Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni taġixxi biex iżżid il-fondi għall-persuni l-aktar fil-bżonn għal EUR 500 miljun fl-2012

Brussell, it-28 ta' Frar 2012 – Il-Kumitat tal-Ġestjoni llum approva d-distribuzzjoni finali tal-Iskema tal-Għajnuna għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn għall-2012 u din ser tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fil-futur qrib. Kien ikkonfermat li għal din is-sena ser ikunu disponibbli total ta' EUR 500 miljun għall-iskema, li mistennija jgawdu minnha mat-18 – 19-il miljun ruħf'20 Stat Membru. Il-vot tal-lum isegwi l-adozzjoni formali l-ġimgħa li għaddiet tal-qafas legali ġdid mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Wara deċiżjoni tal-Qorti fit-13 ta' April 2011, li kwalunkwe ikel kopert mill-programm jista' jinħareġ biss mill-ħażniet ta' intervent pubbliku (u mhux mis-suq ħieles), is-sena li għaddiet, l-impenn għall-2012 kien limitat għal EUR 113 il-miljun biss – li huwa ekwivalenti għal volumi li għad fadal tal-ħażniet ta' intervent (IP/11/756). Il-Kummissjoni diġà kienet konxja minn din il-problema potenzjali fir-Regolament eżistenti li rriżulta mit-tbattil tal-ħażniet pubbliċi, ufl-2008 kienet ġa ressqet proposti biex tevita l-problemi tal-fornimenti tal-ikel. Peress li l-Kunsill ma approvax il-proposti (minkejja l-appoġġ tal-Parlament Ewropew), il-Kummissjoni emendat il-proposti tagħha f'Settembru 2010 (ara IP/10/141) u għamlet emendi ġodda f'Ottubru 2011 (ara IP/11/1148) sabiex tiffaċilta ftehim. F'Diċembru 2011, il-Ministri tal-Agrikoltura tal-UE laħqu ftehim dwar dawn ir-regoli l-ġodda li ser jippermettu l-allokazzjonijiet monetarji għax-xiri tal-prodotti tal-ikel fis-suq, fin-nuqqas tal-ħażniet tal-intevent. Sussegwementament, il-ftehim ġie appoġġjat fit-tieni qari tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u l-ġimgħa l-oħra ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri (u l-organizzazzjonijiet karitatevoli) fil-ġimgħat riċenti sabiex tiżgura li l-volumi finali disponibbli jkunu jistgħu jiġu ffinalizzati kemm jista' jkun malajr wara li jiġi adottat ir-Regolament il-ġdid.

Waqt li kien qed jitkellem wara l-vot tal-lum, Dacian Cioloș, il-Kummissarju tal-UE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali stqarr: "Kuntent li fl-aħħar irnexxielna nadottaw miżuri li ser jutilizzaw il-baġit sħiħ għall-Għajnuna lill-Persuni l-Aktar fil-Bżonn għall-2012. F'dan il-mument ta' kriżi ekonomika, din l-iskema saret aktar importanti minn qatt qabel, u nemmen li l-fatt li qed jiġu pprovduti  EUR 500 miljun tal-fondi tal-UE għal dan l-iskop huwa sinjal ta' solidarjetà f'dawn iż-żminijiet diffiċli."

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor stqarr: "Ninsab kuntent li l-Ewropa ma ddiżappuntatx li dawk li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. L-UE għandha bżonn strumenti b'saħħithom u viżibbli biex niġġieldu l-esklużjoni soċjali. Aħna impenjati li nnaqqsu l-għadd ta' persuni fqar fl-UE b'mill-anqas 20 miljun fi tmien id-diċennju u dan il-programm għandu jibqa' parti minn dan l-isforz."

Sfond

“Il-Programm ta’ Tqassim tal-Ikel lill-Persuni l-Aktar fil-Bżonn tal-Komunità” (MDP) tal-UE ilu jeżisti sa minn Diċembru 1987, meta l-Kunsill kien adotta r-regoli biex jiġu rilaxxati l-ħażniet pubbliċi tal-intervent tal-prodotti agrikoli lill-Istati Membri li jkunu jixtiequ jużawhom bħala għajnuna alimentari lill-persuni l-aktar fil-bżonn tal-Komunità.

Wara negozjati intensivi, fil-15 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar il-kontinwazzjoni tal-iskema attwali sal-2013. Matul is-sessjoni plenarja ta' Frar, il-Parlament qabel mal-pożizzjoni tal-Kunsill sabiex ir-regoli l-ġodda jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli. Ir-Regolament (UE) Nru 121/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-distribuzzjoni ta' prodotti tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni ġiet adottata fil-25 ta' Fraf 2012.

Id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-programm rivedut huma dawn li ġejjin:

  • L-iskema tibqa’ ffinanzjata b’mod sħiħ mill-baġit tal-UE b’limitu massimu ta’ EUR 500 miljun għal kull sena baġitarja.

  • L-iskema attwali tispiċċa wara perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali, li jispiċċa bl-ikkompletar tal-pjan annwali tal-2013.

  • Il-bażi legali tal-Programm tal-UE għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn tibqa’ kif inhi (l-Artikoli 42 u 43(2)) għall-perjodu ta’ żmien tal-eliminazzjoni gradwali.

  • Ix-xiri mis-suq isir sors regolari ta’ forniment għall-programm biex ikunu kkumplimentati l-ħażniet ta’ intervent. Madankollu, il-prijorità tingħata lill-użu ta’ ħażniet ta’ intervent xierqa fejn dawn huma disponibbli.

  • L-Istati Membri jagħżlu l-prodotti tal-ikel abbażi ta' kriterji oġġettivi, inklużi l-valuri nutrittivi u kemm ikunu xierqa għad-distribuzzjoni.

  • L-Istati Membri jistgħu jagħtu preferenza lill-prodotti tal-ikel li ġejjin mill-Unjoni.

  • L-ispejjeż għall-ħżin imġarrba mill-organizzazzjonijiet tal-karità jsiru eliġibbli għal rimborż.

  • Applikabbiltà retroattiva mill-1 ta’ Jannar 2012.

Iktar Informazzjoni:

Anness: Riżorsi finanzjarji totali disponibbli għall-implimentazzjoni tal-pjan għall-2012 (f'EUR)

Ammonti totali finali

Mogħtija qabel (Ġunju 2011)

Ammonti supplimentari

Il-Belġju

11 710 463

2 795 058

8 915 405

Il-Bulgarija

21 439 346

4 183 873

17 255 473

Ir-Repubblika Ċeka

135 972

122 600

13 372

L-Estonja

2 359 486

718 782

1 640 704

L-Irlanda

2 594 467

1 304 105

1 290 362

Il-Greċja

21 651 199

4 805 742

16 845 457

Spanja

80 401 345

18 084 154

62 317 191

Franza

70 563 823

15 869 928

54 693 895

L-Italja

95 641 425

22 103 802

73 537 623

Il-Latvja

5 558 220

1 558 586

3 999 634

Il-Litwanja

7 491 644

1 849 759

5 641 885

Il-Lussemburgu

171 704

47 463

124 241

L-Ungerija

13 715 022

3 237 794

10 477 228

Malta

721 992

131 505

590 487

Il-Polonja

75 296 812

17 310 824

57 985 988

Il-Portugall

19 332 607

4 524 628

14 807 979

Ir-Rumanija

60 689 367

12 035 925

48 653 442

Is-Slovenja

2 533 778

515 467

2 018 311

Is-Slovakkja

5 098 384

959 383

4 139 001

Il-Finlandja

2 892 944

1 327 965

1 564 979

Total

500 000 000

113 487 343*

386 512 657

Nota: * b'mod formali, l-allokazzjonijiet ta' Ġunju 2011 ġew issupplimentati b'EUR 7 miljun għat-trasferiment tal-baġit fl-UE, iżda dawn qatt ma ġew allokati lill-Istati Membri speċifiċi;

Ara IP/10/1284 għad-distribuzzjoni skont il-programm tal-2011;

Contact :

Roger Waite (+32 2 296 14 04)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site