Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta' Diċembru 2012

Jidħlu fis-seħħ ir-regoli tal-UE dwar prezzijiet li ma jiddistingwixxux bejn is-sessi fl-industrija tal-assigurazzjoni

Brussell, l-20 ta' Diċembru 2012 - Permezz ta' regoli ġodda li jidħlu fis-seħħ għada, l-assiguraturi fl-Ewropa se jkollhom iżommu l-istess prezzijiet għall-irġiel u n-nisa għall-istess prodotti ta’ assigurazzjoni mingħajr distinzjoni fuq bażi ta' sess. Dan ifisser li l-prezzijiet tal-assigurazzjoni jistgħu jiżdiedu jew jonqsu fi żmien qasir għal ċerti kategoriji ta’ klijenti filwaqt li x’aktarx li jibbilanċjaw ruħhom tul iż-żmien. Din il-bidla ġiet wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-primjums differenti għall-irġiel u n-nisa purament fuq il-bażi ta’ sess kienu inkompatibbli mal-prinċipju tal-istess prezzijiet għall-irġiel u n-nisa inkluż fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza tas-sessi, u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

“L-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt fundamentali fl-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li dan japplika wkoll għall-prezzijiet tal-assigurazzjoni,” qalet il-Viċi President Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE. "Is-settur tal-assigurazzjoni fuq żmien ta' sena kellu jħejji t-trasferiment għall-istess prezzijiet għall-irġiel u n-nisa u l-Kummissjoni Ewropea għenet lill-industrija tadatta ruħha waqt dan il-perjodu. Il-Kummissjoni se tissorvelja kif l-industrija se timplimenta dawn ir-regoli fil-prattika.

Fid-deċiżjoni tagħha nhar l-1 ta’ Marzu 2011 fil-każ Test-Achats (C‑236/09), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tat l-assiguraturi sal-21 ta’ Diċembru 2012 biex ibiddlu l-politiki tal-prezzijiet tagħhom sabiex jittrattaw il-klijenti individwi maskili u femminili b'mod ugwali f'termini ta' primjums u benefiċċji ta' assigurazzjoni (MEMO/11/123).

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti, il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE, iltaqgħet ma’ assiguraturi ewlenin fl-UE f’Settembru 2011 biex jiddiskutu kif il-Kummissjoni tista' tgħin lill-industrija tadatta d-deċiżjoni tal-Qorti (MEMO/11/624). B’riżultat ta’ dan, fit-22 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni tat l-industrija gwida konkreta dwar kif għandha timplimenta d-deċiżjoni tal-Qorti (IP/11/1581).

Sfond

Il-kawża Test-Achats (C-236/09), li ġiet rinvijata mill-Qorti Kostituzzjonali Belġjana, ittrattat id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess fil-prezzijiet tal-assigurazzjoni. Fl-1 ta’ Marzu 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat eżenzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament indaqs, li tippermetti lill-Istati Membri jżommu d-divrenzjar bejn l-irġiel u n-nisa fil-primjums u l-benefiċċji tal-individwi, invalida b'effett mill-21 ta’ Diċembru 2012.

Id-Direttiva ta l-Kunsill 2004/113/KE (Council Directive 2004/113/EC) li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (adottata b'mod unanimu mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess diretta u indiretta barra mis-suq tax-xogħol.

Qabel id-deċiżjoni tal-Qorti, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva kien jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jidderogaw mir-regola ta' ugwaljanza bejn is-sessi fir-rigward tal-kuntratti ta' assigurazzjoni. L-Istati Membri kollha għamlu użu minn din id-deroga għal xi kuntratti tal-assigurazzjoni jew għal kollha kemm huma. Pereżempju, il-liġi Belġjana tinkludi deroga għall-assigurazzjoni tal-ħajja fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Kienet tilwima dwar il-legalità tad-deroga tal-Belġju li wasslet għad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar it-Test-Achats.

Il-Qorti sabet li l-eżenzjoni għar-regola ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-Artikolu 5(2) kienet inkompatibbli mal-għan tad-Direttiva u, għalhekk, mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-Qorti ddeċidiet li d-deroga kienet invalida, b'effett mill-21 ta' Diċembru 2012.

Id-deċiżjoni tal-Qorti fil-każ Test-Achats ma tfissirx li n-nisa dejjem se jħallsu l-istess primjums għall-assigurazzjoni tal-karozzi bħall-irġiel.

Bħalissa, sewwieq żagħżugħ għaqli jħallas aktar għall-assigurazzjoni tal-karozza, għall-fatt biss li huwa raġel. Skont id-deċiżjoni tal-Qorti, l-assiguraturi ma jistgħux jagħmlu aktar użu mis-sess ta' persuna bħala l-fattur determinanti tar-riskju biex jiġġustifikaw differenzi fil-primjums tal-individwi. Iżda l-primjums imħallsin minn sewwieqa għaqlin – irġiel u nisa – se jkomplu jonqsu abbażi tal-imġiba fis-sewqan individwali tagħhom. Id-deċiżjoni tal-Qorti ma għandhiex taffettwa l-użu ta' fatturi leġittimi oħra tal-valutazzjoni tar-riskju (bħal, pereżempju, l-età jew l-istatus tas-saħħa) u l-prezzijiet se jkomplu jirriflettu r-riskji.

Is-sess ta' persuna huwa fattur determinanti fil-valutazzjoni tar-riskju għal mill-anqas tliet kategoriji ewlenin tal-prodott: l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, l-assigurazzjoni tal-ħajja/l-annwalitajiet u l-assigurazzjoni privata tas-saħħa. Fit-tliet kategoriji, x’aktarx li tranżizzjoni favur prezzijiet ugwali għan-nisa u l-irġiel se jkollha konsegwenzi fuq il-primjums u/jew il-benefiċċji fil-livell individwali għall-irġiel u n-nisa. Il-primjums jistgħu jogħlew jew jonqsu għal ċerti kategoriji ta' konsumaturi, skont il-prodott ikkonċernat.

L-industrija tal-assigurazzjoni hija kompetittiva u innovattiva. Hija għandha tkun f'pożizzjoni biex twettaq dawn l-aġġustamenti u toffri prodotti attraenti li jgħoddu kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel lill-konsumaturi mingħajr impatt mhux ġustifikat fuq il-livell globali tal-prezzijiet. It-tnaqqis fil-prezzijiet li jirriżulta mill-prezzijiet ugwali bejn in-nisa u l-irġiel għandu jiġi mgħoddi lill-konsumaturi bl-istess livell ta’ ġustizzja bħalma huma ż-żidiet fil-prezzijiet.

L-implikazzjonijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti kienu diskussi fl-20 ta’ Ġunju 2011 mal-Istati Membri u l-partijiet interessati fil-Forum dwar is-Sessi u l-Assigurazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni fl-2009. Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Viviane Reding ltaqgħet ukoll ma’ mexxejja ta' kumpaniji tal-assigurazzjoni Ewropea fil-21 ta' Settembru 2011 (MEMO/11/624).

Fit-22 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat linji gwida biex tgħin lill-industrija tal-assigurazzjoni jimplimentaw l-istess prezzijiet għall-irġiel u n-nisa (IP/11/1581). Il-linji gwida offriet gwida prattika fuq l-implikazzjonijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti, għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni.

Għal aktar tagħrif

MEMO/12/1012

Il-Kummissjoni Ewropea – L-Ugwaljanza bejn is-Sessi:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website