Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Tbassir intermedju: iż-żona ewro tinsab f’riċessjoni moderata b'sinjali ta' stabbilizzazzjoni

Commission Européenne - IP/12/163   23/02/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tbassir intermedju: iż-żona ewro tinsab f’riċessjoni moderata b'sinjali ta' stabbilizzazzjoni

Brussell, it-23 ta' Frar 2012 – It-tnaqqis mhux mistenni fir-ritmu tal-irkupru fl-aħħar tal-2011 jidher li se jkun estiż għall-ewwel żewġ trimestri tal-2012. Madankollu, huwa mistenni li jerġa' jkun hemm tkabbir modest fit-tieni nofs tas-sena. Fuq bażi annwali, it-tkabbir reali tal-PDG fl-2012 issa huwa mbassar li jibqa' l-istess fl-UE (0.0 %) u jiċkien b'0.3 % fiż-żona tal-ewro. L-inċertezza tibqa' għolja u l-iżviluppi fost il-pajjiżi mhumiex indaqs. L-inflazzjoni mbassra għall-2012 ġiet riveduta ftit 'il fuq meta mqabbla mal-ħarifa, minħabba prezzijiet tal-enerġija għoljin persistenti u żidiet fit-taxxi indiretti. Bħalissa hija ta’ 2.3 % fl-UE u 2.1 % fiż-żona tal-ewro.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji Olli Rehn qal: “Għalkemm it-tkabbir waqaf, qed naraw sinjali ta' stabbilizzazzjoni fl-ekonomija Ewropea. Is-sentiment ekonomiku għadu f'livelli baxxi, iżda l-livell ta’ tensjoni fis-swieq finanzjarji qed itaffi. Ħafna mill-passi li kienu essenzjali biex tintlaħaq l-istabbiltà finanzjarja u biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għal aktar tkabbir sostenibbli u għall-ħolqien tal-impjiegi, issa ttieħdu. B’azzjoni deċisiva, issa nistgħu naqilbu l-paġna u nimxu mill-istabbilizzazzjoni għal li nagħtu spinta lit-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi."

Tbassir tat-tkabbir għall-UE u ż-żona tal-ewro rivedut negattivament

F'dan l-isfond ta’ momentum ta' tkabbir li qed imajna u ta' fiduċja baxxa kontinwa, il-PDG reali huwa mistenni li jibqa’ l-istess fl-UE (0.0 %) u jonqos b'0.3 % fiż-żona tal-ewro fl-2012. Dan jikkostitwixxi reviżjoni negattiva ta’ 0.6 pp (punti perċentwali) fl-UE u 0.8 pp fiż-żona tal-ewro meta mqabbel mat-tbassir tal-ħarifa tal-10 ta’ Novembru 2011.Meta wieħed iħares lejn l-Istati Membri individwali, id-diverġenza fit-tkabbir għadha qawwija. Fl-2012, it-tkabbir tal-PDG huwa mbassar li jkun wieħed negattiv f'disa' pajjiżi, staġnat f'pajjiż wieħed, u pożittiv fi sbatax. It-tkabbir se jkun l-ogħla fil-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja u l-aktar baxx fil-Greċja u fil-Portugall.

Prospettivi tad-domanda domestika u globali

Il-prospettiva hija kkundizzjonata minn ekonomija globali li tagħti inqas appoġġ, b'domanda globali aktar dgħajfa li tħalli l-impatt tagħha fuq l-esportazzjonijiet netti. Il-fiduċja tan-negozju u l-konsumatur fl-UE għadhom f’livelli baxxi, minkejja li ġie nnutat titjib żgħir riċenti hekk kif is-settur finanzjarju beda juri sinjali ta' stabbilizzazzjoni. Politiki kredibbli f'pajjiżi vulnerabbli u rikonoxximent dejjem akbar tal-progress stabbli fl-indirizzar tal-kriżijiet tad-dejn sovran għenu biex jiġu stabbilizzati s-swieq. Reċentement, il-perċezzjonijiet ta' riskju sovran battew kemxejn għal ċerti pajjiżi, iżda l-firxiet jibqgħu flivelli elevati u l-kundizzjonijiet ta' kreditu għas-settur privat bdew ikunu aktar stretti. Filwaqt li s-sitwazzjoni ġenerali tas-suq finanzjarju fl-UE tibqa fraġli, u l-inċertezza għadha tħalli impatt b'saħħtu fuq l-investiment u l-konsum privat, ir-riskju ta' għafsa tal-kreditu tnaqqas, l-aktar minħabba l-miżuri ta' likwidità meħuda bis-saħħa tal-BĊE. Minbarra dan, fid-dawl ta' domanda baxxa, il-kundizzjonijiet ta' kreditu mhumiex mistennija li jnaqqsu l-investiment u l-konsum matul l-orizzont imbassar. Kumplessivament, fit-tieni nofs tal-2012 huma mistennija ritorn gradwali tal-fiduċja u rkupru fl-investiment u l-konsum.

L-inflazzjoni qed tonqos biss gradwalment

Minħabba prezzijiet tal-enerġija għoljin b'mod persistenti, l-inflazzjoni baqgħet ogħla mit-tbassir fil-ħarifa. Hekk kif l-inflazzjoni ta' bażi stabbilizzat ruħha fil-livell ta’ madwar 2 %, u b'żidiet riċenti fit-taxxi indiretti jipprevjenu tnaqqis aktar mgħaġġel fi pressjonijiet tal-prezz, l-inflazzjoni ta' bażi tal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konumsatur (HICP1) naqset aktar gradwalment milli mistenni. Hekk kif tirrifletti t-tbassira ta' attività dejjem iktar dgħajfa, l-inflazzjoni mistennija li tkompli tonqos matul l-orizzont imbassar. Għall-2012, ir-rata ta' inflazzjoni tal-HICP, kumplessivament, issa hija pproġettata għal 2.3 % fl-UE u 2.1 % fiż-żona tal-ewro.

Il-valutazzjoni tar-riskji

Bi sfond ta' inċertezza persistenti, ir-riskji għall-prospettiva ta' tkabbir fl-UE għal 2012 ixaqilbu lejn in-negattiv. Jekk aggravament tal-kriżi tad-dejn sovran kellu jirriżulta, fl-aħħar mill-aħħar, f’sitwazzjoni ta’ għafsa tal-kreditu u kollass fid-domanda domestika, dan probabbilment jinvolvi riċessjoni profonda u mġebbda. Evoluzzjonijiet possibbli b'xejra 'l fuq għall-PDG jinkludu ritorn aktar qawwi milli kien mistenni tal-fiduċja u domanda globali aktar reżiljenti, li jirriżultaw, pereżempju, minn stabbilizzazzjoni ta' swieq immobiljari fl-Istati Uniti. Fir-rigward tal-inflazzjoni, ir-riskji jidhru ġeneralment ibbilanċjati, b'riskji negattivi ewlenin relatati ma' kontrazzjoni aktar qawwija milli mistenni tal-PDG, li jkunu naqqsu wkoll id-dinamika sottostanti tal-prezzijiet. Xejra 'l fuq tista' tirriżulta minn interruzzjonijiet tal-provvista taż-żejt minħabba tensjonijiet ġeopolitiċi u domanda aktar b'saħħitha milli kien mistenni minn swieq emerġenti li jistgħu jikkontribwixxu fl-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-komoditajiet

Rapport iktar iddettaljat huwa disponibbli fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/economy_finance/articles/eu_economic_situation/2012-02-23-interim_forecast_en.htm

Contacts :

Amadeu Altafaj Tardio (+32 2 295 26 58)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

1 :

Indiċi armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsumatur


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site