Navigation path

Left navigation

Additional tools

Tibda t-tiftixa għall-President li jmiss tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka

European Commission - IP/12/1393   19/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta' Diċembru 2012

Tibda t-tiftixa għall-President li jmiss tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħatret seba' esperti biex iwettqu t-tiftixa għall-president li jmiss tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (KER), l-aġenzija ta' finanzjament fix-xjenza esplorattiva tal-Unjoni Ewropea. Il-kumitat se jitmexxa minn Lord Sainsbury ta' Turville, il-Kanċillier tal-Università ta' Cambridge u li kien ukoll il-ministru għax-xjenza tar-Renju Unit. Il-kumitat se jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea fil-ħin biex il-president li jmiss tal-KER ikun jista' jassumi l-kompiti tiegħu fl-1 ta’ Jannar 2014, bħala suċċessur tal-president attwali Helga Nowotny.

Fil-perjodu ta' ħames snin mit-tnedija tiegħu, il-KER stabbilixxa ruħu bħala l-aġenzija ta' finanzjament preeminenti tal-Ewropa għax-xjenza esplorattiva, li tappoġġa r-riċerka purament abbażi tal-eċċellenza. Hekk kif il-KER ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu, ir-rwol tal-president li jmiss se jkun wieħed kruċjali. Il-President se jkun il-vuċi u l-immaġni pubblika tal-KER, u se jiddefendi l-prinċipji ta' eċċellenza, effiċjenza u indipendenza tal-KER.

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire Geoghegan-Quinn, qalet: "Il-KER diġà huwa wieħed mill-protagonisti tal-finanzjament globali tar-riċerka, u ninsab kuntenta ħafna li Lord Sainsbury aċċetta l-istedina tiegħi biex jikkontribwixxi lejn l-iżvilupp tal-KER f'mument kruċjali. Bħala Ministru għax-Xjenza tar-Renju Unit fl-2004, l-appoġġ deċiżiv tiegħu għall-kunċett tal-KER witta t-triq għal dik li saret tassew storja Ewropea ta' suċċess. Aħna kburin li se jkollna wieħed mill-fundaturi jmexxi l-għażla tal-President futur tal-KER, kisba importanti fil-ħajja tal-KER."

Waqt li aċċetta l-istedina tal-Kummissjoni, Lord Sainsbury qal: "Il-KER issa huwa operazzjoni li taħdem sew, u jinsab fi triqtu biex isir organizzazzjoni ta' finanzjament kompletament matura fuq l-istess livell tal-aqwa entitajiet fid-dinja. Huwa jgawdi minn rikonoxximent wiesa’, mibni fuq il-prinċipji operattivi tiegħu ta' indipendenza u eċċellenza xjentifika. Ninsab kuntent li nista' nikkontribwixxi għal din il-fażi ġdida ta' sfida u kuntent li se nagħmel dan flimkien ma' sitt kollegi distinti bħal dawn."

Sfond

Il-membri tal-kumitat ta' tiftix se jkunu:

  • Lord sainsbury ta' Turville, FRS, Kanċillier tal-Università ta’ Cambridge

  • Catherine CESARSKY, Konsulent ta' Livell Għoli, Commissariat à l'énergie atomique et aux énergies alternatives (CEA), eks Kummissarju Għoli għall-Enerġija Atomika fi Franza (CEA)

  • Suzanne FORTIER, President tal-Kunsill tar-Riċerka dwar ix-Xjenzi Naturali u l-Inġinerija tal-Kanada

  • Michal KLEIBER, President tal-Akkademja Pollakka, Eks Membru tal-Kunsill Xjentifiku tal-KER

  • Jadran LENARČIČ, Direttur tal-Istitut Jozef Stefan, Ljubljana

  • Erwin NEHER, Direttur Emeritus tal-Istitut Max Planck għall-Kimika Bijofiżika, Premju Nobel fil-Mediċina

  • Salvatore SETTIS, Eks Direttur, Scuola Normale Superiore, Pisa, Eks Membru tal-Kunsill Xjentifiku tal-KER

Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka ġie stabbilit taħt is-Seba’ Programm Qafas tal-Unjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku biex jinkoraġġixxi riċerka ta’ kwalità għolja fl-Ewropa. Dan jagħti għotjiet, permezz ta' kompetizzjonijiet miftuħa, lil proġetti mmexxija minn riċerkaturi li għadhom jibdew kif ukoll stabbiliti, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, li jaħdmu jew li għal raġunijiet ta' xogħol se jmorru joqogħdu, fl-Ewropa. L-uniku kriterju għall-għażla huwa l-eċċellenza xjentifika. Il-mira hija li jiġu rikonoxxuti l-aħjar ideat, u li jinżammu u jiġu kkonferiti status u viżibilità lill-aħjar imħuħ fl-Ewropa, filwaqt li jiġi attirat ukoll talent minn barra. Skont il-proposti tal-Kummissjoni għall-programm ta' finanzjament għar-riċerka li jmiss tal-UE, ta' seba' snin, Orizzont 2020 (2014-2020), il-baġit tal-KER għandu jiżdied għal aktar minn EUR 13-il biljun minn EUR 7.5 biljun għall-2007-2013.

Il-President tal-KER taħt l-Orizzont 2020

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-programm speċifiku li jimplimenta l-Orizzont 2020 jistabbilixxu l-funzjoni ta' President tal-KER, li għandu jintgħażel minn fost xjenzjati stabbiliti u rispettati internazzjonalment. Il-President tal-KER se jirrisjedi fi Brussell għat-tul ta' żmien tal-ħatra u jiddedika l-biċċa l-kbira tal-ħin tiegħu lill-attivitajiet tal-KER Il-President tal-KER għandu jinħatar mill-Kummissjoni għal mandat limitat għal erba' snin, li jista' jiġġedded darba. Il-President se jkun irrimunerat f'livell kumparabbli ma' dak tal-maniġment superjuri tal-Kummissjoni. Il-proċess ta’ reklutaġġ u l-kanditat magħżul għandu jkollu l-approvazzjoni tal-Kunsill Xjentifiku tal-KER.

Il-ħolqien ta' kumitat ta' tiftix kien waħda mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tat-Task Force tal-KER, li segwa l-analiżi interim tal-KER:

http://erc.europa.eu/sites/default/files/document/file/erc_taskforce_report_2011.pdf

http://erc.europa.eu/sites/default/files/content/pages/pdf/final_report_230709.pdf

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website