Navigation path

Left navigation

Additional tools

Id-drittijiet tal-passiġġieri: L-Ewropej protetti aħjar meta jkunu qed jivvjaġġaw permezz tat-trasport fuq l-ilma

European Commission - IP/12/1387   18/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Diċembru 2012

Id-drittijiet tal-passiġġieri: L-Ewropej protetti aħjar meta jkunu qed jivvjaġġaw permezz tat-trasport fuq l-ilma

Sal-aħħar tas-sena regoli ġodda tal-UE sabiex il-passiġġieri li jkunu qed jivvjaġġaw bil-baħar u passaġġi fuq l-ilma interni jiġu ttrattati aħjar se jkunu protetti minn sett ta’ drittijiet minimi fl-Unjoni Ewropea kollha. Mill-31 ta’ Diċembru, il-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar se jkollhom id-dritt jitolbu kumpens għal telf jew ħsara f'każ ta' inċidenti.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Siim Kallas, li huwa responsabbli għat-trasport, qal: "Qed inżommu l-wegħda tagħna. Wasalna biex inlestu l-ħidma li bdejna xi ftit tas-snin ilu: politika koerenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fl-Ewropa għall-modi kollha tat-trasport. Minn issa 'l quddiem, il-200 miljun ruħ li jivvjaġġaw bil-vapur kull sena ser ikollhom protezzjoni bis-saħħa ta’ dan is-sett ġdid ta' regoli".

Mil-lum, il-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar u fuq passaġġi fuq l-ilma interni fl-UE, u b'mod partikolari l-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, se jgawdu minn drittijiet simili għal dawk ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru jew bil-ferrovija. Dawn id-drittijiet ġodda jinkludu:

  1. informazzjoni xierqa u aċċessibbli għall-passiġġieri kollha qabel u matul il-vjaġġ tagħhom, kif ukoll informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet tagħhom f’terminals u abbord vapuri;

  2. assistenza xierqa bħal ikliet ħfief, ikliet, xorb u meta neċessarju, akkomodazzjoni sa tliet iljieli, b'kopertura finanzjarja sa € 80 kull lejl f'każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq ta' aktar minn 90 minuta;

  3. għażla garantita bejn rimborż jew bidla fir-rotta f'każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq ta' aktar minn 90 minuta;

  4. kumpens ta' bejn 25% u 50% tal-prezz tal-biljett, f'sitwazzjonijiet ta' dewmien mal-wasla;

  5. trattament mhux diskriminatorju u assistenza speċifika mingħajr ħlas għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, kemm fit-terminals tal-portijiet kif ukoll abbord vapuri, kif ukoll kumpens finanzjarju għal telf jew ħsara fit-tagħmir tal-mobbiltà tagħhom;

  6. it-trasportaturi u l-operaturi tat-terminals għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiġu ttrattati l-ilmenti tal-passiġġieri;

  7. ħatra ta' korpi nazzjonali indipendenti responsabbli għall-infurzar tar-Regolament, fejn xieraq, permezz tal-applikazzjoni ta' penali.

Barra minn hekk, sa mill-31 ta’ Diċembru 2012, passiġġieri involuti f’inċident waqt li jkunu qed jivvjaġġaw bil-baħar ser ikollhom dawn id-drittijiet skont il-liġi tal-UE:

  1. kumpens finanzjarju f'każ ta' mewt, korriment personali, u telf jew ħsara fil-bagalji, fil-vetturi u fit-tagħmir speċjali tal-mobbiltà jew tagħmir ieħor;

  2. ħlas bil-quddiem (fi żmien 15-il jum) biex jiġu koperti l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati f'każ ta' mewt jew korriment personali;

  3. rikors dirett kontra fornitur tal-assigurazzjoni tat-trasportatur f'każ ta' mewt jew korriment personali;

  4. id-dritt li jingħataw informazzjoni xierqa u li tinftiehem fir-rigward tad-drittijiet ta’ hawn fuq qabel it-tluq jew – l-aktar tard – mat-tluq tagħhom.

Il-kuntest

Qabel ma l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tippreżenta l-proposta tagħha dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-vapuri erba' snin ilu, la kien hemm ftehim internazzjonali u lanqas leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi drittijiet ġenerali għal dan it-tip ta' trasport. L-UE ħolqot aspettativi għall-konsumaturi Ewropej meta pproteġiet lill-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru u bil-ferrovija, u bil-mira tagħha li testendi l-miżuri tal-protezzjoni tal-passiġġieri għall-modi kollha tat-trasport. Issa, il-leġiżlazzjoni Ewropea tiżgura li l-passiġġieri jkollhom drittijiet simili fl-Ewropa kollha, irrespettivament minn jekk jivvjaġġawx fuq l-ilma, bl-ajru jew bil-ferrovija. Dalwaqt se jidħol ukoll fis-seħħ sett ġdid ta' regoli għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-karozzi tal-linja.

Il-passi li jmiss

  1. L-informazzjoni kollha dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tista' titniżżel fuq l-ismartphones b'applikazzjoni mingħajr ħlas. Taħdem fuq il-pjattaformi kollha. Id-drittijiet tal-passiġġieri marittimi se jkunu disponibbli minn Jannar 2013, l-ewwel bl-Ingliż u sussegwentement bil-lingwi l-oħra kollha.

  2. Il-Kummissjoni Ewropea se torganizza l-ewwel laqgħa mal-awtoritajiet nazzjonali maħtura mill-Istati Membri tal-UE fl-2013 biex tikkoordina l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri marittimi.

  3. Is-Suq uniku għad-drittijiet tal-passiġġieri fl-Ewropa se jitlesta fit-3 ta' Marzu 2013 permezz ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw b'tal-linja u bil-kowċ.

Għal aktar informazzjoni

  1. Ħolqa għal-leġiżlazzjoni attwali:

  • Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004.

  • Ir-Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi ta' passiġġieri bil-baħar fil-każ ta' aċċidenti.

Żur il-websajt tal-Kummissjoni Id-drittijiet tiegħek bħala passiġġier disponibbli għalik.

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website