea għall-innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu

It-tixjiħ demografiku huwa wieħed mill-isfidi l-aktar serji li qed tiffaċċja l-Ewropa llum. L-għadd ta' ċittadini Ewropej li għandhon 65 sena jew aktar ser jirdoppja tul il-50 sena li ġejjin, minn 87 miljun fl-2010 għal 148 miljun fl-2060. 1

Filwaqt li din tippreżenta sfida speċifika għas-sistemi soċjali u ta' kura Ewropej, hija wkoll opportunità biex dawn is-sistema jitfasslu mill-ġdid fl-interess tal-pazjenti, is-sistemi tal-kura tas-saħħa, u l-industrija innovatta.

Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni u dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu ġienet stabbilita biex tilqa' għal dawn l-isfidi. F'Novembru 2011, din fasslet Pjan Strateġiku ta’ Implimentazzjoni (Strategic Implementation Plan - SIP) billi identifikat l-oqsma ta' prijorità għal azzjonijiet għall-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji u s-soċjetà ċivili (ara IP/11/1309, IP/11/519).

Il-Komunikazzjoni tal-lum mill-Kummissjoni hija segwitu konkret għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet speċifiċi. Din tinkludi: stedina għall-impenn mill-partijiet interessati; it-twaqqif ta' post tas-suq għal ideat innovattivi; l-indirizzar ta' kwistjonijiet regolatorji u ta' standardizzazzjoni. Din ser ittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini anzjani, tgħinhom jikkontribwixxu lis-soċjetà hekk kif jixjieħu, u tnaqqas il-pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa u l-kura – bl-għan aħħari jkun li tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli.

Il-Kummissjoni tiffonferma l-impenn tagħha li tappoġġja l-implimentazzjoni tal-SIP, b'mod partikolari billi:

  • illum, tniedi l-ewwel stedina lill-partijiet interessati biex jimpenjaw ruħhom f'azzjonijiet speċifiċi fl-innovazzjoni għat-tixjiħ attiv u b'saħħtu (ara hawn;

  • sa April 2012, twaqqaf "post tas-suq għal ideat innovattivi", li jgħin lill-partijiet interessati jfittxxu msieħba, jaqsmu l-prattika t-tajba, u jxerrdu l-evidenza;

  • jkun hemm allinjament u użu effikaċi tal-istrumenti ta' finanzjament tal-UE bħall-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (Competitiveness and Innovation Programme - CIP), is-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Program għas-Saħħa

  • tindirizza kwistjonijiet regolatorji u ta' standardizzazzjoni, pereżempju, billi tappoġġja l-iżvilupp ta' qafas ġdid tal-UE għall-ittestjar tal-interoperabilità, it-tikkettar ta' kwalità u ċ-ċertifikazzjoni dwar is-saħħa elettronika (Saħħa-e);

John Dalli, il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur saħaq li: "It-tixjiħ attiv u b'saħħtu huwa ċentrali għaċ-ċittadini tagħna, għall-vijabbilità tas-sistemi ta' saħħa u kura tagħna, u joffri potenzjal industrijali importanti. Il-Kummissjoni hija determinata li tappoġġja l-implimentazzjoni rapida tal-oqsma ta' prijorità miftiehma mis-Sħubija fl-2011. L-ambizzjoni tagħna hija li niksbu riżultati tanġibbli fis-sentejn li ġejjin."

Il-Viċi President, Neelie Kroes qalet "Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu ser tgħinna ntejbu s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u ser tgħin biex tiġi żgurata li s-sistema ta' kura tagħna tkun waħda sostenibbli fit-tul. Inħeġġu lill-partijiet interessati involuti biex jikkontribwixxu lill-isforzi tagħna u jgħinuna nindirizzaw it-tranżizzjoni demografika b'mod determinat".

Frédéric Vincent +32 2 298 7166

Ryan Heath +32 2 296 1716

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen +32 2 295 3070

Mark Gray +32 2 298 8644

Michael Jennings +32 22 96 33 88

1 :

ECFIN Ageing Study 2009

http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/publication_summary14911_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site