Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Ewropej lesti għal ‘anzjanità attiva’, skont stħarriġ ġdid

Brussell, it-13 ta’ Jannar 2012 - Fl-okkażjoni tal-bidu tas-Sena Ewropea 2012 tal-Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà tal-Ġenerazzjonijiet, il-Kummissjoni ppreżentat illum stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru li juri li 71% tal-Ewropej huma konxji li l-popolazzjoni tal-Ewropa qed tikber fiż-żmien, iżda li 42% biss huma mħassba dwar dan l-iżvilupp. Dan jikkuntrasta bil-qawwi mal-perċezzjonijiet ta’ dawk li jfasslu l-politika li jħarsu lejn it-tixjiħ demografiku bħala sfida ewlenija. Għall-biċċa l-kbira taċ-ċittadini, dawk li għandhom 55 sena jew aktar għandhom rwol ewlieni f’oqsma ewlenin tas-soċjetà. Aktar minn 60% jemmnu li għandna nitħallew inkomplu naħdmu wara l-età tal-pensjoni u terz jgħidu li huma stess jixtiequ jkomplu jaħdmu aktar fit-tul. Kontra kull stennija, dawk li jinsabu eqreb lejn il-pensjoni x’aktarx li jaħsubha b'dan il-mod iktar mill-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa.

László Andor, il-Kummissarju għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni ppreżenta l-istħarriġ filwaqt li qal: “L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-lum juri li n-nies lesti jibqgħu attivi minkejja li javvanzaw fiż-żmien. Jiena fiduċjuż li s-sena Ewropea se tkun il-molla li timmobilizza liċ-ċittadini, lill-partijiet interessati u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jaraw x'jagħmlu biex iġibu 'l quddiem l-anzjanità attiva u biex jilqgħu l-isfidi tat-tixjiħ b’mod pożittiv.”

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru jkopri ħames oqsma: il-perċezzjonijiet ġenerali tal-età u ta’ dawk li huma aktar anzjani; dawk li huma aktar anzjani fuq il-post tax-xogħol; l-irtirar mix-xogħol u l-pensjonijiet; ix-xogħol volontarju u l-appoġġ għal dawk li huma aktar anzjani u ambjent aktar ħabib tal-anzjani.

L-istħarriġ juri kif id-definizzjonijiet ta’ ‘żagħżuġħ’ u ‘anzjan’ ivarjaw sew minn xulxin minn pajjiż għall-ieħor. F’Malta, il-Portugall u l-Isvezja, dawk li għandhom inqas minn 37 sena jitqiesu żgħażagħ, filwaqt li f’Ċipru u l-Greċja jitqiesu żgħażagħ dawk li jkollhom sa 50 sena. Bħala medja, l-Ewropej jemmnu li nibdew nitqiesu bħala anzjani ftit qabel l-64 sena u ma nibqgħux nitqiesu żgħażagħ mill-età ta’ 41.8. Il-perċezzjonijiet ivarjaw ukoll skont l-età u s-sess - in-nisa jemmnu li l-anzjanità tibda ftit wara milli jaħsbu l-irġiel (65.0 kontra 62.7 rispettivament).

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg, wieħed biss minn kull tliet Ewropej jaqbel mal-idea li l-età uffiċjali tal-pensjoni trid tiżdied sal-2030, minkejja li din issa saret prijorità politika ċara f’ħafna Stati Membri. Madankollu, hemm kunsens qawwi (61%) għall-idea li kulħadd għandu jitħalla jkompli jaħdem malli jilħaq l-età uffiċjali tal-pensjoni. 53% huma kontra l-idea ta’ età obbligatorja tal-pensjoni, iżda hemm differenzi kbar bejn Stat Membru u ieħor.

Għalkemm l-età tipika tal-pensjoni hija ta’ 65 sena, l-età medja tal-ħruġ mill-forza tax-xogħol fl-2009 kienet ta’ madwar 61.5. 42% tal-Ewropej jemmnu li huma kapaċi jibqgħu jagħmlu l-istess xogħol li qed jagħmlu bħalissa anki wara l-età ta’ 65 filwaqt li 17% ma jaħsbux li se jkunu jistgħu jkomplu bl-istess xogħol sakemm ikollhom 60. Terz tal-Ewropej jgħidu li jixtiequ jkomplu jaħdmu wara li jilħqu l-età tal-pensjoni, u lil kważi żewġ terzi tal-Ewropej l-idea li jikkombinaw xogħol part-time ma’ pensjoni parzjali tappellalhom aktar minn irtirar totali.

L-anzjanità attiva ma tirrigwardax biss l-impjieg. Madwar kwart tal-Ewropej (inklużi dawk 'il fuq minn 55 sena) jgħidu li huma involuti f’xogħol volontarju. F’pajjiżi fejn hemm inqas tradizzjoni ta’ volontarjat proporzjon ikbar ta’ nies jgħidu li għenu jew ipprovdew appoġġ lil nies oħra barra mill-ambjent familjari tagħhom. 36% tal-Ewropej 'il fuq mill-età ta’ 55 sena pprovdew dan it-tip ta’ appoġġ. 15% ta’ dawk li wieġbu u li għandhom iktar minn 55 sena jieħdu ħsieb membru ta’ familthom aktar anzjan u 42% dan għamluh fl-imgħoddi.

Kuntest

Is-Sena Ewropea 2012 għal Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet għandha l-għan li tqajjem għarfien dwar il-kontribut ta’ dawk li huma aktar anzjani lejn is-soċjetà u li ġġib 'il quddiem miżuri li joħolqu opportunitajiet aħjar biex l-anzjani jibqgħu attivi.

Is-Sena Ewropea 2012 tkopri tliet dimensjonijiet ta’ anzjanità attiva:

  • Anzjanità attiva fl-impjieg. Biex il-ħaddiema anzjani jsibu l-ħeġġa li jibqgħu jaħdmu jinħtieġ l-aktar titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u li dawn ikunu adattati għall-qagħda u l-ħtiġijiet ta’ saħħet il-ħaddiema anzjani, li l-ħiliet tagħhom ikunu aġġornati billi jiġi pprovdut aċċess aħjar għat-tagħlim tul il-ħajja u li jiġu riveduti s-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji biex jiġi żgurat li hemm inċentivi effettivi li wieħed ikompli jaħdem iktar fit-tul.

  • Sehem fis-soċjetà. It-titjib tal-opportunitajiet u l-kondizzjonijiet biex l-anzjani jagħtu sehemhom lis-soċjetà bħala volontiera jew biex jagħtu appoġġ lill-familji u jkollhom sehem fis-soċjetà, b’hekk jiġi evitat l-iżolament soċjali u ħafna mill-problemi u r-riskji marbuta ma dan.

  • Indipendenza fl-għajxin. Il-promozzjoni tas-saħħa u l-kura preventiva tas-saħħa permezz ta’ miżuri li jżidu kemm jista’ jkun is-snin ta’ ħajja ta’ saħħa u jipprevjenu d-dipendenza kif ukoll il-ħolqien ta’ ambjent (bini pubbliku, infrastruttura, trasport, bini) aktar aġevoli għall-anzjani biex dawn ikunu jistgħu jibqgħu indipendenti kemm jista’ jkun.

Is-Sena Ewropea għandha l-għan li tħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika u lill-partijiet interessati jkollhom impenji speċifiċi magħhom infushom fir-rigward tal-anzjanità attiva u jaġixxu biex jilħqu dawn l-għanijiet. L-impenji jistgħu jiġu ppubblikati fuq il-websajt tas-Sena Ewropea. Se jiġu organizzati fil-livell nazzjonali u dak Ewropew azzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku inġenerali, mal-partijiet interessati, ma dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u mal-ġurnalisti.

Għal iktar tagħrif:

Ewrobarometer Speċjali 378: Anzjanità Attiva (Report and Factsheets)

Tagħrif komparattiv dwar l-Istati Membri tal-UE fil-MEMO/12/10

Dokumenti dwar il-pajjiżi Stqarrija tal-aħbarijiet tal-Eurostat

Ara wkoll:

Il-websajt tas-Sena Ewropea tal-Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet

Sħubija tal-Innovazzjoni Ewropea dwar Anzjanità Attiva u b'Saħħa Tajba

Pubblikazzjonijiet:

Il-Fuljett tal-Ewrostat- L-Anzjanità attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet – ritratt statistiku tal-Unjoni Ewropea 2012

Kif iġġib ‘il quddiem l-anzjanità attiva fl-Ewropa - l-appoġġ tal-UE lill-aġenti lokali u reġjonali

Sena Ewropea għal Anzjanità Attiva u Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet 2012

Contact :

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website