Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: EUR 40 miljun għall-innovazzjonijiet fis-settur tal-ilma

Commission Européenne - IP/12/1386   18/12/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Diċembru 2012

L-ambjent: EUR 40 miljun għall-innovazzjonijiet fis-settur tal-ilma

Illum ittieħed pass importanti fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għall-isfidi ewlenin li qed taffaċċja l-Ewropa rigward il-ġestjoni tal-ilma. Il-Pjan Strateġiku ta’ Implimentazzjoni (SIP) adottat mis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) dwar l-Ilma u mmexxi mill-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik jistipula l-oqsma ta’ prijorità li jeħtieġu soluzzjonijiet. Il-Gruppi ta’ Azzjoni issa se jfasslu għodod jew mekkaniżmi biex jippromwovu l-innovazzjonijiet fil-politiki u t-teknoloġiji tal-ilma. Fl-2013, se jkun disponibbli finanzjament ta' EUR 40 miljun għar-riċerka biex isostni l-proġetti li jikkontribwixxu għall-miri tal-EIP dwar l-Ilma.

Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, qal “Jeħtieġ li nkunu innovattivi biex insolvu l-isfidi tagħna rigward l-ilma, u biex ngħinu fil-kisba tal-għanijiet tal-Pjan għall-Ħarsien tar-Riżori tal-Ilma tal-Ewropa li adottajna reċentement. L-Isħubija għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma tiġbor flimkien l-atturi privati u pubbliċi li jistgħu jgħaddu l-ideat lis-suq. L-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku ta' Implimentazzjoni ma tassigurax biss id-disponibbiltà ta' biżżejjed ilma ta' kwalità biex tilħaq il-ħtiġijiet tan-nies, l-ekonomija u l-ambjent, iżda ssaħħaħ ukoll l-industrija Ewropea tal-ilma fis-swieq globali, li hija mistennija tirdoppja sal-2030."

Is-sħubija tlaqqa’ flimkien atturi minn setturi differenti li jinkludu l-industrija tal-ilma, l-SMEs, il-komunità tar-riċerka, il-gvernijiet lokali, l-utenti ewlenin tal-ilma u s-settur finanzjarju, biex tħaffef l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi għal sfidi relatati mal-ilma fl-Ewropa u lil hinn minnha.

L-Isħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma twaqqfet biex sal-2020 “Tidentifika, tittestja, tkabbar, ixxerred u tuża soluzzjonijiet innovattivi għal 10 sfidi ewlenin relatati mal-ilma”. Intgħażlu ħames oqsma ta’ prijorità:

  • Użu mill-ġdid u riċiklaġġ tal-ilma

  • Trattament tal-ilma u tad-drenaġġ

  • Ilma u enerġija

  • Ġestjoni tar-riskju ta' avvenimenti estremi relatati mal-ilma

  • Is-servizzi tal-ekosistemi

Dawn il-prijoritajiet jisħqu fuq l-isfidi u l-opportunitajiet fis-settur tal-ilma, u fuq azzjonijiet innovattivi li se jipproduċu l-akbar impatt. Il-governanza tal-ilma, il-mudelli ta’ ġestjoni u ta' monitoraġġ, u l-iffinanzjar għall-innovazzjoni, ġew identifikati bħala prijoritajiet trażversali li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-qafas, jippromwovu l-konnessjonijiet bejn l-oqsma ta’ prijorità differenti tax-xogħol, u jaġixxu ta’ katalisti għall-azzjonijiet l-oħra kollha. It-teknoloġiji intelliġenti huma fattur ieħor ta’ żvilupp fost il-prijoritajiet l-oħra kollha.

L-EUR 40 miljun mis-7 Programm Kwadru għar-Riċerka huma għal proġetti li jikkontribwixxu għall-miri tal-EIP tal-Ilma. Bħalissa hija miftuħa sejħa għall-proposti, u tagħlaq fl-4 ta' April 2013 (http://cordis.europa.eu/fetch?CALLER=FP7_NEWS&ACTION=D&RCN=34831). Se jiġi organizzat jum ta’ tagħrif fi Brussell fil-15 ta’ Jannar 2013 mid-DĠ Riċerka u Innovazzjoni.

Sejħa għal espressjoni ta’ impenn għall-Gruppi ta’ Azzjoni tal-EIP fis-settur tal-Ilma hija miftuħa wkoll għall–partijiet interessati: http://ec.europa.eu/environment/water/innovationpartnership/index_en.htm

Il-passi li jmiss

Il-Grupp ta’ Ħidma għall-EIP fis-settur tal-Ilma se jistipula miri u avvanzi konkreti għall-attivitajiet ippreżentati fis-SIP, fil-bidu tal-2013. Is-Sejħa għal espressjoni ta' impenn tal-Gruppi ta’ Azzjoni mistennija tagħlaq f’April 2013.

Sfond

Is-suq dinji tal-ilma qed jikber b’rata mgħaġġla, u sal-2020 huwa mistenni li jilħaq it-USD 1 triljun. Is-setturi Ewropej relatati mal-ilma joperaw mad-dinja kollha fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi relatati mal-ilma, iżda bosta drabi ma jirnexxilhomx jilħqu l-potenzjal ekonomiku kollu tagħhom. It-tneħħija tal-ostakli għall-kisbiet tas-suq u l-promozzjoni tal-vantaġġi komparattivi tal-Ewropa fil-katina tal-valur tal-innovazzjoni se tgħin lill-kumpaniji biex iwasslu s-soluzzjonijiet tagħhom lis-suq. Ir-realizzazzjoni tal-potenzjal tal-innovazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilma tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività. Żieda ta’ 1 % fir-rata ta' tkabbir tal-industrija tal-ilma fl-Ewropa tista’ toħloq sa 20,000 impjieg ġdid.

Sħubiji Ewropej għall-Innovazzjoni, proposti permezz tal-inizjattiva ewlenija 'Unjoni tal-Innovazzjoni' tal-Ewropa 2020, jimmiraw li jħaffu l-innovazzjonijiet li jikkontribwixxu biex isolvu l-isfidi tas-soċjetà, isaħħu il-kompetittività tal-Ewropa u jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku. L-EIPs jiġbru l-għarfien espert u r-riżorsi billi jlaqqgħu flimkien il-provvista u d-domanda għall-innovazzjoni, u l-atturi pubbliċi u privati fil-livell nazzjonali u reġjonali tal-UE. L-EIP dwar l-Ilma (ara IP/12/470) tisħaq fuq it-tneħħija tal-ostakli għall-innovazzjoni, it-tagħqid tal-provvista mad-domanda għal innovazzjonijiet relatati mal-ilma, il-ħolqien ta' strateġiji ta' tixrid għal soluzzjonijiet ippruvati u l-appoġġ għall-aċċellerazzjoni fl-innovazzjonijiet tas-suq.

L-EIP dwar l-ilma hija marbuta mal-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa 2020 għal Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi li tisħaq fuq l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli tal-ilma. Se tibni fuq il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni, li jiffoka fuq l-istimolu tal-innovazzjonijiet li jnaqqsu l-pressjoni fuq l-ambjent u d-distakk bejn l-innovazzjoni u s-suq. L-innovazzjoni hija identifikata wkoll bħala għodda ewlenija għall-appoġġ tal-għażliet tal-politika żviluppati mill-Pjan dettaljat biex nipproteġu r-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa – it-tweġiba tal-UE għall-vulnerabbiltà tal-ambjent tal-ilma – adottat mill-Kummissjoni Ewropea f’Novembru 2012.

Għal aktar tagħrif:

Il-konklużjonijiet u l-kompożizzjoni tal-EIP dwar il-Grupp ta’ Tmexxija rigward l-Ilma u aktar tagħrif ta’ sfond dwar l-EIP dwar l-Ilma jistgħu jinkisbu fuq:

http://ec.europa.eu/environment/water/innovationpartnership/index_en.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site