Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-bejjiegħa bl-imnut jimpenjaw ruħhom favur l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi

European Commission - IP/12/189   28/02/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-bejjiegħa bl-imnut jimpenjaw ruħhom favur l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi

Brussell, it-28 ta' Frar 2012 - L-aħħar rapport mill-Forum Ewropew tal-Bejgħ bl-Imnut għas-Sostenibbiltà juri li l-bejjiegħa bl-imnut qegħdin jikkunsidraw l-ambjent, b'mod aktar attiv minn qatt qabel, fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar in-negozju. Il-kumpaniji fil-forum qegħdin ikunu aktar attenti sabiex jagħmlu l-katini ta' provvisti tagħhom dejjem aktar ekoloġiċi, is-sistemi ta' distribuzzjoni sostenibbli u sabiex jużaw enerġiji rinnovabbli. Dan juri li r-responsabbiltà ambjentali qegħda ssir dejjem aktar importanti mil-lat kummerċjali filwaqt li qed tikkontribwixxi għall-politiki tal-UE li jippromwovu l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli.

Il-Kummissjarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Il-bejjiegħa bl-imnut jinsabu f'pożizzjoni mill-aqwa sabiex jappoġġjaw l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi - huma jistgħu jinfluwenzaw il-prestazzjoni ambjentali tal-katini tal-provvisti tagħhom u jistimulaw bidla fl-imġiba tal-konsumatur. L-impenji ambjentali li twettqu mill-membri tal-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut kienu xhieda ta' dak li hu possibbli li jsir u nixtieq inqis dan bħala esperjenza pożittiva li qed tkun applikata permezz ta' adozzjoni aktar mifruxa u ġenerali ta' prattiċi sostenibbli u tajbin bħal dawn. Is-settur tal-bejgħ bl-imnut għandu ħafna x'jirbaħ biż-żieda fil-fiduċja tal-konsumatur fil-kredibbiltà ta' dikjarazzjonijiet u azzjonijiet ambjentali u nixtieq li l-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut jirnexxilu jissokta fl-iżvilupp ta' għodda li jippermettulu jagħmel dan."

Il-bejjiegħa bl-imnut fil-Forum iwiegħdu li jwettqu azzjonijiet ambjentali speċifiċi sabiex jikkontribwixxu għal konsum sostenibbli u għal effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Minn meta nħoloq il-Forum fl-2009, il-miri u l-kisbiet tal-membri tiegħu ġew immonitorjati fuq bażi annwali. L-aħħar rapport ta' monitoraġġ jiddeskrivi t-390 impenn ambjentali li saru fi 3 kategoriji ("x'inbiegħu", "kif inbiegħu" u "komunikazzjoni") sal-2010 - 100 aktar milli fl-2009.

Ir-rapport jenfasizza numru ta' kisbiet tal-aħjar prattiki. Sabiex jippromwovi s-sostenibbiltà tal-katina tal-provvista, il-Metro Group, f'kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Industrijali (United Nations Industrial Development Organization - UNIDO), introduċa programm ta' taħriġ immirat lejn il-fornituri għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u dawk b'ekonomiji emerġenti. Auchan irnexxielu jiffranka madwar 10,000 tunnellata f'materjal ta' ppakkjar, filwaqt li Mercadona elimina 80 % tal-basktijiet tal-plastik li jintużaw darba biss f'150 post tal-bejgħ. Tesco UK kiseb il-mira tiegħu li ma jibgħatx skart fil-miżbla, filwaqt li Inditex naqqas il-medja tal-konsum ta' elettriku bi 42 % f'840 post tal-bejgħ. Aktar eżempji ta' impenji li saru minn bejjiegħa bl-imnut speċifiċi jinsabu fir-rapport

Ir-rapport jiżvela wkoll li l-impenji qegħdin jirriflettu dejjem aktar ir-rakkomandazzjonijiet u l-aqwa prattiċi deskritti fid-dokumenti dwar il-kwistjoni tal-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut fir-rigward tal-injam sostenibbli, it-tikkettar ambjentali, l-effiċjenza enerġetika u l-marka tal-karbonju tal-postijiet tal-bejgħ, l-informazzjoni dwar iċ-ċiklu ta' ħajja ambjentali tal-prodotti, informazzjoni lill-konsumaturi, l-ippakkjar, trasport u loġistika.

Kuntest

Il-Forum dwar il-Bejgħ bl-Imnut kien varat f'Marzu 2009 bħala pjattaforma volontarja li tinkludi diversi partijiet interessati. Il-parteċipazzjoni hija miftuħa għall-bejjiegħa kollha bl-imnut li jissieħbu fil-Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Bejjiegħa bl-Imnut (Retailers' Environmental Action Programme - REAP) u wkoll għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Dan twaqqaf sabiex jiffaċilita d-djalogu bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-bejjiegħa bl-imnut u l-partijiet interessati prinċipali, u b’hekk joħloq fehim aħjar tal-miżuri prattiċi meħtieġa għall-promozzjoni tal-konsum sostenibbli. Fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, l-idea prinċipali tal-politika dwar il-produzzjoni u konsum sostenibbli (PKS), hija dik li jkunu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' tkabbir u konsum tagħna stess b'mod li ma nċaħħdux lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-politika tal-PKS tikkontribwixxi wkoll għall-Inizjattiva Ewlenija għall-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi ta’ Ewropa 2020 billi tgħin biex l-għanijiet fuq livell makro tal-Politika dwar l-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi (id-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi u d-degradazzjoni ambjentali) jinbidlu f’għanijiet fuq livell mikro, u b’hekk l-atturi ekonomiċi individwali jaslu sabiex jiksbu l-aħjar prestazzjoni ambjentali ekonomikament possibbli.

Bħalissa, il-bejjiegħa bl-imnut jikkontribwixxu għal-13 % tal-PDG tal-Ewropa filwaqt li l-oqsma tal-ikel u x-xorb, il-housing u l-mobbiltà joħolqu madwar 70-80 % tal-impatti ambjentali negattivi tal-konsum. Hekk kif il-bejjiegħa bl-imnut huma attivi fit-tliet oqsma, it-titjib tas-sostenibbiltà permezz tal-azzjoni tal-bejjiegħa bl-imnut jista' jwassal għal benefiċċji ambjentali sinifikanti.

Aktar tagħrif:

Servizzi marbuta mal-monitoraġġ tal-impenji ta' REAP tal-bejjiegħa bl-imnut (rapport sħiħ, rapport ta' sinteżi u annessi)

Ara wkoll:

Il-Forum dwar il-Bejgħ bl-Imnut:

http://ec.europa.eu/environment/industry/retail/index_en.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website