Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, id-19 ta' Diċembru 2012

Il-prodotti tat-tabakk: Lejn twissijiet tas-saħħa isħaħ u projbizzjoni tal-aromi qawwija

Illum, wara ħafna snin ta’ diskussjoni, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-proposta tagħha biex tirrevedi d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk Il-leġiżlazzjoni proposta tikkonsisti f’regoli ġodda u msaħħa dwar kif prodotti tat-tabakk jistgħu jiġu manifatturati, ippreżentati, u mibjugħa. Aktar speċifikament, tipprojbixxi l-użu ta’ sigarretti, tabakk tal-brim (roll-your-own tobacco, RYO) u prodotti tat-tabakk li ma jdaħħanx b’karattru ta’ aromi u tagħmel l-użu tat-twissijiet tas-saħħa bl-istampi kbar fuq is-sigarretti u tal-brim obbligatorji. Din tirregola l-bejgħ transkonfinali minn fuq l-internet u tipprevedi l-karatteristiċi tekniċi kontra l-kummerċ illegali. Barra minn hekk, fiha miżuri proposti għal prodotti li ma kinux speċifikament regolati sa issa bħas-sigarretti elettroniċi u prodotti erbali għat-tipjip. Tabakk tal-magħda u tal-imnieħer se jkun suġġett għal regolamenti speċifiċi ta’ tikkettjar u tal-ingredjenti. Il-projbizzjoni eżistenti għat-tabakk orali (is-snus) għandha tinżamm.

Fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-proposta, il-Kummissarju inkarigat mis-saħħa u l-politika tal-konsumatur, Tonio Borg, qal: "Tajna r-riżultat! Il-Kummissjoni Ewropea kienet wegħdet proposta dwar il-prodotti tat-tabakk sa tmiem l-2012, u dak li jien qed nippreżenta llum lill-Ministri tas-Saħħa u l-Parlament Ewropew. Il-figuri huma ċari: It-tabakk joqtol nofs dawk li jużawh u jagħmlek dipendenti ħafna. B’70 % ta' dawk li jpejpu jibdew qabel l-età ta’ 18-il sena, l-ambizzjoni tal-proposta tal-lum hi li nagħmlu l-prodotti tat-tabakk u t-tipjip anqas attraenti u b'hekk niskoraġġixxu l-bidu tat-tipijip fost iż-żgħażagħ." Huwa żied jgħid li "il-konsumaturi ma għandhomx jitqarrqu: il-prodotti tat-tabakk għandhom jidhru u jtegħmu bħall-prodotti tat-tabakk u din il-proposta tiżgura li ppakkjar attraenti u aromi ma jintużawx bħala strateġija kummerċjali."

Għaliex għandna reviżjoni tal-liġi tal-UE?

Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk attwali (2001/37/KE) saret fl-2001. Minn dakinhar, kien hemm żviluppi internazzjonali sinifikanti fix-xjenza u fis-suq. Pereżempju, issa hemm disponibbli evidenza ġdida dwar l-aromi użati fil-prodotti tat-tabakk u l-effikaċja tat-twissijiet dwar is-saħħa. Daħlu fis-suq prodotti ġodda bħas-sigarretti elettroniċi u strateġiji tal-marketing riċenti jinvolvu l-użu ta ppakkjar attraenti u aromi. Fuq il-livell internazzjonali, l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha rratifikaw il-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) tad-WHO li daħlet fis-seħħ fi Frar 2005. Bħala konsegwenza, xi wħud mid-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva għadda żmienhom. L-Istati Membri ħadu wkoll approċċi regolatorji differenti li jirriżultaw f’diverġenza bejn il-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk.

Il-proposta l-ġdida tirrispondi għal dawn l-iżviluppi u għat-talbiet mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri, kif ukoll ir-rapport tal-Kummissjoni stess dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk tal-2007 u l-2009 li identifikat oqsma potenzjali għal titjib.

L-elementi ewlenin tal-proposta:

Il-proposta tipprevedi reviżjonijiet ewlenin tad-Direttiva attwali. Din tindirizza b’mod partikolari l-oqsma li ġejjin:

  • L-Ittikkettjar u l-Ippakkjar: Il-pakketti kollha tas-sigarretti tiegħek u tal-brim (RYO) għandu jkollhom twissija tas-saħħa magħquda tal-istampi u l-kliem tkopri 75 % tal-wiċċ u tad-dahar tal-pakkett u ma għandhomx juru elementi promozzjonali. L-informazzjoni attwali dwar il-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju, li titqies bħala qarrieqa, inbidlet b'messaġġ ta' informazzjoni fuq il-ġenb tal-pakkett li jgħid li d-duħħan għandu 70 sustanza li tikkawża l-kanċer. L-Istati Membri jibqgħu liberi li jintroduċu ppakkjar sempliċi sħiħ f'każijiet ġustifikati kif jixraq.

  • L-ingredjenti: Se jkun introdott format elettroniku ta’ rappurtaġġ għall-ingredjenti u l-emissjonijiet. Il-proposta tipprevedi projbizzjoni għas-sigarretti, it-tabakk tal-brim u tat-tabakk li ma jdaħħanx li għandhom karattru ta’ aromi u projbizzjoni ta’ prodotti b’żieda tat-tossiċità u l-effett ta’ dipendenza.

  • It-tabakk li ma jdaħħanx u l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva: Il-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk orali (is-snus) qed jinżamm, ħlief għall-Isvezja li għandha eżenzjoni. Il-prodotti kollha tat-tabakk li ma jdaħħanx għandhom juru twissijiet tas-saħħa fuq iż-żewġ naħat prinċipali tal-pakkett u prodotti b’karattru ta’ aromi ma jistgħux jinbigħu. Il-prodotti l-ġodda tat-tabakk jeħtieġu notifika minn qabel.

  • Estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva: Prodotti li Fihom in-Nikotina (pereżempju, is-sigarretti elettroniċi) taħt ċertu limitu bażiku tan-nikotina huma permessi fis-suq, iżda għandu jkollhom twissijiet tas-saħħa; 'il fuq minn dan il-limitu bażiku, dawn il-prodotti huma permessi biss jekk huma awtorizzati bħala prodotti mediċinali, bħat-terapiji li jieħdu post in-nikotina. Sigarretti erbali se jkollhom juru twissijiet tas-saħħa.

  • Bejgħ bid-distanza transkonfinali: Huma previsti notifika għall-bejjiegħa bl-imnut fuq l-Internet u mekkaniżmu li jivverifika l-età biex jiżguraw li l-prodotti tat-tabakk ma jinbigħux lit-tfal u l-adoloxxenti.

  • Kummerċ illegali Huma previsti sistema ta’ provenjenza u traċċar u karatteristiċi ta' sigurtà (pereżempju, ologrammi) biex jiżguraw li fl-UE jinbiegħu biss prodotti li jikkonformaw mad-Direttiva.

Il-proċess u l-iskedi ta’ żmien

Il-proposta ġiet adottata wara konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati inkluża konsultazzjoni pubblika li ġġenerat 85,000 risposta. Matul il-preparazzjoni tagħha, twettqet valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt li evalwat l-effetti ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa tal-bosta għażliet politiċi taħt konsiderazzjoni. Diversi studji esterni kienu kkummissjonati matul il-proċess.

Bħala l-pass li jmiss, il-proposta se tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Ministri. Hija mistennija li tiġi adottata fl-2014. Din tidħol fis-seħħ mill-2015-2016.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/health/tobacco/products/index_en.htm

MEMO/12/1005

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site