Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali: Il-Kummissjoni titlob lil Malta twaqqaf it-tnaqqis fil-pensjonijiet tas-servizz pubbliku minn Stati Membri oħra

Brussell, is-27 ta' Frar 2012 – Il-Kummissjoni Ewropea talbet lil Malta twaqqaf it-tnaqqis fil-pensjonijiet tal-irtirar ta' Maltin bl-ammont tal-pensjonijiet tas-servizz pubbliku li huma jirċievu minn Stati Membri oħra. Il-leġiżlazzjoni Maltija tistipula li l-pensjonijiet tal-irtirar statutorji ta' Malta jitnaqqsu parzjalment bl-ammont li jitħallas f'pensjonijiet tas-servizz pubbliku għas-servizzi fl-imgħoddi kemm f'Malta kif ukoll barra l-pajjiż. Din il-prattika tikser ir-regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Unjoni Ewropea billi l-pensjonijiet kollha msejsa fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-pensjonijiet tas-servizz pubbliku, jaqgħu taħt il-ħarsien tar-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Dan jipprojbixxi l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar is-sospensjoni u t-tnaqqis tal-benefiċċji għal pensjoni kkalkolata skont ir-regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. It-talba qed issir fil-forma ta' "opinjoni motivata" skont il-proċeduri ta' ksur tal-UE. Malta issa għandha xahrejn żmien biex tinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri li ħadet biex il-leġiżlazzjoni tagħha tkun konformi mal-liġi tal-UE. Jekk dan ma jseħħx, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirreferi lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Kuntest

Ir-regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE (ir-Regolament KE Nru 883/2004 u li qabel kien ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71) jikkonċernaw il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u skont dawn ir-regoli, iċ-ċittadini tal-UE għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħaċ-ċittadini tal-pajjiż fejn dawn huma koperti.

Il-pensjonijiet kollha msejsa fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-pensjonijiet tas-servizz pubbliku, jaqgħu taħt il-ħarsien ta' dawn ir-regoli.

Aktar tagħrif

Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali fl-UE:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=849

Għal aktar tagħrif dwar il-proċeduri ta' ksur:

http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_mt.htm

+ MEMO/12/134

Inkiteb bla ħlas fin-newsletter bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Contacts :

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99)

Nadège Defrère (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website