Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Inizjatttiva tal-UE Tfal tal-Paċi: Il-President Barroso jħabbar proġetti tal-Premju Nobel għall-Paċi biex jgħinu madwar 23,000 tifel u tifla milquta minn gwerer u kunflitti

Commission Européenne - IP/12/1392   18/12/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2012

Inizjatttiva tal-UE Tfal tal-Paċi: Il-President Barroso jħabbar proġetti tal-Premju Nobel għall-Paċi biex jgħinu madwar 23,000 tifel u tifla milquta minn gwerer u kunflitti

Il-flus tal-premju Nobel għall-paċi tal-Unjoni Ewropea se jiffinanzjaw erba’ proġetti taħt l-inizjattiva Tfal tal-Paċi u dettalji tal-proġetti tħabbru llum minn José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

L-attribuzzjoni tal-flus tal-premju lil tfal milquta mill-kunflitt kienet deċiżjoni unanima tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose Manuel Barroso, il-Presdient tal-Parlament Ewropew Martin Schulz u dik tal-Kunsill Ewropew Herman van Rompuy.

Fi kliem il-President Barroso: "Kienet xi ħaġa ovvja għalina li l-flus tal-premju Nobel għall-paċi għandhom ikunu allokati lil dawk l-aktar vulnerabbli li ħafna drabi huma dawk l-aktar milquta minn gwerer: it-tfal ta’ din id-dinja. Irridu li t-tfal kollha jgawdu l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom b'mod kostanti. Kull tifel u tifla fid-dinja għandhom ikollhom l-opportunità li jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Il-promozzjoni tal-edukazzjoni hi wkoll l-għoti taċ-ċans lill-paċi biex tkun waħda dejjiema Irridu li “t-tfal tal-gwerra” jsiru “tfal tal-paċi”.”

Il-President Van Rompuy qal: “F’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt, it-tfal huma ħafna drabi l-aktar vulnerabbli, għalhekk hu ferm tajjeb li dan il-premju għandu jkun ta’ benefiċċju għall-vitmi żgħar tal-kunflitti bl-armi. Ninsab ħerqan li din l-inizjattiva se tkompli lil hinn minn din l-ewwel sena, u nittama li l-“proġetti tat-Tfal tal-Paċi tal-UE” jistgħu jsiru simbolu tal-impenn tal-Unjoni Ewropea lejn dawk fil-bżonn madwar id-dinja”.

Il-President Schulz qal: “It-tfal huma l-vittmi l-aktar vulnerabbli tal-kunflitt. Huma jfissru l-futur tagħna u huwa l-futur personali tagħhom li jinsab fir-riskju. Kulma nistgħu nikkontribwixxu biex ngħinuhom jegħlbu t-trawmi u t-tbatija li għaddew minnhom waqt il-kunflitti hu merħba bih”.

Flimkien il-proġetti se jibbenefikaw minn EUR 2 miljun (li jinkludu finanzjament addizzjonali mill-UE). Dawn se jilħqu madwar 23,000 tifel u tifla milquta minn kunflitti madwar id-dinja u se jipprovdu aċċess għal edukazzjoni bażika u spazji adatti għat-tfal:

  • Madwar 4,000 tifel u tifla refuġjati Sirjani f'kampijiet fuq il-fruntiera bejn l-Iraq u s-Sirja;

  • Aktar minn 5,000 tifel u tifla Kolombjani, l-biċċa l-kbira tagħhom refuġjati fl-Ekwador;

  • 11,000 tifel u tifla Kongoliżi spostati fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tal-Lvant u refuġjati fl-Etjopja;

  • U 3,000 tifel u tifla Pakistani fit-Tramuntana tal-pajjiż milquta mill-kunflitti.

L-UNICEF se timplimenta l-proġett fil-Pakistan, Save the Children u The Norwegian Refugee Council se jaħdmu ma' tfal fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-Etjopja, l-UNHCR se jwassal assistenza fil-Kolombja u l-Ekwador, u ACTED minn Franza se tmur taħdem fil-kamp tar-refuġjati ta' Domiz fit-Tramuntana tal-Iraq mat-tfal Sirjani. Dawn l-organizzazzjonijiet kollha huma fost l-imsieħba l-aqwa magħrufa fil-qasam tal-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-proġetti li għandhom ikunu appoġġjati permezz tal-inizjattiva Tfal tal-Paċi jaqgħu fl-ambitu tar-responsabbiltà tal-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżijiet, Kristalina Georgieva. Illum qalet: "Matul kunflitt, l-għajnuna umanitarja hija bosta drabi l-uniku mod biex it-tfal ikunu jistgħu jkomplu l-edukazzjoni tagħhom, li mhux biss ittejjeb il-prospetti futuri tagħhom, iżda tista' wkoll tipproteġihom minn abbuż u sfruttament. Din il-kawża importanti jistħoqilha l-kontribuzzjoni tal-Premju Nobel għall-Paċi tal-UE. Fuq il-fruntieri Sirjani u Kolombjani, fil-Pakistan, l-Etjopja u l-Kongo, aħna se nagħmlu differenza kbira għat-tfal li inkella jsiru ġenerazzjoni mitlufa – biex minflok nagħtuhom opportunità għal tfulija, ċans għal irkupru, ċans għal futur aħjar".

L-inizjattiva Tfal tal-Paċi mhux se tkun azzjoni ta' darba: finanzjament ġdid se jsir disponibbli għal aktar proġetti s-sena d-dieħla b'sostenn għat-tfal f'kunflitt.

Sfond

Fl-10 ta’ Diċembru, l-UE ingħatat il-Premju Nobel għall-Paċi għall-2012 għal iktar minn sitt deċennji tagħha ta' kontribuzzjoni għall-avvanz tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea aċċettat formalment il-flus tal-premju f'isem l-Unjoni Ewropea u ddeċidiet li żżid madwar EUR 930,000 sa EUE 2 miljun biex ikunu allokati lil tfal li huma l-aktar fil-bżonn. Il-Premju Nobel għall-Paċi jikkonsisti f'ammont ta' SEK 8 miljun, midalja u diploma. Il-medalja u d-diploma se jinżammu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea f'isem l-Unjoni Ewropea. L-ammont ta' flus u l-midalja jikkostitwixxu donazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1605/2002.

Il-Premju Nobel għall-Paċi jirrappreżenta r-rikonċiljazzjoni madwar id-dinja. Il-flus tal-Premju għandhom imorru għall-benefiċċju tal-ewwel tama għall-ġejjieni, iżda wkoll għall-ewwel vittmi ta’ kunflitti: tfal li ġew miċħuda li jikbru fil-paċi biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Illum, 90% tal-vittmi tal-kunflitti huma mill-popolazzjoni ċivili. Nofshom huma tfal. Seba' miljun tifel u tifla huma refuġjati u 12.4 miljun tifel u tifla ġew spustati f'pajjiżhom stess minħabba kunflitt.

Waħda mill-aħjar mezzi biex ngħinu u nipproteġu lit-tfal meta jsofru minn kunflitt vjolenti hija li nagħtuhom l-opportunità li jitgħallmu mill-ġdid u jiksbu l-edukazzjoni - inkella l-futur tagħhom se jkun saħansitra iktar diffiċli. Minn madwar 75 miljun tifel u tifla li huma barra mill-iskola mad-dinja kollha, aktar minn nofs jgħixu f’żoni ta’ kunflitt.

Ix-xogħol umanitarju tal-UE qed jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal affettwati mill-kunflitt. Aktar minn nofs il-finanzjament umanitarju tal-Kummissjoni jmur għal żoni milquta mill-kunflitti u 12% tal-baġit umanitarju tagħha jmorru għal organizzazzjonijiet ta' għajnuna għat-tfal, ħafna aktar mill-medja dinjija. Il-Kummissjoni talloka l-għajnuna umanitarja għall-attivitajiet ta' protezzjoni tat-tfal, appoġġ psikoloġiku, edukazzjoni dwar is-sogru tal-mini, u azzjonijiet kontra r-reklutaġġ ta' suldati tfal.

Dan l-impenn huwa skont il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, li jiddikjara li "fir-rispons għal ħtiġijiet umanitarji, il-vulnerabbiltajiet partikolari għandhom jiġu kkunsidrati. F’dan il-kuntest, l-UE se tagħti attenzjoni speċjali lin-nisa, it-tfal, l-anzjani, il-morda u l-persuni b’diżabilità ”.

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-UE dwar Tfal f'Sitwazzjonijiet ta' Emerġenza u ta' Kriżi (2008) jindirizza, b’mod partikolari, il-kwistjoni ta’ tfal assoċjati ma’ forzi u gruppi armati. L-UE adottat ukoll il-Linji gwida tal-UE dwar it-Tfal Affettwati mill-Kunflitti Armati, li jipprovdu bażi komuni għal azzjoni mill-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea.

Għal aktar tagħrif:

Il-websajt tal-Kummissjoni dwar l-assistenza tal-UE għat-tfal f’kunflitt:

http://ec.europa.eu/echo/EU4children/index_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Georgieva:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/georgieva/index_en.htm

Is-servizzi ta’ Għajnuna Umanitarja u ta’ Protezzjoni Ċivili tal-Kummissjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/echo/index_en.htm

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen, il-kelliema tal-Kummissjoni Ewropea (+32 2 295 30 70)

Preben Aamann, id-deputat kelliem tal-President tal-Kunsill Ewropew (+32 476 850 543)

Armin Machmer, il-kelliem tal-President tal-Parlament Ewropew (+32 479 97 11 98)

David Sharrock, il-kelliem tal-Kummissarju Georgieva (+32 2 296 89 09)

Irina Novakova, l-uffiċjal għall-istampa (+32 2 295 75 17)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site