Navigation path

Left navigation

Additional tools

Klassifikazzjoni ġdida b’500 università fil-mira

European Commission - IP/12/1373   17/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-17 ta' Diċembru 2012

Klassifikazzjoni ġdida b’500 università fil-mira

Illum tħabbar li ħames mitt università mill-Ewropa u mid-dinja kollha mistennija jieħdu sehem fi klassifikazzjoni internazzjonali ġdida tal-universitajiet, varata mill-Kummissjoni Ewropea. Il-klassifikazzjoni l-ġdida, U-Multirank, se tvarja minn dawk diġà eżistenti billi tiggrada l-universitajiet skont firxa usa' ta' fatturi ta’ prestazzjoni, u dan bil-għan li tipprovdi gwida aktar realistika u aktar aċċessibbli dwar x’joffru dawn l-universitajiet. Il-klassifikazzjoni l-ġdida, waħda multidimensjonali, se tiggrada l-universitajiet f’ħames oqsma separati: ir-reputazzjoni tagħhom fejn tidħol ir-riċerka, il-kwalità tat-tagħlim, l-orjentazzjoni internazzjonali, is-suċċess fit-trasferiment tal-għarfien (eż. sħubiji ma’ intrapriżi u start-ups), u l-impenn reġjonali. L-universitajiet qed jiġu mistiedna jinkitbu f’din il-klassifikazzjoni ġdida fl-ewwel nofs tal-2013, u l-ewwel riżultati huma mistennija joħorġu għall-bidu tas-sena 2014. Il-klassifikazzjoni U-Multirank se tiġi varata formalment f'konferenza kbira bejn it-30 u l-31 ta' Jannar f'Dublinu, taħt il-Presidenza Irlandiża tal-Unjoni Ewropea.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "Din se tkun klassifikazzjoni moderna u sofistikata,waħda li tolqot id-diversità kollha tal-edukazzjoni għolja. Il-klassifikazzjonijiet internazzjonali eżistenti għadhom bit-tendenza li jagħtu wisq piż lir-reputazzjoni fejn tidħol ir-riċerka. Il-klassifikazzjoni multidimensjonali tagħna se tipprovdi gwida aktar preċiża u komparabbli tal-kwalità fl-universitajiet. Il-klassifikazzjoni U-Multirank se tgħin liż-żgħażagħ jagħmlu l-aħjar għażliet ta' studju u lill-istituzzjonijiet se timmotivahom itejbu l-prestazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet. Se tkun ukoll għodda utli għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, b’mod li tippermettilhom ikunu f'pożizzjoni aħjar biex jiżviluppaw strateġiji effettivi fl-edukazzjoni għolja għall-ġejjieni "

Il-klassifikazzjoni U-Multirank se tkun ibbażata fuq kriterji u dejta oġġettivi. Il-Kummissjoni qed timmira li tiġbed firxa wiesgħa ta’ universitajiet biex jieħdu sehem fl-ewwel fażi. Din tkun miftuħa għal oħrajn li jissieħbu fiha aktar tard. L-inizjattiva U-Multirank se tippermetti wkoll lill-individwi jagħżlu u jiżnu l-prijoritajiet tagħhom biex jiggradaw l-universitajiet skont il-ħtiġijiet tagħhom.

Sabiex tiġi assigurata l-imparzjalità, il-kwalità u l-verifikazzjoni tad-dejta, il-Kummissjoni għażlet konsorzju indipendenti biex iwettaq il-klassifikazzjoni. L-inizjattiva se jmexxuha Iċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Għolja (CHE) fil-Ġermanja u Iċ-Ċentru għall-Istudji fil-Politika dwar l-Edukazzjoni Għolja (CHEPS) fl-Olanda. Dawn se jaħdmu ma’ sħab oħra, inkluż Iċ-Ċentru għax-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Università ta’ Leiden (CWTS), il-pubblikaturi akkademiċi Elsevier, il-Fondazzjoni Bertelsmann u l-kumpanija tas-software Folge 3. Il-konsorzju se jaħdem ukoll ma’ sħab oħra responsabbli mill-klassifikazzjonijiet nazzjonali u ma’ organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati biex tinġabar dejta preċiża.

Sfond

Il-klassifikazzjoni U-Multirank hija l-qofol ta’ inizjattiva li oriġinat f'konferenza organizzata taħt il-Presidenza Franċiża tal-2008 tal-Unjoni Ewropea, li kienet appellat biex ikun hemm klassifikazzjoni tal-universitajiet ġdida bbażata fuq metodoloġija li tirrifletti varjetà ta' dimensjonijiet ta’ eċċellenza f'kuntest internazzjonali.

Wara dan, il-Kummissjoni Ewropea ikkummissjonat studju ta’ fattibilità li twettaq minn konsorzju tal-edukazzjoni għolja u minn organizzazzjonijiet tar-riċerka magħruf bħala CHERPA u li kien ġie ffinalizzat fl-2011. L-istudju, ibbażat fuq xogħol ma’ 150 istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja mill-Ewropa u mid-dinja kollha, ikkonferma li kemm il-kunċett u kemm l-implimentazzjoni ta’ klassifikazzjoni multidimensjonali kienu realistiċi.

L-inizjattiva U-Multirank se tkun żviluppata bejn l-2013 u l-2014 u se tirċievi EUR 2 miljun f'finanzjament mill-UE mill-Programm għat-Tagħlim tul il-Ħajja, bil-possibbiltà ta’ sentejn oħra ta' seed-funding bejn l-2015 u l-2016. It-tir hu li minn hemm, imbagħad, il-ħidma fuq il-klassifikazzjoni tal-universitajiet tibda ssir minn organizzazzjoni indipendenti.

Għal aktar tagħrif

U-Multirank

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u Taħriġ

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq it-Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Kuntatt tal-proġett: Il-Professur Frank Ziegele (+49 5241 97 61 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website