Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Diċembru 2012

Il-Kummissjoni se tiffinanzja katedri ewlenin tar-riċerka fir-reġjuni l-inqas żviluppati

Fil-qafas ta’ programm pilota tal-Kummissjoni Ewropea, universitajiet u istituzzjonijiet tar-riċerka fir-reġjuni l-inqas żviluppati tal-Ewropa se jirċievu għotjiet li jammontaw għal massimu ta’ EUR 2.4 miljun. L-għan ta' din l-inizjattiva "Katedri taż-Żona Ewropea tar-Riċerka" (ERA Chairs initiative) huwa li tiġbed l-aqwa akkademiċi lejn inħawi li jixtiequ jsibu posthom fuq il-mappa internazzjonali għar-riċerka tal-ogħla livell.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "Ħafna reġjuni fl-Ewropa mhux qed jiksbu s-suċċess mistenni fir-riċerka, kemm f'dak li jirrigwarda l-produzzjoni, u kemm fejn jidħol sehemhom fir-riċerka b'fondi Ewropej. Nixtieq niżgura li ħadd ma jibqa' lura, mhux għal kwistjoni ta’ karità, iżda għax jagħmel sens għar-riċerka, u anki għall-ekonomija, li jkun hemm parteċipazzjoni wiesgħa fil-programmi tagħna. Huwa għalhekk li qegħdin invaraw l-inizjattiva tal-Katedri taż-Żona Ewropea tar-Riċerka."

L-inizjattiva "Katedri taż-Żona Ewropea tar-Riċerka" se tagħti appoġġ lil universitajiet u lil organizzazzjonijiet eliġibbli oħrajn, sabiex jilħqu l-livell ta’ eċċellenza fir-riċerka li għandhom bżonn biex jikkompetu fuq livell internazzjonali. Dawn l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ikollhom juru li huma kapaċi jipprovdu l-faċilitajiet u l-ambjent meħtieġa għar-riċerka ta’ eċċellenza, skont il-kriterji taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA). Ladarba jkunu ntgħażlu, l-istituzzjonijiet jagħtu Katedri tal-ERA lil akkademiċi brillanti bil-kapaċità li jtellgħu l-istandards u li jiġbdu aktar persunal ta’ livell għoli, kif ukoll fondi minn sorsi oħra, bħall-fondi għar-riċerka tal-UE jew fondi reġjunali.

Johannes Hahn, il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, qal: "Billi naqsmu r-riżorsi tagħna f'dawn ir-reġjuni, nistgħu niżguraw li l-inizjattiva tkun sostenibbli u ta’ ħajja twila. Jekk ngħaqqdu l-fondi tal-UE għar-riċerka ma' dawk reġjunali, nistgħu nipprovdu laboratorji u tagħmir għal dawn l-akkademiċi u t-timijiet tagħhom. B'dan it-tip ta' appoġġ, inkunu nistgħu nċekknu l-lakuna li teżisti fir-riċerka u l-innovazzjoni, u ngħinu nsarrfu dawn l-ideat f'opportunitajiet konkreti għat-tkabbir."

http://ec.europa.eu/avservices/video/player.cfm?ref=I075661&sitelang=en

Bi EUR 12-il miljun mill-baġit tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka (2007-2013), l-istadju pilota tal-Katedri tal-ERA se jkun test tajjeb għall-kunċett. Jekk dan jirnexxi, il-Kummissjoni tipproponi li tiffinanzja għadd ħafna ikbar ta’ Katedri tal-ERA, skont id-daqs tal-baġit għall-programm kwadru li jmiss, Orizzont 2020 (2014-2020).

Sfond

L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li tnaqqas kemm tista' l-qasma li teżisti fl-Ewropa fir-riċerka u l-innovazzjoni, u li twessa' l-parteċipizzazzjoni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Il-programm "Katedri tal-ERA" se jagħti appoġġ lil universitajiet u lil organizzazzjonijiet eliġibbli oħrajn, sabiex jilħqu l-livell ta’ eċċellenza fir-riċerka li għandhom bżonn biex jikkompetu fuq livell internazzjonali b'mod sostenibbli.

L-ewwel stadju tas-sejħa pilota, immexxi mill-Kummissjoni, huwa li jintgħarfu u jintgħażlu l-istituzzjonijiet li fihom għandha tiġi stabbilita Katedra tal-ERA. Dan se jsir permezz ta’ proċess ta’ kompetizzjoni. L-istituzzjonijiet eliġibbli huma kull università jew organizzazzjoni oħra ta' riċerka mingħajr skop ta' profitt (kif iddefinit fir-regoli għall-parteċipazzjoni tal-FP7), li jinsabu f'reġjun mill-inqas żviluppati jew ta' konverġenza (kif iddefinit mir-Regolament Ġenerali tal-Fondi Strutturali għall-perjodu kurrenti ta' programmar, b'karatteristiċi simili għall-pajjiżi assoċjati).

L-istituzzjonijiet interessati jkollhom sat-30 Mejju 2013 biex iressqu l-proposti tagħhom, li mbagħad jiġu evalwati mill-Kummissjoni tul is-sajf tal-2013. L-ewwel ftehimiet ta’ għotja aktarx jiġu ffirmati f'Diċembru 2013.

Fit-tieni stadju, li jibda kmieni fl-2014, l-organizzazzjonijiet ta' riċerka li jkunu għaddew b'suċċess mill-ewwel stadju għandhom jippubblikaw n-notifika ta’ post tax-xogħol ġdid, u jagħżlu l-akkademiku għall-Katedra tal-ERA permezz ta' proċess ta' ingaġġ miftuħ u trasparenti; dan huwa prinċipju ewlieni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka, biex tixpruna l-eċċellenza. Il-kandidati jistgħu jkunu minn kwalunkwe pajjiż fid-dinja.

Il-baġit indikattiv għal din is-sejħa huwa ta’ EUR 12-il miljun. Il-kontribut finanzjarju għal kull proposta se jammonta għal massimu ta’ EUR 2.4 miljun għal perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin. Tingħata mhux aktar minn għotja waħda għal kull pajjiż. Jekk is-sejħa pilota tirnexxi, il-Kummissjoni tipproponi li twessa' l-programm b'mod sinifikanti fil-qafas tal-programm Orizzont 2020. Apparti l-Katedri tal-ERA, il-programm Orizzont 2020 se jappoġġja l-ġemellaġġ ta’ istituzzjonijiet emerġenti u avvanzati biex flimkien joħolqu Ċentri ta’ Eċċellenza, skambji tal-persunal, u konsulenza u assistenza esperta. It-tiġdid tal-infrastruttura u l-faċilitajiet tar-riċerka se jaqa' fil-kompetenza tal-Politika Reġjunali tal-UE.

Għal iktar tagħrif, ara MEMO/12/988.

Għal iktar tagħrif dwar Orizzont 2020:

http://ec.europa.eu/research/horizon2020/

Għal iktar tagħrif dwar Unjoni tal-Innovazzjoni:

http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site