Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Ir-regoli ġodda għal fjuwils aktar nodfa għat-trasport bil-baħar se jwasslu benefiċċji għal saħħet in-nies

European Commission - IP/12/1375   17/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Diċembru 2012

L-ambjent: Ir-regoli ġodda għal fjuwils aktar nodfa għat-trasport bil-baħar se jwasslu benefiċċji għal saħħet in-nies

Illum jidħlu fis-seħħ regoli ambjentali ġodda dwar il-fjuwils għat-trasport bil-baħar li sejrin inaqqsu sostanzjalment it-tniġġis tal-arja u l-impatti tiegħu fuq saħħet il-bniedem. Is-sustanzi li jniġġsu l-arja li jkunu ġejjin mit-trasport marittimu jiġu trasportati fuq distanzi twal u bħala riżultat jikkontribwixxu dejjem aktar għall-problemi fil-kwalità tal-arja f’ħafna bliet Ewropej. Mingħajr ebda azzjoni, l-emissjonijiet tal-kubrit mit-tbaħħir fiż-żoni tal-baħar tal-UE kieku jaqbżu, sal-2010, dawk mis-sorsi fuq l-art. Il-leġiżlazzjoni riveduta se ttemm din ix-xejra billi mhux biss tnaqqas l-emissjonijiet tal-kubrit iżda, aktar importanti minn hekk, il-materjal partikulat. B'dan il-mod, tagħti pass ċar ’il quddiem lill-protezzjoni ta' saħħet in-nies u tal-ambjent.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Siim Kallas qal: "L-Ewropa issa tinsab fit-triq it-tajba biex timplimenta l-impenji meħuda unanimament mill-Istati Membri tagħha fl-IMO fl-2008. Ninsabu konxji wkoll ta' kemm tiswa l-konformità għall-industrija: ħaġa li qed naraw kif inżommuha baxxa kemm jista' jkun permezz tal-qafas tas-"Sett ta' Għodod għal Trasport Sostenibbli fuq l-Ilma" ppreżentat f’Settembru 2011."

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "It-titjib tal-kwalità tal-arja huwa sfida ambjentali li ilha magħna. Ħadna ż-żmien iżda fl-aħħar involvejna s-settur marittimu. L-akbar rebbieħa huma ċ-ċittadini Ewropej li se jkollhom arja aktar nadifa u jgawdu ħajja aktar f’saħħitha. "

Id-Direttiva li dieħla fis-seħħ illum hija ggwidata mill-istandards żviluppati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). Tnaqqas progressivament il-kontenut massimu tal-kubrit tal-fjuwils tal-baħar minn dak attwali ta’ 3.5% għal 0.5% sa Jannar 2020. F'xi ekosistemi fraġli ħafna bħall-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana inkluż il-Fliegu Ingliż, il-kontenut massimu tal-kubrit se jitnaqqas għal 0.1%, diġà fl-2015.

Bħala alternattiva għal karburanti b’livell baxx ta' kubrit, il-vapuri jistgħu jagħżlu metodi ta’ konformità ekwivalenti bħal sistemi ta' tindif tal-gass tal-egżost jew vapuri mħaddma bl-LNG. L-istrumenti attwali tal-UE għall-finanzjament tat-trasport, bħall-Programmi TEN-T u Marco Polo, kif ukoll il-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) jagħtu appoġġ finanzjarju lil proġetti marittimi ekoloġiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet attivitajiet li jinkoraġġixxu l-użu tal-fjuwil LNG bħala karburant għat-trasport bil-baħar. Se tkompli timplimenta wkoll miżuri għall-promozzjoni fuq iż-żmien medju u fit-tul ta' teknoloġija ekoloġika tal-vapuri, karburanti alternattivi u l-iżvilupp ta' infrastruttura ekoloġika tat-trasport fil-kuntest tas-Sett ta' Għodod għal Trasport Sostenibbli fuq l-Ilma, flimkien mal-industrija u l-Istati Membri.

Din id-Direttiva hija l-aħħar element tal-qafas ta' politika tal-UE dwar it-tniġġis tal-arja, li ġie żviluppat matul l-aħħar 30 sena. Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed twettaq analiżi komprensiva tal-qafas ta’ politika bil-għan li taġġornah fl-2013.

Il-passi li jmiss

Sa mhux aktar tard mit-18 ta' Ġunju 2014, l-Istati Membri se jkollhom jemendaw il-leġiżlazzjoni eżistenti tagħhom dwar il-kwalità tal-fjuwils marittimi biex tiġi allinjata mad-Direttiva l-ġdida. Id-Direttiva tipprovdi ċ-ċertezza legali għall-investimenti meħtieġa minn sidien il-bastimenti, l-operaturi tal-portijiet u r-raffineriji.

Mill-2015 'il quddiem, l-Istati Membri huma mitluba jiżguraw li l-vapuri jużaw karburanti b’kontenut ta’ kubrit ta’ mhux aktar minn 0.10% fil-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana inkluż il-Fliegu Ingliż. Metodi ta’ konformità ekwivalenti, bħal sistemi ta' tindif tal-egżost, huma aċċettati.

Mill-2020 'il quddiem, bastimenti li joperaw fiż-żoni l-oħra kollha tal-Baħar Ewropew se jkollhom jużaw karburanti b’kontenut ta’ kubrit taħt 0.50%.

Sfond

Il-vapuri tradizzjonalment jużaw żjut kombustibbli tqal għall-propulsjoni. Iż-żjut kombustibbli tqal jista' jkollhom kontenut ta' kubrit sa massimu ta' 5 %; B'paragun ma' dan, il-kontenut tal-kubrit tal-fjuwils użati fi trakkijiet jew fil-vetturi tal-passiġġieri ma jistax jaqbeż 0.001 %.

L-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit jikkawżaw ix-xita aċiduża u jiġġeneraw trab fin. Dan it-trab huwa perikoluż għal saħħet il-bniedem, u jikkawża mard tan-nifs u tal-qalb u jnaqqas l-istennija tal-għomor fl-UE b'massimu ta' sentejn.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/environment/air/transport/ships.htm

http://ec.europa.eu/environment/air/transport/ships_proposal.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website