Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Fondi biex tingħata spinta lill-ġlieda tal-INTERPOL kontra l-kriminalità marbuta mal-fawna u l-flora selvaġġi

Commission Européenne - IP/12/1428   21/12/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, il-21 ta' Diċembru 2012

L-ambjent: Fondi biex tingħata spinta lill-ġlieda tal-INTERPOL kontra l-kriminalità marbuta mal-fawna u l-flora selvaġġi

Il-Kummissjoni Ewropea se tikkontribwixxi kważi EUR 2 miljun lill-INTERPOL bħala appoġġ għall-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-fawna u l-flora selvaġġi, u għall-protezzjoni tar-riżorsi naturali tad-dinja mill-kummerċ illegali internazzjonali fil-fawna u l-flora selvaġġi. Matul it-tliet snin li ġejjin, finanzjament ta’ EUR 1.73 miljun se jappoġġa l-"Project Combat Wildlife Crime" tal-korp dinji tal-pulizija, taħt l-umbrella tal-Konsorzju Internazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità marbuta mal-fawna u l-flora selvaġġi (ICCWC), li jħaddan ukoll is-Segretarjat tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), il-Bank Dinji (WB), u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO).

Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, qal: "Ftit huma dawk li jkunu xhieda ta' kriminalità ambjentali, iżda l-effetti tagħha huma globali, u ta’ sikwit, l-iktar pajjiżi li jbatu minnha huma dawk li qed jiżviluppaw. Iż-żieda fit-traffikar tal-fawna u l-flora selvaġġi hija ta’ tħassib partikolari, bil-kummerċ illegali fl-avorju u dak fil-qrun tar-rinoċeronti jilħqu l-ogħla livelli tagħhom f'għaxar snin, filwaqt li speċijiet oħra fil-periklu ta' estinzjoni, bħat-tigra u ċerti siġar tropikali, qegħdin jintlaqtu ħażin ukoll. Dan it-tip ta’ kriminalità hija kawża ewlenija tat-telf tal-bijodiversità, u dan il-finanzjament se jkun ta' għajnuna għall-infurzar u għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu tant inkwetanti. Barra minn hekk, dan il-finanzjament għandu jsaħħaħ il-fiduċja mal-imsieħba tagħna, u juri li aħna, il-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità madwar id-dinja, neħduha bis-serjetà."

Ronald K. Noble, is-Segretarju Ġenerali tal-INTERPOL, qal: "Dan l-appoġġ mill-Kummissjoni Ewropea se jirfed b'mod sinifikanti lill-INTERPOL u l-imsieħba tagħha fil-qafas tal-ICCWC, u jgħinhom jikkumbattu b'mod aktar effiċjenti s-serq tar-riżorsi naturali minn uħud mill-ifqar pajjiżi fid-dinja, billi jimmiraw lill-kriminali li qegħdin jaqilgħu l-miljuni minn dan il-kummerċ illegali. Biex niksbu r-riżultati mixtieqa, jeħtieġ kooperazzjoni sfiqa, u l-INTERPOL se tissokta fil-ħidma tagħha biex tipprovdi reazzjoni globali ta' infurzar tal-liġi għal din il-problema, li tolqot kull reġjun fid-dinja".

Imwaqqaf fl-2010, l-ICCWC huwa sforz kollaborattiv li jipprovdi appoġġ koordinat lill-aġenziji nazzjonali u lin-netwerks reġjonali u subreġjonali tal-infurzar tal-liġi fil-qasam tal-fawna u l-flora selvaġġi, sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-konservazzjoni u għall-użu sostenibbli tal-bijodiversità, filwaqt li jippromwovu governanza aħjar għall-ġestjoni tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-"Project Combat Wildlife Crime" għandu l-għan li jiżgura l-bini ta’ kapaċità fit-tul, it-titjib fl-iskambju internazzjonali tal-informazzjoni u tal-intelliġenza, u l-koordinazzjoni tal-isforzi ta’ infurzar bl-appoġġ tal-awtoritajiet governattivi fl-amministrazzjoni tal-fawna u l-flora selvaġġi u l-forestrija f'pajjiżi sors, ta' tranżitu u ta' konsum. Fuq livell usa', il-"Project Combat Wildlife Crime" għandu jikkontribwixxi wkoll għal governanza aħjar, u jgħin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

L-attivitajiet ewlenin jinkludu l-analiżi tal-bżonnijiet ta’ kapaċità, bil-provvediment ta' assistenza teknika u finanzjarja lill-pajjiżi li fihom jiġu identifikati ċerti lakuni; l-iżvilupp u l-organizzazzjoni ta’ programmi ta’ bini ta’ kapaċità, inklużi materjal, korsijiet u sessjonijiet ta’ taħriġ; u l-iskjerament ta’ Skwadri ta’ Reazzjoni għall-Inċidenti, li jwettqu azzjonijiet immirati ta’ infurzar flimkien ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Bħala parti mill-isforzi tagħha kontra l-kriminalità marbuta mal-fawna u l-flora selvaġġi, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet ukoll li tipprovdi EUR 2 miljun biex ittawwal il-programm MIKE, mekkaniżmu uniku li jimmonitorja u jindirizza l-kaċċa klandestina tal-iljunfanti fil-kontinent Afrikan.

Sfond

Il-patrimonju naturali tal-pjaneta – mill-ispeċijiet individwali sal-ekosistemi bħall-foresti, is-sikek tal-qroll, l-ilma ħelu u l-ħamrija – qed jonqos b'rata allarmanti. Kull sena, it-telf tal-bijodiversità qed jiswa l-biljuni lill-ekonomija globali, u dan jipperikola lill-ekonomiji lokali, lill-prospetti tan-negozju, u lill-opportunitajiet għall-ġlieda kontra l-faqar. Ir-rati globali attwali ta’ estinzjoni tal-ispeċijiet qegħdin jilħqu rata bejn 100 u 1 000 darba ogħla mir-rata naturali, l-iktar minħabba l-attivitajiet tal-bniedem, uħud minnhom illegali.

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) tillimita, u f'ċerti każijiet tipprojbixxi, il-kummerċ internazzjonali tal-ispeċijiet f'periklu ta' estinzjoni u tal-prodotti mnissla minnhom. L-UE qiegħda tistinka biex issaħħaħ lis-CITES, li hija timplimenta permezz tar-Regolamenti dwar il-Kummerċ fil-Fawna u l-Flora Selvaġġi. Il-Konvenzjoni CITES tħaddan 176 parti, u tirregola l-kummerċ internazzjonali ta’ madwar 30 000 speċi ta’ fawna u flora f'periklu ta’ estinzjoni. Il-Konferenzi tal-Partijiet (CoP) tas-CITES isiru kull tliet snin, u l-laqgħa li jmiss se ssir f'Bangkok f'Marzu 2013.

Il-programm tas-CITES għall-Monitoraġġ tal-Qtil Illegali tal-Iljunfanti (MIKE) ilu fis-seħħ mill-2001, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-gvernijiet ta' 43 Stat fejn jgħixu u jpassu l-iljunfanti fl-Afrika u fl-Ażja, u fejn il-programm MIKE jimmonitorja l-livelli ta' kaċċa klandestina tal-iljunfanti f'xi 85 sit. Tul l-aħħar ħames snin, il-programm MIKE fl-Afrika bbenefika minn għotja li laħqet id-EUR 9 814 000, mingħand l-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tlesti għotja addizzjonali ta’ EUR 2 miljun biex tiżgura li l-programm ikompli sa tmiem l-2014.

Il-programm MIKE tas-CITES iddokumenta żieda allarmanti fil-livelli ta’ qtil illegali tal-iljunfanti madwar l-Afrika, żieda li bdiet fl-2006 u laħqet livelli rekord fl-2011. L-evidenza li ntweriet ġibdet l-attenzjoni dinjija għat-theddid li jħabbtu wiċċhom miegħu l-iljunfanti, u qiegħda tixpruna l-azzjonijiet biex jindirizzaw il-problema fil-livelli nazzjonali u internazzjonali. Il-programm MIKE kien strumentali wkoll fit-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati fejn jgħixu u jpassu l-iljunfanti, u ppromwova livell ġdid ta’ ftehim bejniethom, kif muri bil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Iljunfanti Afrikani, żviluppat mill-Istati fejn jgħixu u jpassu l-iljunfanti waqt il-Laqgħat dwar l-Iljunfanti Afrikani organizzati taħt l-awspiċju tal-programm MIKE tas-CITES. Dan il-Pjan ta' Azzjoni ġie adottat b'unanimità fil-marġni tal-15-il Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għas-CITES (Doha, 2010).

Għal aktar tagħrif:

Tagħrif dwar il-politika tal-UE fil-qasam tal-kummerċ fil-fawna u l-flora selvaġġi:

http://ec.europa.eu/environment/cites/news_en.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site