Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Liġi Ewropea tal-Kumpaniji: liema triq 'il quddiem?

Brussell, l-20 ta' Frar 2012 - Illum, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni fil-fond dwar il-futur tal-liġi Ewropea tal-kumpaniji. L-Ewropea teħtieġ qafas ta’ liġi tal-kumpaniji li jkun adattat għall-bżonnijiet tas-soċjetà ta' llum, kif ukoll għall-evoluzzjoni tal-ambjent ekonomiku. Il-liġi tal-kumpaniji tal-UE żvolġiet rwol ewlieni fil-bini tas-suq uniku. Wasal iż-żmien li naraw jekk il-bżonnijiet ta' llum għandhomx jintlaħqu mill-qafas legali eżistenti. Għaldaqstant, tnieda dokument ta’ konsultazzjoni pubblika fuq l-internet, sabiex jinġabru l-kummenti mingħand il-partijiet interessati kollha. L-iskadenza għat-tressiq tal-kontributi hija l-14 ta’ Mejju 2012.

Il-liġi Ewropea tal-kumpaniji tipprovdi sensiela komuni ta’ regoli li toffri protezzjoni ndaqs lill-azzjonisti, il-kredituri, u partijiet interessati oħra mal-UE kollha li jkunu milqutin mill-azzjonijiet tal-kumpaniji. Il-liġi tal-kumpaniji hija essenzjali biex tiżgura ċ-ċertezza legali u biex tipproteġi d-drittijiet tal-azzjonisti. Filwaqt li għandhom jiġu rispettati t-tradizzjonijiet legali u l-istrutturi tal-kumpaniji differenti tal-Istati Membri, l-armonizzazzjoni tar-regoli bażiċi għandha tagħmilha iktar faċli għall-kumpaniji biex joffru s-servizzi u l-prodotti tagħhom lill-klijenti kollha tal-Unjoni. It-tkabbir tal-kummerċ transkonfinali u l-iżvilupp tal-kummerċ bl-internet (kummerċ-e) joffru bosta opportunitajiet għan-negozji u għall-konsumaturi, iżda jġibu magħhom ukoll sfidi għall-qafas eżistenti tal-liġi tal-kumpaniji. Huwa għalhekk li wieħed irid jirrifletti dwar kif il-qafas eżistenti għandu jiġi adattat għall-pajsaġġ il-ġdid tas-seklu 21. Barra minn hekk, l-isfidi ta’ llum jitolbuna nħarsu lejn il-liġi tal-kumpaniji mhux biss minn perspettiva purament legali, iżda wkoll fil-kuntest usa' tal-governanza korporattiva, tar-responsabbiltà soċjali tal-korporazzjonijiet, u tar-rwol ewlieni tan-negozji fl-innovazzjoni u fit-tkabbir.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "It-tiswir tal-politika tal-UE dwar il-Liġi Ewropea tal-Kumpaniji huwa sfida li jeħtiġilna nilqgħuha. Liġi tal-kumpanija magħmula sewwa tiffaċilita l-iżvilupp tan-negozji madwar l-UE, għall-ġid tal-azzjonijiet u l-klijenti tagħhom. Il-pajsaġġ tal-liġi tal-kumpaniji qiegħed jinbidel, u jeħtieġ li nirriflettu dwar kif l-aħjar li nadattaw il-qafas regolatorju tagħna. Huwa għalhekk li qiegħed nistieden lill-partijiet interessati jieħdu sehem fil-konsultazzjoni pubblika li qed titnieda llum."

Xi tkopri l-konsultazzjoni pubblika?

Jeħtieġu kontributi kemm dwar l-orjentament ġenerali tal-liġi Ewropea tal-kumpaniji, kif ukoll dwar inizjattivi iktar speċifiċi li jistgħu jitqiesu għall-futur. Il-konsultazzjoni tkopri l-kwistjonijiet li ġejjin:

  • L-għanijiet u l-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi Ewropea tal-kumpanijiX'għandhom ikunu l-għanijiet ewlenin tal-liġi Ewropea tal-kumpaniji? Ir-regoli attwali kemm huma xierqa għall-isfidi ta’ llum? F'liema oqsma hemm bżonn iktar evoluzzjoni? X'għandha tkun ir-rabta bejn il-liġi tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva?

  • Il-kodifikazzjoni tal-liġi Ewropea tal-kumpanijiid-Direttivi eżistenti tal-liġi tal-kumpaniji għandhom jinġabru fi strument wieħed, sabiex il-qafas regolatorju jsir iktar aċċessibbli u ta' użu eħfef?

  • Il-futur tal-forom legali tal-kumpaniji fuq il-livell EwropewX'inhuma l-vantaġġi u n-nuqqasijiet tal-forom legali tal-kumpaniji? Il-forom tal-kumpaniji eżistenti jeħtieġ li jiġu rriveduti? Għandu wieħed jesplora strumenti alternattivi?

- Il-mobbiltà transkonfinali għall-kumpanijiX'jista' jsir biex titħaffef it-trasferenza transkonfinali tas-sede ta' kumpanija? X'jiġri jekk kumpanija tinqasam f'entitajiet differenti f'naħa u oħra ta’ fruntiera? Għandhom jiġu rriveduti r-regoli dwar il-merġers transkonfinali?

  • Il-gruppi ta' kumpaniji – jiġifieri, sett ta' kumpaniji taħt maniġment wieħed jew sors waħdani ta' kontroll – Hemm bżonn azzjoni ta' politika tal-UE f'dan il-qasam?

  • Ir-reġim tal-kapital għall-kumpaniji EwropejGħandhom jiġi mmodifikati jew aġġornati r-rekwiżiti legali minimi ta' kapital u r-regoli dwar il-manutenzjoni tal-kapital?

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-konsultazzjoni ser tibqa' miftuħa sal-14 ta' Mejju 2012. It-tweġibiet li nirċievu se jiġu analizzati, imbagħad tiġi ppubblikata stqarrija li tiġbor fil-qosor ir-riżultati. Wara dan jsiru azzjonijiet ta’ segwitu.

Sfond

Il-leġiżlazzjoni eżistenti fuq il-livell Ewropew dwar il-liġi tal-kumpaniji tinkludi għadd kbir ta’ direttivi u regolamenti. L-armonizzazzjoni tal-liġi Ewropea tal-kumpaniji tkopri l-protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti u oħrajn, il-kostituzzjoni u l-manutenzjoni tal-kapital tal-kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata, offerti ta’ akkwiżizzjoni maġġoritarja, divulgazzjoni tal-fergħat, merġers u diviżjonijiet, regoli minimi għal kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata b'membru wieħed, id-drittijiet tal-azzjonisti, u oqsma relatati oħra bħar-rappurtar finanzjarju u l-kontabbiltà. Tinkludi wkoll forom legali Ewropej differenti, bħalma huma l-Kumpanija Ewropea (SE), il-Grupp Ewropew b'Interessi Ekonomiċi (EEIG) u s-Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE).

Fl-2011, il-Kummissjoni ħarġet konsultazzjoni pubblika simili fil-qasam tal-governenza korporattiva (ara IP/11/404). Iż-żewġt oqsma ta’ politika huma marbutin ħafna ma' xulxin, billi ċerti regoli ta’ governanza korporattiva huma stabbiliti fil-liġi tal-kumpaniji, u l-liġi tal-kumpaniji tittratta b'mod sostanzjali kwistjonijiet ta’ governenza korporattiva. Għaldaqstant, f'isem il-koerenza, kwalunkwe inizjattiva possibbli ta’ segwitu f'dawn iż-żewġt oqsma titħabbar b'mod konġunt fit-tieni nofs tal-2012.

Il-konsultazzjoni tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?form=companylaw2012

Aktar tagħrif: MEMO/12/119

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website