Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika jaqblu dwar sħubija ġdida storika marbuta mal-kummerċ tal-prodotti organiċi

Nürnberg, il-15 ta’ Frar 2012 - L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika llum ħabbru li, mill-1 ta’ Ġunju 2012 ’il quddiem, il-prodotti organiċi ċċertifikati fl-Ewropa jew fl-Istati Uniti jistgħu jinbiegħu fi kwalunkwe wieħed minn dawn iż-żewġ reġjuni bħala prodotti organiċi. Din is-sħubija bejn l-akbar żewġ produtturi organiċi fid-dinja se toħloq bażi soda li permezz tagħha tista’ tiġi promossa l-biedja organika. Hija se twassal għal benefiċċji għall-industrija tal-prodotti organiċi li qiegħda dejjem tikber u se tappoġġa l-impjiegi u n-negozji fuq livell dinji.

Is-settur tal-prodotti organiċi fl-Istati Uniti u fl-Unjoni Ewropea għandu valur ta’ madwar EUR 40 biljun, jekk wieħed iqis iż-żewġ reġjuni f’daqqa, u dan il-valur qiegħed jiżdied ta’ kull sena.

L-ittri formali li jistabbilixxu din is-sħubija ġew iffirmati fil-15 ta’ Frar 2012 f’Nürnberg, il-Ġermanja, minn Dacian Cioloş, il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Kathleen Merrigan, id-Deputat Segretarju għall-Agrikoltura tal-Istati Uniti u l-Ambaxxatur Isi Siddiqui, li huwa n-negozjatur ewlieni għall-affarijiet agrikoli tar-Rappreżentanza tal-Kummerċ tal-Istati Uniti. L-iffirmar seħħ waqt il-Fiera Organika Dinjija tal-“BioFach”, li hija l-ikbar fiera kummerċjali tal-prodotti organiċi fid-dinja.

Dan il-ftehim iġib miegħu valur miżjud doppju. Minn naħa waħda, il-bdiewa li jkabbru prodotti organiċi u l-produtturi tal-ikel li jipproduċu prodotti organiċi se jibbenefikaw minn aċċess iktar faċli kemm għas-suq tal-Istati Uniti kif ukoll għal dak tal-UE, b’inqas burokrazija u inqas spejjeż, u b’hekk se tissaħħaħ il-kompetittività ta’ dan is-settur. Barra minn hekk, dan il-ftehim se jtejjeb it-trasparenza tal-istandards tal-prodotti organiċi u se jtejjeb il-kunfidenza tal-konsumaturi u r-rikonoxximent tal-ikel u tal-prodotti organiċi tagħna”, qal Dacian Cioloş, il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. “Din is-sħubija hija pass importanti ’l quddiem, u twassal għal livell ġdid ta’ kooperazzjoni fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti f'dak li għandu x’jaqsam mal-agrikoltura.”

Din is-sħubija tgħaqqad lill-bdiewa li jkabbru l-prodotti organiċi u l-kumpaniji li jipproduċu prodotti organiċi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku u toffrilhom firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ġodda tas-suq”, qalet Kathleen Merrigan, id-Deputat Segretarju għall-Agrikoltura tal-Istati Uniti. “Hija rebħa għall-ekonomija Amerikana u għall-istrateġija tal-President Barack Obama għall-impjiegi. Din is-sħubija se tiftaħ swieq ġodda għall-bdiewa u għar-raħħala Amerikani, se toħloq iktar opportunitajiet għan-negozji ż-żgħar u se twassal għal impjiegi tajbin għall-Amerikani li jippakkjaw, jittrasportaw bil-baħar u jikkummerċjalizzaw il-prodotti organiċi.”

Dan huwa pass importanti lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali tagħna”, żied igħid l-Ambaxxatur Isi Siddiqui. “Jiena ċert li dan l-arranġament se jiffaċilita u jagħti spinta lill-kummerċ agrikolu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti u li se jwassal għal iktar impjiegi f’dan is-settur importanti kemm għall-Amerika kif ukoll għall-Ewropa.”

Qabel, dawk li jkabbru l-prodotti organiċi u l-kumpaniji li jipproduċuhom li riedu jbiegħu l-prodotti tagħhom fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku kellhom jiksbu żewġ ċertifikazzjonijiet separati għal żewġ standards. Dan ifisser li huma kellhom iħallsu l-imposti darbtejn, jagħmlu żewġ settijiet ta’ spezzjonijiet u jlestu l-karti kollha darbtejn. Din is-sħubija se telimina ostakli importanti, l-iktar għall-produtturi ż-żgħar u ta’ daqs medju tal-prodotti organiċi. Il-prodotti kollha li jissodisfaw it-termini tas-sħubija jistgħu jinbiegħu u jiġu ttikkettati bħala prodotti organiċi ċċertifikati, jew bħala laħam, ċereali jew inbid organiku ċċertifikat.

Bi tħejjija għat-tħabbira storika tal-lum, iż-żewġ partijiet wettqu verifiki ddettaljati fuq il-post sabiex jiżguraw li r-regolamenti, il-miżuri ta’ kontroll tal-kwalità, ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni u l-prattiki tat-tikkettar tal-programmi tagħhom ikunu kompatibbli.

Għalkemm hemm xi differenzi żgħar fl-istandards tal-prodotti organiċi tal-Istati Uniti u dawk tal-Unjoni Ewropea, iż-żewġ partijiet iddeċidew, b’mod separat, li l-programmi tagħhom huma ekwivalenti ħlief għall-projbizzjoni tal-użu tal-antibijotiċi. Ir-regoli tad-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti marbutin mal-produzzjoni organika jipprojbixxu l-użu tal-antibijotiċi ħlief biex jiġi kkontrollat il-mard mill-batterji li jinxterdu (il-ġlata li tagħti dehra ta’ ħruq lill-pjanti) fil-ġonna tas-siġar tat-tuffieħ u tal-lanġas organiċi. Ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-produzzjoni organika jippermettu l-użu tal-antibijotiċi biss biex jiġu kkurati l-annimali infettati. Għall-prodotti kollha li jinbiegħu skont din is-sħubija, l-aġenti li jiċċertifikawhom iridu jivverifikaw li għall-ebda raġuni ma jkunu ntużaw l-antibijotiċi fuqhom.

Barra minn hekk, il-prodotti kollha li jinbiegħu skont din is-sħubija jridu jiġu ttrasportati bil-baħar b’ċertifikat tal-esportazzjoni organika magħhom. Dan id-dokument se juri l-post ta’ produzzjoni, jidentifika l-organizzazzjoni li ċċertifikat il-prodott organiku, jivverifika li ma ntużawx sustanzi u metodi pprojbiti, jiċċertifika li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet tas-sħubija u jippermetti li wieħed jittraċċa l-prodotti kkummerċjalizzati.

Iż-żewġ partijiet lesti jiżguraw li l-prodotti organiċi kkummerċjalizzati kollha jissodisfaw il-kundizzjonijiet tas-sħubija u jżommu l-integrità organika tagħhom mill-azjenda agrikola sas-suq. Kemm id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll il-Programm nazzjonali għall-prodotti organiċi tad-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti, li jissorvelja l-prodotti organiċi kollha tal-Istati Uniti, se jkollhom rwol ewlieni ta’ sorveljanza.

L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea se jkomplu jiddiskutu b’mod regolari l-programmi ta’ xulxin u se jirreveduhom b’mod regolari sabiex jivverifikaw li qed jintlaħqu l-kundizzjonijiet tas-sħubija. L-UE u l-Istati Uniti se jibdew jaħdmu wkoll fuq għadd ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni sabiex jippromwovu l-produzzjoni organika u jittrattaw suġġetti importanti bħalma huma l-benesseri tal-annimali u kwistjonijiet oħrajn. Iż-żewġ programmi se jaqsmu, b’mod regolari, l-informazzjoni teknika u l-aħjar prattiki sabiex ikomplu jtejbu l-integrità tas-sistemi tal-produzzjoni organika tal-għelejjel u tal-bhejjem.

Bħalissa, dan il-ftehim ikopri biss il-prodotti esportati mill-Istati Uniti jew mill-Unjoni Ewropea u ċċertifikati fihom.

Għal iktar tagħrif ara:

http://www.ams.usda.gov/NOPTradeEuropeanUnion

http://ec.europa.eu/agriculture/organic/home_mt

Persuni ta’ kuntatt:

Roger Waite, (+32 2 296 14 04)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site