Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-21 ta' Diċembru 2012

Proġett tar-riċerka tal-UE joffri tama għal staġuni tal-festi li jiffavorixxu iktar is-saħħa

Ir-riċerkaturi Ewropej avvanzaw fir-riċerka tagħhom għal alternattiva għaż-żieda tad-diossidu tal-kubrit fl-inbid aħmar u f'ikel ieħor, bħall-frott niexef, u permezz ta' dan qed joffru t-tama li, għal miljuni ta' nies, l-istaġuni tal-festi fil-ġejjieni jkunu jiffavorixxu iktar is-saħħa.

Id-diossidu tal-kubrit (SO2), li fuq il-pakketti tal-ikel narawh bħala E220, jintuża bħala preżervattiv għal ċertu frott niexef u fil-produzzjoni tal-inbid bħala aġent antimikrobjali u antiossidant. Il-maġġoranza tan-nies jistgħu jittolleraw ammont żgħir ta' SO2 fl-ikel tagħhom iżda f'oħrajn jista' jikkawża reazzjonijiet allerġiċi jew effetti oħra sekondarji bħal pereżempju uġigħ ta' ras.

Il-proġett "so2say" iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u mmexxi minn ttz Bremerhaven, ċentru tar-riċerka applikata mingħajr skop ta' qligħ fil-Ġermanja, jemmen li jista' jkun li issa identifika kombinazzjoni ta' żewġ estratti li tista' tintuża minflok id-diossidu tal-kubrit. Skont il-proġett, il-preżenza ta' SO2 fl-inbid, pereżempju, tista' titnaqqas b'iktar minn 95 %.

Dan l-inbid li fih l-addittiv il-ġdid diġà ndaq fir-Renju Unit, fi Spanja u fil-Ġermanja, u ġie ġġudikat tajjeb daqs l-inbid ta' referenza li kien fih il-kubrit. Lott ieħor ġie bbottiljat f'Mejju 2012 u se jinfetaħ f'Jannar 2013 mid-disa' membri tal-konsorzju tal-proġett. Erba' xhur wara se jsiru iktar testijiet. Jekk dawn it-testijiet jirnexxu, il-fattibbiltà teknika tal-estratt il-ġdid tkun intweriet u jkun jista' jingħata bidu għall-awtorizzazzjoni tiegħu.

Sfond

Il-vantaġġ ewlieni tal-SO2 huwa l-kombinazzjoni tal-attività antiossidattiva tiegħu mal-kapaċità tiegħu li ma jippermettix lill-prodotti jieħdu lewn kannella minħabba l-attività enżimatika bħalma jiġri, pereżempju, lill-biċċiet tat-tuffieħ imqattgħin friski. Barra minn hekk, id-diossidu tal-kubrit jaġixxi bħala preżervattiv tal-ikel u jevita t-tkabbir mikrobjali. Madankollu, l-SO2 u s-sulfiti jnaqqsu ħafna l-assorbiment tal-vitamina B1. Assorbiment imnaqqas ta' din il-vitamina jista' jikkawża diversi problemi tas-saħħa bħal uġigħ ta' ras kroniku u telf temporanju tal-memorja. Dawk li jbatu bl-ażma huma f'riskju partikolari. Għal dawn il-pazjenti assorbiment ta' inqas minn 10 mg ta' sulfit jista' jkun biżżejjed biex jipprovoka attakk tal-ażma.

Dan il-proġett fuq medda ta' tliet snin beda f'Ġunju 2009 b'baġit totali ta' EUR 4.1 miljun, li minnhom EUR 3.0 miljun huma ffinanzjati mis-Seba' programm ta' qafas tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (FP7). Id-disa' membri tal-proġett huma: ttz Bremerhaven, l-Università ta' Bonn u Meyer Gemüse bearbeitung GmbH fil-Ġermanja; l-Università ta' Wageningen u Frutarom Netherlands BV fil-Pajjiżi l-Baxxi; Campden BRI, organizzazzjoni tar-riċerka fil-qasam tal-ikel ibbażata fir-Renju Unit; u Biurko Gorri, produttur tal-inbid, Tecnalia, kumpanija tar-riċerka applikata u Ekolo Productos Ecológicos, manifattur tal-ikel bijoloġiku, fi Spanja.

Għal iktar tagħrif żur: www.so2say.eu

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site