Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2012

Ir-rintraċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu: is-salvagwardji taċ-ċittadini jinsabu fis-seħħ

Aktar minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) u s-salvagwardji tiegħu jinsabu fis-seħħ b’mod tajjeb. Dan huwa r-riżultat tat-tieni reviżjoni tal-implimentazzjoni tat-TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti mwettqa għall-perjodu mill-1 ta’ Frar 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012.

“Jien nilqa' din l-evalwazzjoni, peress li tagħti stampa komprensiva u realistika ta’ kif taħdem din is-sistema għar-rintraċċar tal-finanzi terroristiċi. Dawn il-valutazzjonijiet regolari jiżguraw li s-salvagwardji għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta taċ-ċittadini tal-UE jinsabu fis-seħħ. Dan huwa element importanti ħafna biex tinbena fiduċja f’sistema li tagħtina sigurtà akbar”, qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström.

Illum il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-ħsieb ta’ diskussjoni dwar is-sejbiet ewlenin tiegħu.

Ir-reviżjoni kkonfermat il-valur miżjud ċar tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, li l-UE qed dejjem aktar tibbenefika minnu. Il-programm qed jiġi wkoll protett u ġestit sew skont sett ta’ salvagwardji effikaċi.

Eżempju partikolari fir-reviżjoni huwa l-każ ta’ Breivik fin-Norveġja. Hemmhekk, informazzjoni bbażata fuq it-TFTP kienet ta’ għajnuna għall-investigaturi Norveġiżi u oħrajn Ewropej inkluż l-Europol biex, fi ftit sigħat, identifikaw il-mezzi li bihom Breivik ġabar u mexxa l-fondi użati għat-tħejjija tal-attakk krudili tiegħu. Barra minn hekk, skont id-dejta tat-TFTP miġbura fil-każ ta’ Breivik, l-awtoritajiet Finlandiżi setgħu jarrestaw persuna li kellha l-istess objettivi terroristiċi qabel ma din setgħet tpoġġihom fis-seħħ. Ir-rapport jenfasizza wkoll eżempji oħra ta’ każijiet li fihom it-TFTP ipprovda għajnuna importanti.

Ir-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fl-ewwel rapport tal-2011 fil-biċċa l-kbira kienu segwiti, biex b’hekk tjiebet l-implimentazzjoni tal-ftehim. B’mod partikolari, sar aktar titjib sinifikanti, speċjalment tal-funzjonijiet ta’ verifika u ta’ superviżjoni, inkluż permezz ta’ tisħiħ tat-tim ta’ superviżuri. Sa ċertu punt, dawn il-funzjonijiet imorru lil hinn minn dak li meħtieġ fil-ftehim.

Madankollu, it-tim ta’ reviżjoni tal-UE indika li l-proċess kontinwu ta’ tħassir ta’ dejta li għandha aktar minn 5 snin (l-Artikolu 6) hija kwistjoni li teħtieġ aktar monitoraġġ. Il-Kummissjoni se tindirizza din il-kwistjoni f’rapport ta’ evalwazzjoni konġunt rigward il-valur tad-dejta pprovduta mit-TFTP fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, li hu mistenni fl-2013.

Fi sforz konġunt ma’ rappreżentanti tal-Istati Uniti, it-tieni rapport eżamina perjodu ta’ applikazzjoni ferm itwal (20 xahar) li ppermetta għarfien aktar profond dwar il-funzjonament tat-TFTP. Tliet uffiċjali tal-Kummissjoni u żewġ esperti tal-protezzjoni tad-dejta kienu jifformaw parti mit-tim ta’ reviżjoni tal-UE, kif ukoll espert ġudizzjarju mill-Eurojust.

Sfond

Il-ftehim dwar it-TFTP bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2010.

Dan jikkonċerna t-trasferiment u l-ipproċessar tad-dejta għal skopijiet ta’ identifikazzjoni, rintraċċar u sejbien tat-terroristi u n-netwerks tagħhom. Il-ftehim fih garanziji li jiżguraw il-protezzjoni tad-dejta taċ-ċittadini tal-UE u jipprevedi reviżjoni regolari tad-“dispożizzjonijiet fir-rigward tas-salvagwardji, il-kontrolli u r-reċiproċità”.

Skont l-Artikolu 13, l-ewwel reviżjoni konġunta seħħet fil-bidu tal-2011 (IP/11/324).

Ir-reviżjoni konġunta li jmiss tat-TFTP se ssir fl-2014.

Ħoloq Siewja

Il-websajt ta’ Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website