Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-films Ewropej "The Artist" u "The Iron Lady" ikaxkru seba' Oscars

Commission Européenne - IP/12/188   27/02/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-films Ewropej "The Artist" u "The Iron Lady" ikaxkru seba' Oscars

Brussell is-27 ta' Frar 2012 – Il-Kummissarju Ewropew Androulla Vassiliou laqgħet is-suċċess kbir tal-films Ewropej waqt l-84 ċerimonja tal-Academy Awards li saret f'Hollywood il-lejl li għadda. "The Artist" ġie ppremjat b'ħames Oscars u "The Iron Lady" bi tnejn. Din is-sena, disa' films nominati rċevew sostenn mill-programm għaċ-ċinema MEDIA tal-Unjoni Ewropea. "The Artist" kiseb il-premjijiet il-kbar għall-Aqwa Film, l-Aqwa Direttur (Michel Hazanavicius), l-Aqwa Attur (Jean Dujardin), l-Aqwa Disinn tal-Kostumi (Mark Bridges) u l-Aqwa Mużika (Ludovic Bource). "The Iron Lady" rebaħ l-istatwetti għall-Aqwa Attriċi (Meryl Streep) u għall-Aqwa Makeup (Mark Coulier u J. Roy Helland).

Il-Kummissarju Vassiliou, li attendiet għall-premiere ta' "The Artist" waqt il-Festival tal-Films ta' Cannes f'Mejju li għadda, qalet: "Din kienet lejla liema bħalha għall-industrija tal-films Ewropej u għall-programm MEDIA. Nifraħ lil "The Artist" u "The Iron Lady". Għal darb'oħra, l-industrija tal-films Ewropea wriet li tista' tikkompeti mal-aqwa u toħroġ rebbieħa."

Kuntest

Il-film "The Iron Lady", koproduzzjoni Anglo-Franċiża, rċieva EUR 1.5 miljun f'sostenn għad-distribuzzjoni, biex is-swali taċ-ċinema jitħeġġu juru l-film barra l-pajjiż fejn inħadem. "The Artist" (koproduzzjoni Franko-Belġjana) rċieva EUR 17 000 għall-istess skop.

Seba' films oħra appoġġjati mill-UE ġew ukoll nominati għall-Oscars:

"Tinker Tailor Soldier Spy" (Tomas Alfredson, ir-Renju Unit/Franza/il-Ġermanja), nominat għall-Aqwa Attur, għall-Aqwa Mużika Oriġinali u għall-Aqwa Xeneġġatura Adattata, irċieva EUR 300 000;

  • "Albert Nobbs" (Rodrigo García, ir-Renju Unit/l-Irlanda), nominat għall-Aqwa Attriċi, għall-Aqwa Make Up u għall-Aqwa Attriċi fi rwol sekondarju, irċieva EUR 130 000;

  • "A Cat in Paris" (Alain Gagnol, Jean-Loup Felicioli, Franza/il-Belġju/il-Pajjiżi l-Baxxi/l-Isvizzera), nominat għall-Aqwa Film ta' Animazzjoni, ingħata EUR 122 000,

  • "Chico and Rita" (Fernando Trueba u Javier Mariscal, Spanja/ir-Renju Unit), nominat għall-Aqwa Film ta' Animazzjoni, irċieva EUR 3 000;

  • "Bullhead" (Michaël R. Roskam, il-Belġju), nominat għall-Aqwa Film b'Ilsien Barrani, irċieva EUR 20 000;

  • "Jane Eyre" (Cary Joji Fukunaga, ir-Renju Unit/l-Istati Uniti), nominat għall-Aqwa Disinn tal-Kostumi, ingħata EUR 450 000;

  • "Pina" (Wim Wenders, il-Ġermanja/Franza/ir-Renju Unit), nominat għall-Aqwa Film Dokumentarju, irċieva EUR 550 000.

Il-finanzjament totali li jirċievu d-distributuri mill-fond MEDIA jinħadem skont bosta kriterji, inkluż skont kemm ikunu daħħlu flus il-films mhux nazzjonali preċedentement. Il-finanzjament jerġa' jiġi investit għall-ispejjeż li jkunu għad iridu jirriżultaw b'rabta mad-distribuzzjoni u bħala għajnuna biex jagħmel tajjeb għar-riskji. Il-films jistgħu anki jirċievu finanzjament mill-MEDIA għall-iżvilupp ta' qabel il-produzzjoni.

MEDIA (akronimu Franċiż għal "Mesure pour le Développement de l’Industrie Audiovisuelle") huwa l-Programm tal-UE għall-2007 sal-2013 li jsostni l-industrija tal-films u s-settur awdjoviżiv Ewropej. Għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, il-Kummissjoni pproponiet baġit ta' EUR 1.8 biljun għall-programm Ewropa Kreattiva; li minn dawn, aktar minn EUR 900 miljun ikunu allokati għal MEDIA.

Għal aktar tagħrif:

Is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-programm MEDIA

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Twitter: @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58), Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site