Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta' Diċembru 2012

Ambjent: Il-Kummissjoni tikkonsulta l-pubbliku dwar fjuwils fossili mhux konvenzjonali (eż. il-gass tax-shale) fl-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea qed torganizza konsultazzjoni pubblika dwar l-iżvilupp ġejjieni tal-fjuwils fossili mhux konvenzjonali, bħall-gass tax-shale, fl-Ewropa. L-individwi, l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi interessati kollha huma mistiedna jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar l-opportunitajiet u l-isfidi possibbli li jistgħu jirriżultaw mill-iżvilupp ta' tali proġetti u dwar l-aħjar modi biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati s'issa. Il-konsultazzjoni se tibqa' miftuħa sal-20 ta' Marzu 2013. Il-konsultazzjoni hija disponibbli bit-23 lingwa tal-UE.

Fil-passat, l-esplorazzjoni għall-gass naturali u ż-żejt u l-produzzjoni tagħhom fl-Ewropa kienu jiffokaw l-aktar fuq riżorsi konvenzjonali. Filwaqt li l-opportunitajiet għal dan it-tip ta' estrazzjoni domestika qed isiru dejjem aktar limitati, l-avvanzi teknoloġiċi issa qed jiftħu possibbiltajiet ġodda għall-estrazzjoni ta' fjuwils fossili mhux konvenzjonali bħall-gass tax-shale, gass kompressat u metan estratt mid-depożiti tal-faħam minn formazzjonijiet ġeoloġiċi li qabel kienu kumplessi wisq jew wisq għaljin biex jiġu sfruttati.

Il-Kummissjoni Ewropea biħsiebha tiżgura li kwalunkwe żvilupp ulterjuri ta' fjuwils fossili mhux konvenzjonali jitwettaq bis-salvagwardji adegwati stabbiliti għas-saħħa, għall-klima u għall-ambjent, bl-akbar ċarezza u prevedibbiltà legali għaċ-ċittadini u l-operaturi. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li l-vantaġġi ekonomiċi u dawk mil-lat tas-sigurtà tal-enerġija potenzjali ta' tali żviluppi jkunu jistgħu jinkisbu b’mod sikur li ma jipperikolax is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Il-mistoqsijiet fil-konsultazzjoni jkopru kwistjonijiet bħal opportunitajiet u sfidi estensivi, miżuri possibbli biex jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa u għall-ambjent, miżuri li jżidu t-trasparenza tal-operazzjonijiet, u rakkomandazzjonijiet ġenerali dwar azzjoni fil-livell tal-UE.

Il-passi li jmiss

Abbażi tal-ħidma analitika mwettqa mill-aħħar tal-2011, fl-2013 il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi qafas għall-ġestjoni tar-riskji, l-indirizzar tan-nuqqasijiet regolatorji, u biex tiġi pprovduta l-akbar ċarezza u prevedibbiltà legali għall-operaturi tas-suq u għaċ-ċittadini fl-UE kollha (http://ec.europa.eu/atwork/pdf/cwp2013_annex_mt.pdf). Il-ħidma fuq dan il-qafas diġà bdiet, u se jiġu vvalutati l-alternattivi ta' politika rilevanti kollha.

Din il-konsultazzjoni onlajn hija parti minn proċess usa’ mfassal biex jinvolvi lis-soċjetà ċivili fil-ħidma kurrenti tal-Kummissjoni. Il-proċess formali ta’ konsultazzjoni jinvolvi laqgħat regolari mal-Istati Membri u ma' partijiet interessati oħra u jipprevedi laqgħa ta' konsultazzjoni pubblika matul l-ewwel nofs tal-2013. Ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni pubblika se jikkontribwixxu lejn dan l-eżerċizzju usa'.

Għal aktar tagħrif:

Il-konsultazzjoni tista’ timtela minn fuq:

http://ec.europa.eu/environment/consultations_en.htm

Aktar dettalji dwar fjuwils fossili mhux konvenzjonali (eż. il-gass tax-shale) u attivitajiet relatati tal-Kummissjoni Ewropea huma disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/unconventional_en.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website