Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Iskart – mezz li jwassal malajr għal ħolqien ta’ impjiegi u tnaqqis fl-ispejjeż

Brussell, it-13 ta’ Jannar 2012 – Skont studju tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikat illum implimentazzjoni sħiha tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart għandha tiffranka EUR 72 biljun fis-sena, iżżid il-fatturat annwali tal-ġestjoni tal-iskart u tas-settur tar-reċiklaġġ tal-UE b’EUR 42 biljun u toħloq aktar minn 400 000 impjieg sal-2020. Operazzjonijiet illegali ta’ skart fl-Istati Membri qed jikkawżaw telfien ta’ opportunitajiet għal tkabbir ekonomiku, però spezzjonijiet nazzjonali iktar stretti u għarfien aħjar tal-ġestjoni tal-iskart għandhom iwasslu għal titjib kbir.

Il-Kummissjunarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Jeħtieġ li naraw l-iskart bħala riżors – u li nidfnu dak ir-riżors taħt l-art huwa agħar milli nħarsu għall-qrib biss. Dan ir-rapport juri li l-ġestjoni u r-reċiklaġġ tal-iskart jistgħu jagħtu kontribuzzjoni ewlenija għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi. Li kieku l-leġiżlazzjoni eżistenti ġiet implimentata kif suppost, stajna nevitaw operazzjonijiet ta’ tindif, tniġġis u problemi tas-saħħa. U ejjew ma ninsewx li materjali rreċiklati huma orħos minn dawk verġni – u li dawn inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u d-dipendenza tagħna fuq l-importazzjoni.”

Implimentazzjoni aħjar twassal għal benefiċċji sinifikanti

L-istudju janalizza fid-dettall l-effetti ta’ implimentazzjoni u infurzar aħjar u juri li l-benefiċċji għandhom ikunu sinifikanti. Janalizza wkoll għadd ta’ każijiet ta’ studju f’Ċipru, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi biex juri l-benefiċċji ekonomiċi, finanzjarji u soċjali lill-Istati Membri.

Is-settur tal-ġestjoni tal-iskart u tar-reċiklaġġ tal-UE huwa dinamiku ħafna, però għadu joffri opportunitajiet ekonomiċi b’potenzjal enormi għal tkabbir. Fl-2008, l-introjtu ta’ EUR 145 biljun tal-UE kien jirrapreżenta madwar 1 % tal-PDG tagħha u 2 miljuni impjieg. Konformità mal-politika tal-UE għandha tgħin biex jinħoloq settur b’2.4 miljun impjieg u introjtu annwali totali ta’ EUR 187 biljun.

Il-problema ewlenija hija li bosta prezzijiet ma jirriflettux l-ispiża vera tar-rimi ta’ oġġetti – li kieku dawn kienu jirriflettuhom,l-ewwel nett, dan kien jgħin biex jevitaw l-iskart. Barra minn hekk, bosta Stati Membri għad ma għandhomx l-infrastruttura adegwata biex jisseparaw il-ġbir, jirreċiklaw u jirkupraw l-iskart. In-nuqqas ta’ mekkaniżmi sistematiċi ta’ kontroll u infurzar huwa ostaklu ieħor, flimkien ma’ nuqqas ta’ dejta affidabbli dwar il-ġestjoni tal-iskart.

Erba’ konklużjonijiet ewlenin

  • L-istudju jikkonkludi li jeħtieġ li nsiru nafu iktar dwar l-iskart. Għandhom isiru disponibbli dejta aħjar u monitoraġġ sistematiku dwar kif il-liġijiet jaħdmu fil-prattika. F’dan il-qasam sar progress, b’Ċentru ta' Dejta dwar l-Iskart imwaqqaf riċentament mill-Eurostat.

  • Użu aħjar tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, u użu ikbar ta’ strumenti ekonomiċi bħal żieda fl-ispejjeż tar-rimi, jistgħu jgħinu biex jiżguraw il-konformità u jipprovdu r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għal ġestjoni tal-iskart.

  • Jeħtieġ li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ spezzjoni u monitoraġġ fl-Istati Membri. Dan jista’ jfisser li tiġi stabbilita kapaċità ta’ awditjar fil-livell tal-UE u, possibbilment, standards komuni għall-ispezzjoni.

  • Għażla waħda relattivament kosteffikaċi biex jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni fil-livell tal-UE tista’ tkun li jintużaw l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (European Environment Agency - EEA). Din l-għażla għandha ġġib spejjeż amministrattivi aktar baxxi milli tinħoloq aġenzija ġdida ddedikata għall-iskart.

Il-Passi li Jmiss

Il-konklużjonijiet tal-istudju ser jiġu diskussi u analizzati mill-Kummissjoni. Ser iservu bħala bażi għall-iżvilupp ta’ taħlita bbilanċjata ta’ strumenti legali u ekonomiċi kif issuġerixxew il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti ta’ Riżorsi u l-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni tal-Iskart. Dawn l-istrateġiji jinkuraġixxu inċentivi ekonomiċi u legali bħal taxxi fuq il-miżbla jew il-projbizzjoni tagħhom, estensjoni ta’ skemi ta’ “responsabbiltà tal-produttur” u l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ “ħlas skont kemm tarmi”.

Sfond

L-ekonomija tal-UE tuża 16-il tunnellata ta’ materjal għal kull persuna fis-sena, li minnhom 6 tunnellati jsiru skart, nofshom imorru fil-miżbla. Bosta Stati Membri jiddependu prinċipalment fuq miżbla bħala l-għażla preferita għall-ġestjoni tal-iskart. Din is-sitwazzjoni tippersisti minkejja li mhix sostenibbli u l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-Iskart.

Il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Uzu Effiċjenti tar-Riżorsi jistabbilixxi l-passi kruċjali biex jiġi żgurat li sal-2020 l-iskart mhux biss jiġi ġestit bħala riżors iżda jkun hemm ukoll reviżjoni tal-miri ta’ prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, ir-reċiklaġġ, l-irkupru u sabiex jitnaqqas l-użu tal-miżbla, u l-iżvilupp ta' swieq għal materjali sekondarji u reċiklati.

Aktar tagħrif

Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart għal tkabbir ekoloġiku (studju) http://ec.europa.eu/environment/waste/index.htm

Statistika li tqabbel operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-iskart fl-Istati Membri:

http://www.eea.europa.eu/soer/synthesis/synthesis/chapter4.xhtml

Rapport għas-sena 2011 dwar l-Istrateġija Tematika dwar il-progress fil-prevenzjoni u r-reċiklaġġ tal-iskart: http://ec.europa.eu/environment/waste/strategy.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website