Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ambjent: il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali issa saret iżjed faċli għall-utent

European Commission - IP/12/145   17/02/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ambjent: il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali issa saret iżjed faċli għall-utent

Brussell, is-17 ta’ Frar 2012 - Il-Kummissjoni ġabret flimkien il-leġiżlazzjoni eżistenti kollha tal-UE li tirregola l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali sabiex tgħin lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-iżviluppaturi jiġġestixxu b’mod eħfef il-konsegwenzi ambjentali tal-proġetti ta’ kostruzzjoni. Id-Direttiva oriġinali dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA) u t-tliet reviżjonijiet sussegwenti tagħha tgħaqqdu f’verżjoni waħda li qed tidħol fis-seħħ illum, u li hija iżjed kumpatta, tradotta b’mod aktar ċar, u iktar faċli għall-utent.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: “Id-Direttiva EIA hija għodda importanti biex it-tħassib ambjentali jiġi indirizzat fit-tfassil tal-proġetti ta’ kostruzzjoni. It-tibdiliet huma intenzjonati li jissimplifikaw il-format tad-Direttiva billi jagħmluha iżjed ċara mil-lat legali, iżjed aċċessibbli u iżjed faċli biex tiġi infurzata. Din l-inizjattiva hija parti mir-reviżjoni tad-Direttiva EIA, proċess li beda fl-2010 u li għandu l-għan li jżid il-protezzjoni ambjentali tad-Direttiva filwaqt li jnaqqas il-piż amministrattiv."

Din il-“kodifikazzjoni” hija parti minn sforz kontinwu biex l-ambjent regolatorju tal-UE jiġi ssimplifikat. Tfisser li d-Direttiva EIA u l-emendi sussegwenti kollha tagħha issa jiffurmaw leġiżlazzjoni waħda trasparenti u li tinqara, mingħajr l-ebda tibdil fid-dispożizzjonijiet oriġinali tagħha. Bħal-leġiżlazzjoni eżistenti, il-verżjoni kodifikata ġiet tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. It-traduzzjonijiet tal-verżjoni l-ġdida ġew riveduti wkoll sabiex jiġu eliminati kwalunkwe dubji kkawżati minn kliem mhux ċar jew minn żbalji lingwistiċi.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva EIA kodifikata fit-13 ta’ Diċembru 2011, u t-test tagħha ġie ppubblikat fit-28 ta' Jannar 2012 bħala d-Direttiva 2011/92/UE.

Il-valutazzjoni ambjentali hija proċedura li tiżgura li l-implikazzjonijiet ambjentali tal-proġetti ta’ kostruzzjoni - pereżempju, digi, awtostradi, ajruporti, fabbriki u proġetti tal-enerġija - jiġu vvalutati u jitqiesu qabel ma l-awtorità tal-Istat Membru rilevanti tieħu deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-proġett. Il-prinċipji komuni għall-valutazzjoni ambjentali ta’ proġetti pubbliċi u privati individwali kienu inizjalment iddefiniti fid-Direttiva EIA tal-1985 u emendati fl-1997, l-2003 u l-2009.

Il-passi li jmiss

Il-proċess ta’ reviżjoni tad-Direttiva EIA se jiġi konkluż iktar tard fl-2012, meta l-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha għar-reviżjoni tad-Direttiva kodifikata. It-tibdiliet futuri se jiffokaw fuq il-kontenut tad-Direttiva aktar milli fuq il-format tagħha.

Sfond

L-għan tad-Direttiva EIA huwa li tiżgura li l-proġetti li aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent ikunu vvalutati b’mod xieraq qabel ma jiġu approvati. Għalhekk, qabel ma tittieħed xi deċiżjoni biex proġett ta’ dan it-tip ikun jista' jipproċedi, jiġu identifikati u vvalutati l-impatti li jista’ jkollu fuq l-ambjent. B’hekk l-iżviluppaturi jkunu jistgħu jaġġustaw il-proġetti tagħhom biex inaqqsu l-impatti negattivi qabel ma dawn iseħħu tabilħaqq, jew l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jinkorporaw miżuri ta’ mitigazzjoni fl-approvazzjoni tal-proġett.

Id-Direttiva tiżgura l-parteċipazzjoni pubblika fi stadju bikri tal-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali. Tul il-perjodu tal-valutazzjoni tal-proġett, il-membri tal-pubbliku kkonċernati jridu jinżammu infurmati u jrid ikollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar il-proposti tal-iżviluppaturi, biex b’hekk l-awtoritajiet kompetenti u l-iżviluppaturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet wara li jkunu infurmaw ruħhom sew.

Aktar tagħrif:

It-test kodifikat tad-Direttiva EIA huwa disponibbli fis-sit elettroniku:

http://eur-lex.europa.eu/JOHtml.do?uri=OJ:L:2012:026:SOM:MT:HTML

Ara wkoll:

Aktar tagħrif dwar id-Direttiva tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali:

http://ec.europa.eu/environment/eia/eia-legalcontext.htm

http://ec.europa.eu/environment/eia/conference.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website