Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

The EU renewed its commitment to foster peace and security in Somalia

Brussell, il-21 ta' Frar 2012 – Illum, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, ħabbar li l-UE tinsab lesta li tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), wara laqgħa mal-Prim Ministru tal-Gvern Federali Tranżitorju tas-Somalja, Abdiweli Mohamed Ali. It-tħabbira saret qabel konferenza internazzjonali dwar il-futur tas-Somalja li se ssir fit-23 ta' Frar f'Londra u hija soġġetta għall-qbil tal-Kunsill tas-Sigurta tan-NU ma' AMISOM imsaħħa. Ir-Rappreżentant għoli u l-Viċi President tal-Kummissjoni, Catherine Ashton u l-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, se jkunu Londra biex mill-ġdid jikkonfermaw li l-istabilizzar tas-Somalja, flimkien mal-Unjoni Afrikana u l-imsieħba internazzjonali, hija prijorità tal-UE. L-impenn il-ġdid se jikkontribwixxi għaż-żieda proposta fis-saħħa tat-truppi attivi fil-Missjoni mmexxija mill-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM). L-għajnuna mill-UE tkopri kostijiet bħall-allowances tat-truppi, kura medika, akkomodazzjoni, fjuwil, u tagħmir għall-komunikazzjoni

Il-President Barroso stqarr: "Illum, aħna nifhmu li hemm il-ħtieġa għal għadd akbar ta' truppi li jgħinu biex jagħmlu l-pajjiż iktar sigur. Qabel il-konferenza ta' Londra, ninsab kuntent li nista’ ngħid li l-UE tinsab lesta biex timmobilizza riżorsi addizzjonali biex tippermetti żieda fl-għadd ta' truppi, sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. L-isforzi tagħna se jkunu sostanzjali iżda se jkopru biss parti miż-żieda fil-ħtiġijiet għalhekk nappella lil donaturi oħra u lill-komunità internazzjonali biex iżidu l-assistenza tagħhom."

Il-President Barroso u l-Prim Ministru ddiskutew l-importanza tal-bidliet politiċi fis-Somalja, inklużi kwistjonijiet bħar-riforma istituzzjonali u l-adozzjoni tal-abbozz tal-kostituzzjoni federali. Kif is-sitwazzjoni tas-sigurtà qed titjieb lil hinn minn Mogadixu lejn reġjuni oħra, jeħtieġ li jitwaqqfu amministrazzjonijiet lokali sabiex jipprovdu servizzi bażiċi u jistabilixxu l-istat tad-dritt. Dawn għandhom ikunu marbuta mal-gvern ċentrali tas-Somalja Federali futura.

Il-laqgħa tal-lum ġiet qabel il-konferenza internazzjonali dwar is-Somalja li se sseħħ fit-23 ta' Frar f'Londra. Dan l-avveniment se jiġbor flimkien il-membri tal-komunità internazzjonali u l-mexxejja Somali biex jaqblu dwar kooperazzjoni fl-oqsma ewlenin tal-proċess politiku, is-sigurtà, u l-appoġġ għall-istabbiltà lokali. L-avveniment se jgħin biex ikun varat mill-ġdid il-proċess politiku fis-Somalja u jikkoordina l-appoġġ internazzjonali għall-pajjiż.

Il-Prim Ministru Abdiweli Mohamed Ali ltaqa' wkoll mal-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, u mal-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili, Kristalina Georgieva.

AMISOM

AMISOM hija missjoni mmexxija mill-Unjoni Afrikana, b'mandat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. L-UE appoġġjatha kontinwament minn mindu ġiet varata fl-2007. Mat-tħabbira tal-lum l-UE biħsiebha tiżgura fondi addizzjonali biex jappoġġjaw iż-żieda proposta fit-truppi mandatorji ta' AMISOM mit-12 000 preżentament awtorizzati għal 17 731 (tali żieda qed tistenna l-qbil tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU). Dan il-finanzjament ġdid jibni fuq l-appoġġ kontinwu li l-UE tat lil AMISOM minn mindu tvarat fl-2007. Sal-lum l-appoġġ tal-UE lill-AMISOM ammonta għal EUR 325,4 miljun, inkluż ammont ta' EUR 67 miljun li għandu jkun deċiż fil-qrib mill-Kummissjoni Ewropea b'appoġġ għall-AMISOM għall-perjodu ta' bejn Frar u Lulju tal-2012.

Il-missjoni tappoġġja djalogu u rikonċiljazzjoni u tipprovdi ħarsien għal infrastruttura ewlenija (pereżempju binjiet tal-gvern u l-Ajruport Internazzjonali ta' Mogadixu) biex tippermetti lill-Istituzzjonijiet Federali Tranżizzjonali jwettqu l-funzjonijiet tagħhom. Hija wkoll tassisti fl-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għas-Sigurtà u l-Istabbilizzazzjoni, tipprovdi appoġġ għall-isforzi ta' diżarmament u stabbilizzazzjoni, kif ukoll tiffaċilita l-operazzjonijiet umanitarji, inkluż ir-ripatrijazzjoni tar-refuġjati u persuni spostati internament.

Matul l-aħħar ftit xhur, inkiseb progress sostanzjali minħabba li AMISOM u l-forzi tal-Gvern Federali Tranżizzjonali Somalu (TFG) kisbu mill-ġdid il-kontroll tal-biċċa l-kbira tal-kapitali Mogadixu. L-għadd attwali tat-truppi laħaq iktar minn 9 800. L-appoġġ imġedded tal-UE se jippermetti lill-AMISOM tkompli twettaq bis-sħiħ il-mandat tagħha. L-UE tħarreġ ukoll il-forzi tas-sigurtà nazzjonali tas-Somalja permezz tal-Missjoni ta' Taħriġ tagħha (EUTM Somalia) taħt l-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni . Din il-missjoni, flimkien ma' ftehim politiku dejjiemi, hija parti mill-istrateġija ta' ħruġ ta' AMISOM fuq perjodu twil.

L-isfond

Mill-iskjerament ta' AMISOM, l-UE ilha waħda mill-ikbar finanzjaturi tal-operazzjoni, kemm permezz tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika (APF), li huwa l-istrument ewlieni tal-UE għall-appoġġ tal-Paċi u s-Sigurtà fl-Afrika, kif ukoll permezz ta' kontribuzzjonijiet bilaterali mill-Istati Membri tagħha. L-appoġġ finanzjarju tal-APF għal AMISOM huwa parti integrali mill-approċċ komprensiv u għat-tul tal-UE biex tappoġġa l-isforzi ta' sigurtà u iżvilupp fis-Somalja. Dan l-approċċ jinkorpora dimensjonijiet politiċi, diplomatiċi, ċivili, militari, umanitarji, u ta' żvilupp.

L-għajnuna tal-UE lis-Somalja

Għall-perjodu bejn l-2008 u l-2013, l-UE qed talloka madwar EUR 415 miljun għall-proġetti tal-iżvilupp fis-Somalja:

  • Il-governanza (inkluż appoġġ għall-bini ta' istituzzjonijiet, ir-rikonċiljazzjoni, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u appoġġ għas-soċjetà ċivili tas-Somalja);

  • L-edukazzjoni u s-settur soċjali (inkluż l-edukazzjoni primarja u sekondarja, l-ilitteriżmu fost l-adulti u t-taħriġ tal-għalliema u dak vokazzjonali). Il-finanzjament imur ukoll biex itejjeb l-aċċess għal ilma san f’żoni urbani u rurali.

  • L-iżvilupp ekonomiku, inkluż appoġġ għas-settur tat-trobbija tal-annimali u l-agrikoltura u sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-ikel; prinċipalment permezz ta' tqassim ta' żrieragħ u fertilizzanti, kif ukoll sistemi ta' trasferiment tal-flus

Dan huwa kkumplimentat minn proġetti ffinanzjati mill-UE dwar is-sigurtà marittima, il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma u t-tneħħija tal-mini f’żoni meħlusa (EUR 102 miljun).

L-Uffiċċju Ewropew għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) alloka EUR 77 miljun fl-2011 lis-Somalja biex jappoġġja l-vittmi tan-nixfa, l-għargħar, il-ġuħ, il-kunflitt u l-ispostament. L-ewwel porzjon ta' EUR 40 miljun ġie impenjat għall-2012.

Iktar Informazzjoni:

Il-pakkett għall-Istampa onlajn flimkien ma' skedi informattivi u materjal awdjoviżiv:

http://europa.eu/press_room/press_packs/somalia/index_en.htm

Il-websajt tal-President José Manuel Barroso:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/index_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs

Il-websajt ta' EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm

Ir-relazzjonijiet tal-UE mas-Somalja:

http://eeas.europa.eu/somalia/index_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżijiet, Kristalina Georgieva: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/georgieva/index_en.htm

Il-websajt tal-Uffiċċju Ewropew għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni ċivili: http://ec.europa.eu/echo/index_en.htm

Kuntatti :

Catherine Ray (+32 2 296 99 21)

Wojtek Talko (+32 2 297 85 51)

David Sharrock (+32 2 296 89 09)

Irina Novakova (+32 2 295 75 17)

Michael Mann (+32 2 299 97 80)

Maja Kocijancic (+32 2 298 65 70)

Sebastien Brabant (+32 2 298 64 33)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website