Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Diċembru 2012

Azzjoni favur il-klima: Il-Kummissjoni tagħti EUR 1.2 biljun sabiex tingħata spinta lil 23 proġett innovattiv tal-enerġija rinnovabbli

Il-Kummissjoni Ewropea llum tat aktar minn EUR 1.2 biljun għal 23 proġett ta' wiri innovattiv ħafna fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli bl-ewwel sejħa għall-proposti għall-hekk imsejjaħ programm ta’ finanzjament NER300. Il-proġetti se jiġu kkofinanzjati bi dħul miksub mill-bejgħ ta’ 200 miljun kwota tal-emissjonijiet mir-riżerva tal-parteċipanti li daħlu ġodda fis-suq (new entrants' reserve - NER) tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet.

Il-proġetti jkopru firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji rinnovabbli - il-bijoenerġija (inklużi bijofjuwils avvanzati), l-enerġija solari kkonċentrata, il-qawwa ġeotermali, l-enerġija mir-riħ, mill-oċean u l-ġestjoni tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli (netwerks intelliġenti).

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika, Connie Hedegaard, qalet: "Il-Milied wasal kmieni din is-sena - id-deċiżjoni tal-lum hija ġrajja storika fil-politika tal-UE dwar il-klima. Il-Programm NER300 huwa fil-fatt mekkaniżmu ala 'Robin Hood' li jġiegħel lil min iniġġes iħallas għal wiri fuq skala kbira ta’ teknoloġiji ġodda b’użu baxx tal-karbonju. EUR 1.2 biljun f’għotjiet – imħallsa minn dawk li jniġġsu - se jservu bħala ingranaġġ għal EUR 2 biljuni oħra ta’ investiment privat fit-23 proġett ta’ wiri magħżul fil-qasam tal-użu baxx tal-karbonju. Dan se jgħin lill-UE żżomm il-pożizzjoni fuq quddiem nett tagħha fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli u se joħloq l-impjiegi b’mod instantanju, fl-UE."

Ladarba jiġu stabbiliti u jiffunzjonaw, dawn il-proġetti kollettivament se jżidu l-produzzjoni annwali tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa b’xi 10 TWh, ammont ta’ enerġija li jikkorrispondi għall-konsum annwali ta’ fjuwil ta’ aktar minn miljun vettura tal-passiġġieri. Aktar importanti minn hekk, l-għan huwa li jintwerew b'suċċess it-teknoloġiji li sussegwentement se jgħinu biex ikomplu jżidu l-produzzjoni minn sorsi rinnovabbli fl-UE b’mod sostanzjali.

Kollettivament, il-proġetti ppremjati b’suċċess se jinvolvu bosta eluf ta’ ħaddiema full-time matul-il-fażi ta’ kostruzzjoni (fit-3-4 snin li ġejjin). La darba jkunu operattivi, madwar elf ħaddiem full-time se jkollu kuntratt għall-15-20 sena li ġejjin sabiex l-istallazzjonjiet jibqgħu għaddejjin bix-xogħol. Huma maħsuba wkoll effetti pożittivi fuq it-tkabbir u l-impjieg tul-il-katina tal-provvista li tissupplixxi s-settur.

Il-finanzjament NER300 se jipprovdi sa 50% tal-"'ispejjeż rilevanti” tal-proġett, terminu li essenzjalment ifisser l-ispejjeż addizzjonali kif imqabbla mat-teknoloġiji eżistenti li ġew ippruvati b’suċċess; Il-bqija se jiġu koperti minn investiment privat u/jew minn finanzjament nazzjonali addizzjonali. Il-finanzjament NER300 se jkun disponibbli fuq bażi annwali, fuq il-bażi tal-prestazzjoni ppruvata (l-ammont tal-enerġija ekoloġika prodotta) u tas-sodisfar tar-rekwiżiti għall-qsim tal-għarfien.

Sfortunatament, l-ebda proġett għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju (carbon capture and storage - CCS) ma seta’ jingħata finanzjament bid-Deċiżjoni tal-lum. Il-EUR 275 miljun previst għall-proġetti tas-CCS tal-ewwel sejħa jibqgħu disponibbli biex jiffinanzjaw proġetti bit-tieni fażi tal-Programm NER300.

Il-Kummissjoni se tipproċedi malajr bl-implimentazzjoni tat-tieni sejħa għall-proposti, li tkopri fondi mhux użati mill-ewwel sejħa kif ukoll id-dħul ta’ 100 miljun kwota li fadal fir-riżerva għall-parteċipanti li daħlu ġodda fis-suq.

Il-programm ta’ finanzjament NER300 huwa implimentat mill-Kummissjoni Ewropea bil-kollaborazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) kemm fis-selezzjoni tal-proġett, fil-bejgħ ta’ 300 miljun kwota tal-karbonju mis-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet, kif ukoll fil-ġestjoni tad-dħul.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/clima/policies/lowcarbon/ner300/index_en.htm

http://ec.europa.eu/clima/funding/ner300/index_en.htm

Ara wkoll MEMO/12/999 (mistoqsijiet u tweġibiet)

Kuntatti :

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website