Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tadotta pjan ta' direzzjoni għal riforma tal-aġenziji

European Commission - IP/12/1396   19/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta' Diċembru 2012

Il-Kummissjoni tadotta pjan ta' direzzjoni għal riforma tal-aġenziji

Il-Kummissjoni llum adottat pjan ta' direzzjoni li se jgħin biex iwassal l-effiċjenza mtejba u r-responsabbiltà, aktar koerenza u trasparenza, u governanza aktar bilanċjata lill-aġenziji deċentralizzati tal-UE. Id-dokument jagħti l-ħajja lill-"Approċċ Komuni" – l-ewwel ftehim politiku li qatt kien hemm dwar l-aġenziji tal-UE, milħuq mill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew f’Lulju 2012 wara tliet snin ta’ analiżi u negozjati.

Il-Viċi President Maroš Šefčovič qal: "L-akbar effiċjenzi li se jwassal dan il-pjan ta' direzzjoni huma vitali meta l-isforzi ta’ razzjonalizzazzjoni huma fuq nett tal-aġenda politika. Iżda din mhix biss kwistjoni biex jiġu ffrankati l-flus. Id-dokument jistabbilixxi, b'mod ċar, sensiela sħiħa ta’ miżuri li jtejbu t-twettiq, il-governanza u t-trasparenza tal-aġenziji tagħna. Dan se jgħin l-aġenziji biex iwettqu aħjar il-politiki tal-UE minn dawk tal-lum."

Il-pjan ta' direzzjoni jservi bħala inventarju tal-inizjattivi kollha li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-aġenziji nfushom, il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, sabiex l-Approċċ Komuni jinbidel f’azzjoni. Barra minn hekk, dan il-pjan ta' direzzjoni juri fejn hi meħtieġa u utli l-kooperazzjoni mal-aġenziji, u fejn l-aġenziji diġà bdew jimplimentaw l-Approċċ Komuni.

Għal azzjonijiet fejn il-Kummissjoni hija responsabbli, hemm stabbilita skadenza ambizzjuża għal tmiem l-2014. Madankollu, il-pjan ta' direzzjoni jenfasizza diversi azzjonijiet li l-Kummissjoni tqis bħala prijorità, u li diġà se timplimenta fl-2013 (fejn hu rilevanti fil-kooperazzjoni ma' aġenziji u istituzzjonijiet oħrajn). Dawn jinkludu:

  • il-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-kunflitti ta’ interess, fl-aġenziji għall-membri tal-Bord Maniġerjali u d-Diretturi, esperti f’kumitati xjentifiċi, u membri tal-Bordijiet tal-Appell;

  • indikaturi ewlenin ta’ prestazzjoni fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-aġenziji u għad-Diretturi Eżekuttivi tal-aġenziji;

  • l-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet standard li għandhom ikunu inklużi fil-ftehimiet tal-aġenziji ospitanti tal-Istat, ibbażati fuq l-aħjar prassi eżistenti;

  • l-iżvilupp ta’ linji gwida mal-aġenziji meta japplikaw l-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività u l-immaniġġar ibbażat fuq l-attività;

  • l-elaborazzjoni tal-linji gwida għal valutazzjonijiet regolari.

Għadd ta’ dispożizzjonijiet fl-Approċċ Komuni se jeħtieġu wkoll bidliet fl-atti bażiċi tal-aġenziji. Hekk il-Kummissjoni se tiżgura li l-proposti futuri biex tirrevedi dawk l-atti huma f'konformità mal-Approċċ Komuni. Anness se jenfasizza l-pjan ta' direzzjoni fejn ikun meħtieġ. F’dan il-qafas, u fid-dawl tat-titjib tal-effiċjenza u r-responsabbiltà tal-aġenziji, wieħed mill-għanijiet previsti fl-Approċċ Komuni huwa li jinstabu sinerġiji, permezz ta’ servizzi maqsuma jew l-amalgamazzjoni ta' aġenziji fejn dawn ikollhom kompiti li jkopru l-istess ambitu jew fejn ikunu aktar effiċjenti jekk jiddaħlu fi struttura akbar.

Sfond

L-Approċċ Komuni jirrappreżenta l-ewwel ftehim politiku dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE ta' dan it-tip. Għalkemm legalment mhuwiex vinkolanti, dan se jservi ta’ pjan politiku li jwassal għal inizjattivi futuri orizzontali u riformi ta’ aġenziji individwali tal-UE. Il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà ewlenija għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim.

Dan huwa r-riżultat ta’ eżerċizzju konġunt tat-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE. F’Marzu 2009, wara Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “l-Agenziji Ewropej: it-triq ’il quddiem”, it-tliet istituzzjonijiet nedew grupp ta' ħidma interistituzzjonali (IIWG) ippresedut mill-Kummissjoni, biex jiddiskutu l-governanza u l-iffunzjonar tal-aġenziji tal-UE. L-IIWG indirizza għadd ta’ kwistjonijiet ewlenin, inklużi l-irwol u l-pożizzjoni tal-aġenziji fl-arkitettura istituzzjonali tal-UE, il-ħolqien, l-istruttura u t-tħaddim ta' dawn l-aġenziji, flimkien ma' kwistjonijiet ta' finanzjament, baġit, superviżjoni u ġestjoni.

L-Approċċ Komuni jikkonċerna 32 aġenzija deċentralizzata, mifruxa madwar l-Istati Membri, li joperaw f’għadd ta’ oqsma politiċi u li jwettqu firxa wiesgħa ta’ xogħlijiet. Tliet aġenziji deċentralizzati li joperaw fil-qasam tal-Politika Esterna u tas-Sigurtà mhumiex koperti mill-ftehim, u lanqas s-sitt aġenziji eżekuttivi u l-impriżi konġunti.

L-aġenziji joffru preżenza tanġibli tal-UE fl-Istati Membri. L-attivitajiet tagħhom huma varji – xi wħud minnhom iwasslu s-sostenn lill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni billi jinġabru espert disponibbli, xi wħud jadottaw deċiżjonijiet individwali bl-applikazzjoni tal-istandards tal-UE, u oħrajn jgħinu fl-implimentazzjoni ta' politiki Komunitarji. Madankollu, matul is-snin l-istabbiliment tal-aġenziji ad hoc ma kienx akkumpanjat b'viżjoni globali tal-pożizzjoni tagħhom fl-Unjoni. L-Approċċ Komuni, bħala wieħed tradott fl-azzjoni mill-pjan ta' direzzjoni adottat illum, għandu jgħin biex jibdel dan.

L-aġenziji deċentralizzati tal-UE jimpjegaw aktar minn 7,000 ruħ u rċevew EUR 750 miljun mill-baġit tal-UE fl-2012.

Link

Pjan ta' direzzjoni li jsegwi l-Approċċ Komuni-tal-aġenziji deċentralizzati tal-UE

Kuntatti:

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website