Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Ewrobarometru: Il-korruzzjoni qiegħda tiżdied?

Brussell, il-15 ta' Frar 2012 - Il-korruzzjoni tibqa' problema kbira fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u huwa maħsub li matul l-aħħar tliet snin il-livelli għolew, skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat illum mill-Kummissjoni. Id-dejta turi li kważi tliet kwarti mill-Ewropej jibqgħu iħarsu lejn il-korruzzjoni bħala problema kbira u jaħsbu li teżisti fil-livelli kollha tal-gvern. 8% ta' dawk li wieġbu jgħidu li fl-aħħar sena huma ġew mitluba jew kienu mistennija li jħallsu għal xi tixħim.

"Huwa ta' diżappunt meta jiġi osservat li r-riżultati prattiki fl-ittrattar tal-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea jibqgħu mhux sodisfaċenti. Kemm-il darba għedna li wasal iż-żmien li naġixxu? L-Ewropej qegħdin jistennew li l-gvernijiet nazzjonali jieħdu passi deċisivi. Huwa ż-żmien li dan jagħmluh," qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni.

Il-korruzzjoni tibqa' waħda mill-ikbar sfidi li qiegħda taffaċċja l-Ewropa. Filwaqt li n-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-korruzzjoni jvarjaw minn Stat Membru tal-UE għall-ieħor, hija nnifisha tagħmel il-ħsara lill-UE kollha kemm hi fit-termini ta' tnaqqis tal-livelli ta' investiment, tat-tfixkil tal-operat ġust tas-Suq Intern u għandha impatt negattiv fuq il-finanzi pubbliċi. Il-kostijiet ekonomiċi mġarrba mill-korruzzjoni fl-UE huma stmati li jammontaw għal madwar EUR 120 biljun fis-sena.

"Il-korruzzjoni hija marda li tkisser pajjiż minn ġewwa, li timmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi, li ddgħajjef ir-responsabbiltà tat-tmexxija politika u li tagħti vantaġġ lil gruppi kriminali organizzati. Il-korruzzjoni tista' tiġi trattata b'suċċess biss permezz tar-rieda u tal-impenn tal-mexxejja u ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fuq il-livelli kollhaI," qalet Cecilia Malmström.

F'Ġunju tas-sena l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett kontra l-korruzzjoni, li jsejjaħ għal iffukar aktar qawwi fuq il-korruzzjoni fil-politiki relevanti kollha tal-UE (ara IP/11/678 u MEMO/11/376). Hija stabbilixxiet ukoll mekkaniżmu speċifiku tal-UE dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, Rapport tal-UE għal Kontra l-Korruzzjoni, li se jagħti deskrizzjoni ċara tas-sitwazzjoni ta' bħalissa tal-isforzi għal kontra l-korruzzjoni fis-27 Stat Membru tal-UE. L-ewwel rapport hu maħsub għall-2013.

Il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi leġiżlazzjoni ulterjuri, b'mod speċjali dwar il-konfiska tal-assi kriminali, ir-riforma tar-regoli ta' akkwist pubbliku, statistiċi aktar avvanzati dwar il-kriminalità u politika msaħħa għal kontra l-frodi fuq il-livell Ewropew.

Sfond

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru sar fis-27 Stat Membru tal-UE f'Settembru 2011. Is-sejbiet ewlenin huma:

  • Il-parti l-kbira tal-Ewropej (74%) jemmnu li l-korruzzjoni hija problema kbira f'pajjiżhom. Kważi nofs l-Ewropej (47%) jaħsbu li fl-aħħar tliet snin il-livell tal-korruzzjoni f'pajjiżhom żdied.

  • Ħafna Ewropej jaħsbu li l-korruzzjoni teżisti fl-istituzzjonijiet lokali (76%), reġjonali (75%) u nazzjonali (79%).

  • L-Ewropej jemmnu li t-tixħim u l-abbuż tal-pożizzjonijiet ta' setgħa jsiru fl-oqsma kollha tas-servizz pubbliku. Il-politiċi nazzjonali (57%), u l-uffiċjali li jagħtu l-offerti pubbliċi (47%) għandhom l-akbar possibbiltà li jitqiesu li qegħdin jieħdu sehem f'tali attivitajiet.

  • 40% tal-Ewropej jemmnu li relazzjoni mill-qrib wisq bejn in-negozju u l-politika tikkontribwixxi għall-korruzzjoni. In-nuqqas ta' azzjoni mill-politiċi (36%) u n-nuqqas ta' trasparenza fil-mezz li bih jintefqu l-flus pubbliċi (33%) huma fatturi kontribwenti. Il-maġġoranza (68%) ma taħsibx li hemm biżżejjed trasparenza u superviżjoni tal-iffinanzjar u tal-partijiet politiċi.

  • Il-maġġoranza tal-Ewropej (70%) jaħsbu li l-korruzzjoni ma tistax tiġi evitata u li dejjem eżistiet. Żewġ terzi mill-Ewropej (67%) jemmnu li l-korruzzjoni hija parti mill-kultura tan-negozju tal-pajjiż.

  • Il-maġġoranza tal-Ewropej (67%) ma jaqblux li huma affettwati personalment mill-korruzzjoni fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Minoranza (29%) jgħidu li huma affetwati personalment. Fl-aħħar sena proporzjon iżgħar (8%) ġiet mitluba jew kienet mistennija li tħallas għal xi tixħim.

  • Affaċċjati b'każ ta' korruzzjoni, l-Ewropej għandhom l-akbar possibbiltà li jafdaw lill-pulizija (42%) u lis-sistema ġudizzjarja (41%) u għandhom l-inqas possibbiltà li jafdaw lir-rappreżentanti politiċi (6%) biex jgħinuhom.

Għal iktar tagħrif

MEMO/12/105

L-Istħarriġ tal-Ewrobarometru:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_374_en.pdf

Il-paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website