Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Diċembru 2012

Lista tal-affarijiet li għad iridu jsiru fil-qasam diġitali: prijoritajiet diġitali ġodda għall-2013-l-2014

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat seba’ prijoritajiet ġodda għall-ekonomija u s-soċjetà diġitali. L-ekonomija diġitali qed tikber b’rata li hija seba’ darbiet iktar minn dik li biha qed tikber il-bqija tal-ekonomija, iżda l-potenzjal tagħha bħalissa qed jinżamm lura minn qafas politiku pan-Ewropew mhux omoġenju. Il-prijoritajiet tal-lum isegwu analiżi politika komprensiva u jpoġġu enfasi ġdida fuq l-iktar elementi trasformattivi tal-Aġenda Diġitali oriġinali tal-2010 għall-Ewropa.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Neelie Kroes, qalet: “L-2013 se tkun l-iktar sena impenjattiva għall-Aġenda Diġitali. Il-prijoritajiet ewlenin tiegħi se jkunu li jiżdied l-investiment fil-broadband u li jkun immassimizzat il-kontribut tas-settur diġitali għall-irkupru tal-Ewropa."

L-implimentazzjoni sħiħa ta’ din l-Aġenda Diġitali aġġornata se żżid il-PDG Ewropew b’5 % jew EUR 1 500 għal kull persuna tul it-tmien snin li ġejjin, billi se żżid l-investiment fl-ICT, se ttejjeb il-livelli tal-ħiliet elettroniċi fost dawk li jaħdmu, se tagħmilha possibbli li jkun hemm l-innovazzjoni fis-settur pubbliku u se tirriforma l-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-ekonomija tal-internet. F’termini tal-impjiegi, hemm ir-riskju li mingħajr azzjoni pan-Ewropea, sal-2015, ma jinstabux impjegati għal miljun impjieg fis-settur diġitali, filwaqt li jistgħu jinħolqu 1.2 miljun impjieg permezz tal-bini tal-infrastruttura. Fit-tul, dan l-għadd se jiżdied għal 3.8 miljun impjieg ġdid fl-ekonomija kollha.

Il-prijoritajiet il-ġodda huma:

1. Il-ħolqien ta’ ambjent regolatorju tal-broadband ġdid u stabbli

Huwa meħtieġ iktar investiment mis-settur privat f’netwerks tal-broadband fissi u mobbli b’veloċità għolja. Għaldaqstant, l-ogħla prijorità tal-Kummissjoni fis-settur diġitali għall-2013 hija l-iffinalizzar ta’ ambjent regolatorju tal-broadband ġdid u stabbli. Pakkett ta’ għaxar azzjonijiet fl-2013 se jinkludi Rakkomandazzjonijiet dwar aċċess iktar b’saħħtu u mhux diskriminatorju għan-netwerk u metodoloġija ġdida għall-kalkolu tal-ispejjeż għall-aċċess għan-netwerks tal-broadband għall-operaturi, in-newtralità tal-internet, is-servizz universali u mekkaniżmi għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-inġinerija ċivili għall-introduzzjoni tal-broadband. Dan se jibni fuq Linji gwida ġodda għall-Għajnuna mill-Istat għall-Broadband u fuq it-teħid b’self propost għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

2. Infrastrutturi ġodda għas-servizzi pubbliċi diġitali permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

Bl-appoġġ tal-Kunsill, il-Kummissjoni se tħaffef il-proċess tal-introduzzjoni tas-servizzi diġitali (speċjalment l-interoperabbiltà transkonfinali tagħhom) fil-karti tal-identità elettroniċi u l-firem elettroniċi, il-mobbiltà tan-negozju, il-Ġustizzja elettronika, ir-rekords tas-saħħa elettroniċi u pjattaformi kulturali bħal dik imsejħa Europeana. L-użu tal-akkwist pubbliku elettroniku biss ukoll jista’ jiffranka EUR 100 biljun fis-sena u l-amministrazzjoni pubblika elettronika tista’ tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi bi 15 % sa 20 %.

3. Il-varar ta’ koalizzjoni kbira dwar il-ħiliet u l-impjiegi fil-qasam diġitali

Jeħtieġ li jkun hemm koalizzjoni li tieħu passi prattiċi biex tevita li jintilfu miljun impjieg fl-ICT sal-2015 minħabba nuqqas ta’ persunal imħarreġ. It-tali eżitu jista’ jiġi evitat u mhux se jkun aċċettabbli fi żmien ta’ qagħad ġenerali għoli. Il-Kummissjoni se tikkoordina l-azzjonijiet tas-settur pubbliku u ta’ dak privat biex jiżdiedu l-esperjenzi prattiċi ta’ taħriġ fl-IT, jinħolqu iktar rabtiet diretti bejn l-edukazzjoni u n-negozju, jinftiehmu profili standard tal-impjiegi u tiġi promossa ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet sabiex tiġi appoġġata l-mobbiltà fix-xogħol. Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll pjan ta’ azzjoni biex ikunu appoġġati l-imprendituri fil-qasam tal-internet u biex fl-Ewropa “jkun iktar faċli li wieħed jibda negozju”.

4. Li jiġu proposti strateġija u Direttiva tal-UE għaċ-ċibersigurtà

Is-sigurtà u l-libertà onlajn jimxu id f’id. L-UE għandha toffri l-iktar ambjenti sikuri onlajn fid-dinja, filwaqt li tivvaluta l-libertà u l-privatezza tal-utenti. Il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija u proposta għal Direttiva biex tistabbilixxi livell minimu komuni ta’ tħejjija fil-livell nazzjonali, inkluża pjattaforma onlajn biex jiġu evitati u ffaċċjati l-inċidenti ċibernetiċi transkonfinali, u r-rekwiżiti għar-rappurtar tal-inċidenti. Dan se jistimula suq Ewropew ikbar għall-prodotti tas-sigurtà u tal-privatezza fid-disinn.

5. L-aġġornament tal-qafas tal-UE għad-drittijiet tal-awtur

L-immodernizzar tad-drittijiet tal-awtur huwa ċ-ċavetta sabiex jinkiseb dan is-Suq Uniku Diġitali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tfittex soluzzjoni għall-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, fejn jeħtieġ li jsir progress mgħaġġel, permezz ta’ djalogu strutturat mal-partijiet interessati fl-2013. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tlesti l-isforz kontinwu tagħha biex tirrevedi u timmodernizza l-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur bil-għan li fl-2014 tittieħed deċiżjoni dwar jekk, konsegwentement, għandhiex tippreżenta proposti għal riforma leġiżlattiva jew le (ara d-dokument bir-referenza MEMO/12/950).

6. It-tħaffif tal-cloud computing permezz tas-setgħa tax-xiri tas-settur pubbliku

Il-Kummissjoni se tvara azzjonijiet pilota fil-kuntest tas-Sħubija Ewropea dwar il-Cloud Computing (ara d-dokument bir-referenza IP/12/1225), li jużaw is-setgħa tax-xiri tas-settur pubbliku biex jgħinu biex jinħoloq l-ikbar suq dinji fl-ICT li jaħdem bil-cloud computing, u b’hekk iżarmaw il-“fortizzi” nazzjonali kurrenti u l-perċezzjonijiet negattivi tal-konsumaturi.

7. Il-varar ta’ strateġija industrijali ġdida għall-elettronika

Il-Kummissjoni se tipproponi strateġija industrijali għall-mikroelettronika u n-nanoelettronika, biex iżżid l-attrazzjoni tal-Ewropa għall-investiment fid-disinn u l-produzzjoni kif ukoll biex tkabbar is-sehem tagħha tas-suq dinji.

Sfond

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa ġiet adottat fl-2010 bħala parti integrali mill-istrateġija Ewropa 2020, biex tistimula l-ekonomija diġitali u tindirizza l-isfidi għas-soċjetà permezz tal-ICT. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew talbu li jkun hemm tisħiħ ulterjuri tat-tmexxija diġitali Ewropea u t-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali sal-2015 (ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012 u l-Konklużjonijiet tiegħu tal-1 u t-2 ta' Marzu 2012).

L-Aġenda Diġitali laħqet bosta mill-miri tagħha u qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq ħafna oħrajn. L-użu regolari tal-internet qed jiżdied b’mod konsistenti, speċjalment fost il-gruppi żvantaġġati. L-għadd ta’ ċittadini li qatt ma użaw l-internet qed jonqos. Bl-istess mod, ix-xiri onlajn qed ikompli jiżdied, għalkemm it-tkabbir fil-kummerċ elettroniku transkonfinali qed iseħħ b’ritmu li huwa bil-mod wisq. Il-broadband b’veloċità qawwija qed juri l-ewwel sinjali li qed jaqbad sew, inklużi l-konnessjonijiet ultraveloċi ta’ iktar minn 100 Mbps. Madankollu, għad fadal differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri differenti - differenzi li jirrikjedu azzjoni politika Ewropea attiva biex jiġu mminimizzati u eliminati.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/digital-agenda/news-redirect/9309

Mistoqsijiet frekwenti – (MEMO/12/1000)

Is-sit elettroniku ta’ Neelie Kroes :

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Il-politika spjegata

Persuni ta’ kuntatt:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website