Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2012

Rapport tal-Kummissjoni jsib miljun siegħa ta’ films Ewropej maqfulin fil-bottijiet u fl-armarji

Rapport ġdid tal-Kummissjoni Ewropea sab li l-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet tal-patrimonju ċinematografiku Ewropew għadhom m’adattawx ruħhom għar-rivoluzzjoni diġitali u għad m’għandhomx il-ħila li jippreservaw il-films b’mod diġitali. Xi wħud mill-films tagħna ta’ bħalissa qed jintilfu għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet futuri, bħal dawk ta’ żmien il-films bla kliem, li minnhom 10 % biss ma ntilfux. Fl-istess ħin, il-films tal-bidu tal-era diġitali wkoll qegħdin f’riskju li jogħsfru darba għal dejjem, minħabba kwistjonijiet marbutin mal-format tagħhom u mal-interoperabbiltà.

It-teknoloġiji l-ġodda joffru opportunità biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi minn miljun siegħa ta’ films Ewropej, li bħalissa huma maqfulin fil-bottijiet fl-arkivji. Madankollu, 1.5 % biss mill-patrimonju ċinematografiku Ewropew huwa aċċessibbli għall-pubbliku b’mod kummerċjali jew bla ħlas.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Neelie Kroes, qalet: "Hija ħaġa ridikola li l-patrimonju ċinematografiku tagħna huwa inviżibbli fis-seklu 21. Il-kultura hija l-qalba tal-Ewropa, u l-films jinsabu fil-qalba tal-kultura. Ninsab deċiża li naħdem biex dan il-patrimonju ċinematografiku jitqiegħed fuq l-internet u fl-2013 se nressaq proposta li tgħin lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jaħdmu flimkien biex il-films jitpoġġew fuq l-internet.”

1.5 % biss mill-patrimonju ċinematografiku Ewropew jeżisti f’forma diġitali. Id-diġitalizzazzjoni hija prerekwiżit għall-aċċess fuq l-internet. Mingħajrha, dawk li jħobbu jaraw il-films se jkomplu jitilfu l-opportunitajiet li toffri d-dinja tal-internet. Dan mhux għax m’hemmx interess. Pereżempju, mill-2009 ’l hawn, il-pubbliku diġà ra żewġ miljun film fuq il-pjattaforma ta’ fuq l-internet iffinanzjata mill-UE msejħa “Europa Film Treasures” (“Teżori tal-films tal-Ewropa”).

Ix-xkiel attwali għad-diġitalizzazzjoni jinkludi l-finanzjament skars nazzjonali u mis-settur privat u l-kumplessità tal-approvazzjoni tad-drittijiet (kemm mil-lat ta’ ħin u kemm mil-lat ta’ flus meħtieġa għal dan).

L-Iżvezja u r-Renju Unit huma meqjusin bħala eżempji tal-aqwa prattiki attwali f’dan il-qasam.

Kuntest

Il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri għandhom jinkludu l-patrimonju ċinematografiku fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom għad-diġitalizzazzjoni u fil-politiki tagħhom ta’ arkivjar; wieħed mir-riżultati ta’ dan għandu jkun li jkun hemm iktar films fil-portal imsejjaħ “Europeana”. Jeħtieġ li jiġu żviluppati tekniki innovattivi tal-finanzjament u tal-ġbir; pereżempju, aktar riċerka dwar it-teknoloġiji tal-iskennjar għall-arkivjar tal-films tista’ twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż tad-diġitalizzazzjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitjiebu r-riżorsi u l-faċilitajiet għall-preservazzjoni tal-films – kemm dawk li jkunu f’format analogu u kemm dawk li jkunu f’format diġitali, kif ukoll il-ħiliet tal-preservazzjoni tagħhom.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Rakkomandazzjoni dwar il-patrimonju ċinematografiku fis-16 ta’ Novembru 2005.

L-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-patrimonju ċinematografiku ġie ppubblikat f’Awwissu tal-2008 u t-tieni wieħed ġie ppubblikat f’Lulju tal-2010. Dan it-tielet rapport tal-2012 janalizza r-rapporti li waslu mingħand l-Istati Membri bi tweġiba għal kwestjonarju tal-Kummissjoni, u r-rapporti nazzjonali huma disponibbli onlajn bl-Ingliż u bil-lingwa oriġinali tagħhom.

F’Jannar tal-2012, il-Kummissjoni ppubblikat studju dwar “Aġenda Diġitali għall-patrimonju ċinematografiku Ewropew” imwettaq minn esperti indipendenti.

F’Ottubru tal-2011, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn tal-materjal kulturali u dwar il-preservazzjoni diġitali. Ir-Rakkomandazzjoni tapplika għall-memorja kulturali tal-Ewropa, irrispettivament mill-format li fih tkun inkorporata, inkluż il-patrimonju ċinematografiku.

Fl-2013, il-Kummissjoni se twettaq djalogu mal-partijiet interessati dwar ċerti kwistjonijiet urġenti marbutin mad-drittijiet tal-awtur, inklużi problemi marbutin mal-preservazzjoni u mad-disponibbiltà onlajn ta’ oġġetti li jiffurmaw parti mill-patrimonju ċinematografiku u, fl-istess ħin, se tivvaluta jekk, fl-2014, tipproponix leġiżlazzjoni li timmodernizza d-Direttiva 2001/29/KE dwar id-drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni, inkluż dwar l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet (ara d-dokument bir-referenza IP/12/1394 u d-dokument bir-referenza MEMO/12/950).

Għal aktar tagħrif:

It-tielet rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-patrimonju ċinematografiku

Is-sit elettroniku ta’ Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

Persuni ta’ kuntatt:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site