
Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa
Il-Kummissjoni taġixxi biex iżżid il-fondi għall-persuni l-aktar fil-bżonn għal EUR 500 miljun fl-2012
Brussell, it-28 ta' Frar 2012 – Il-Kumitat tal-Ġestjoni llum approva d-distribuzzjoni finali tal-Iskema tal-Għajnuna għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn għall-2012 u din ser tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fil-futur qrib. Kien ikkonfermat li għal din is-sena ser ikunu disponibbli total ta' EUR 500 miljun għall-iskema, li mistennija jgawdu minnha mat-18 – 19-il miljun ruħf'20 Stat Membru. Il-vot tal-lum isegwi l-adozzjoni formali l-ġimgħa li għaddiet tal-qafas legali ġdid mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
Wara deċiżjoni tal-Qorti fit-13 ta' April 2011, li kwalunkwe ikel kopert mill-programm jista' jinħareġ biss mill-ħażniet ta' intervent pubbliku (u mhux mis-suq ħieles), is-sena li għaddiet, l-impenn għall-2012 kien limitat għal EUR 113 il-miljun biss – li huwa ekwivalenti għal volumi li għad fadal tal-ħażniet ta' intervent (IP/11/756). Il-Kummissjoni diġà kienet konxja minn din il-problema potenzjali fir-Regolament eżistenti li rriżulta mit-tbattil tal-ħażniet pubbliċi, ufl-2008 kienet ġa ressqet proposti biex tevita l-problemi tal-fornimenti tal-ikel. Peress li l-Kunsill ma approvax il-proposti (minkejja l-appoġġ tal-Parlament Ewropew), il-Kummissjoni emendat il-proposti tagħha f'Settembru 2010 (ara IP/10/141) u għamlet emendi ġodda f'Ottubru 2011 (ara IP/11/1148) sabiex tiffaċilta ftehim. F'Diċembru 2011, il-Ministri tal-Agrikoltura tal-UE laħqu ftehim dwar dawn ir-regoli l-ġodda li ser jippermettu l-allokazzjonijiet monetarji għax-xiri tal-prodotti tal-ikel fis-suq, fin-nuqqas tal-ħażniet tal-intevent. Sussegwementament, il-ftehim ġie appoġġjat fit-tieni qari tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u l-ġimgħa l-oħra ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri (u l-organizzazzjonijiet karitatevoli) fil-ġimgħat riċenti sabiex tiżgura li l-volumi finali disponibbli jkunu jistgħu jiġu ffinalizzati kemm jista' jkun malajr wara li jiġi adottat ir-Regolament il-ġdid.
Waqt li kien qed jitkellem wara l-vot tal-lum, Dacian Cioloș, il-Kummissarju tal-UE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali stqarr: "Kuntent li fl-aħħar irnexxielna nadottaw miżuri li ser jutilizzaw il-baġit sħiħ għall-Għajnuna lill-Persuni l-Aktar fil-Bżonn għall-2012. F'dan il-mument ta' kriżi ekonomika, din l-iskema saret aktar importanti minn qatt qabel, u nemmen li l-fatt li qed jiġu pprovduti EUR 500 miljun tal-fondi tal-UE għal dan l-iskop huwa sinjal ta' solidarjetà f'dawn iż-żminijiet diffiċli."
Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor stqarr: "Ninsab kuntent li l-Ewropa ma ddiżappuntatx li dawk li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. L-UE għandha bżonn strumenti b'saħħithom u viżibbli biex niġġieldu l-esklużjoni soċjali. Aħna impenjati li nnaqqsu l-għadd ta' persuni fqar fl-UE b'mill-anqas 20 miljun fi tmien id-diċennju u dan il-programm għandu jibqa' parti minn dan l-isforz."
Sfond
“Il-Programm ta’ Tqassim tal-Ikel lill-Persuni l-Aktar fil-Bżonn tal-Komunità” (MDP) tal-UE ilu jeżisti sa minn Diċembru 1987, meta l-Kunsill kien adotta r-regoli biex jiġu rilaxxati l-ħażniet pubbliċi tal-intervent tal-prodotti agrikoli lill-Istati Membri li jkunu jixtiequ jużawhom bħala għajnuna alimentari lill-persuni l-aktar fil-bżonn tal-Komunità.
Wara negozjati intensivi, fil-15 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar il-kontinwazzjoni tal-iskema attwali sal-2013. Matul is-sessjoni plenarja ta' Frar, il-Parlament qabel mal-pożizzjoni tal-Kunsill sabiex ir-regoli l-ġodda jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli. Ir-Regolament (UE) Nru 121/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-distribuzzjoni ta' prodotti tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni ġiet adottata fil-25 ta' Fraf 2012.
Id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-programm rivedut huma dawn li ġejjin:
L-iskema tibqa’ ffinanzjata b’mod sħiħ mill-baġit tal-UE b’limitu massimu ta’ EUR 500 miljun għal kull sena baġitarja.
L-iskema attwali tispiċċa wara perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali, li jispiċċa bl-ikkompletar tal-pjan annwali tal-2013.
Il-bażi legali tal-Programm tal-UE għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn tibqa’ kif inhi (l-Artikoli 42 u 43(2)) għall-perjodu ta’ żmien tal-eliminazzjoni gradwali.
Ix-xiri mis-suq isir sors regolari ta’ forniment għall-programm biex ikunu kkumplimentati l-ħażniet ta’ intervent. Madankollu, il-prijorità tingħata lill-użu ta’ ħażniet ta’ intervent xierqa fejn dawn huma disponibbli.
L-Istati Membri jagħżlu l-prodotti tal-ikel abbażi ta' kriterji oġġettivi, inklużi l-valuri nutrittivi u kemm ikunu xierqa għad-distribuzzjoni.
L-Istati Membri jistgħu jagħtu preferenza lill-prodotti tal-ikel li ġejjin mill-Unjoni.
L-ispejjeż għall-ħżin imġarrba mill-organizzazzjonijiet tal-karità jsiru eliġibbli għal rimborż.
Applikabbiltà retroattiva mill-1 ta’ Jannar 2012.
Iktar Informazzjoni:
Għal dokumenti u iktar tagħrif dwar il-programm ta' tqassim tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn, jekk jogħġbok ara: http://ec.europa.eu/agriculture/most-deprived-persons/index_en.htm
Anness: Riżorsi finanzjarji totali disponibbli għall-implimentazzjoni tal-pjan għall-2012
Anness: Riżorsi finanzjarji totali disponibbli għall-implimentazzjoni tal-pjan għall-2012 (f'EUR)
Ammonti totali finali | Mogħtija qabel (Ġunju 2011) | Ammonti supplimentari | |
Il-Belġju | 11 710 463 | 2 795 058 | 8 915 405 |
Il-Bulgarija | 21 439 346 | 4 183 873 | 17 255 473 |
Ir-Repubblika Ċeka | 135 972 | 122 600 | 13 372 |
L-Estonja | 2 359 486 | 718 782 | 1 640 704 |
L-Irlanda | 2 594 467 | 1 304 105 | 1 290 362 |
Il-Greċja | 21 651 199 | 4 805 742 | 16 845 457 |
Spanja | 80 401 345 | 18 084 154 | 62 317 191 |
Franza | 70 563 823 | 15 869 928 | 54 693 895 |
L-Italja | 95 641 425 | 22 103 802 | 73 537 623 |
Il-Latvja | 5 558 220 | 1 558 586 | 3 999 634 |
Il-Litwanja | 7 491 644 | 1 849 759 | 5 641 885 |
Il-Lussemburgu | 171 704 | 47 463 | 124 241 |
L-Ungerija | 13 715 022 | 3 237 794 | 10 477 228 |
Malta | 721 992 | 131 505 | 590 487 |
Il-Polonja | 75 296 812 | 17 310 824 | 57 985 988 |
Il-Portugall | 19 332 607 | 4 524 628 | 14 807 979 |
Ir-Rumanija | 60 689 367 | 12 035 925 | 48 653 442 |
Is-Slovenja | 2 533 778 | 515 467 | 2 018 311 |
Is-Slovakkja | 5 098 384 | 959 383 | 4 139 001 |
Il-Finlandja | 2 892 944 | 1 327 965 | 1 564 979 |
Total | 500 000 000 | 113 487 343* | 386 512 657 |
Nota: * b'mod formali, l-allokazzjonijiet ta' Ġunju 2011 ġew issupplimentati b'EUR 7 miljun għat-trasferiment tal-baġit fl-UE, iżda dawn qatt ma ġew allokati lill-Istati Membri speċifiċi;
Ara IP/10/1284 għad-distribuzzjoni skont il-programm tal-2011;
|
Roger Waite (+32 2 296 14 04) |