Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Strasbourg, it-12 ta' Diċembru 2012

Nagħtu ċans ieħor lin-negozji ġenwini: Il-Kummissjoni tipproponi regoli moderni tal-falliment

In-negozji milquta mill-kriżi ekonomika se jingħataw mezz li jieħdu n-nifs skont proposta maħruġa llum tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu mmodernizzati r-regoli Ewropej dwar il-falliment ta' negozji transkonfinali, dan se jagħti "ċans ieħor" li jibqgħu joperaw negozji li kieku ma ntlaqtux ħażin kienu jkunu vijabbli. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li timmodernizza r-regoli kurrenti dwar il-falliment transkonfinali, li ilhom mis-sena 2000. Bil-benefiċċju ta' 10 snin ta' esperjenza, ir-regoli l-ġodda se jneħħu l-enfasi minn fuq il-likwidazzjoni u jiżviluppaw approċċ ġdid li jgħin lin-negozji jegħlbu d-diffikultajiet finanzjarji filwaqt li jipproteġu d-dritt tal-kredituri li jieħdu flushom lura.

Ir-regoli l-ġodda se jżidu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċedimenti tal-falliment transkonfinali, li jaffettwaw madwar 50,000 kumpaniji madwar l-UE ta' kull sena. Dan huwa pass ewlieni lejn kultura ta' "salvataġġ u rkupru" fl-UE biex ngħinu lill-kumpaniji u lill-individwi li jsibu ruħhom f'diffikultajiet finanzjarji; komunikazzjoni li ġiet adottata fl-istess waqt illum tesplora dan aktar fil-fond u tidentifika dawk l-oqsma tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-falliment li għandhom l-iktar potenzjal biex joħolqu ambjent kummerċjali li joħloq id-diffikultajiet u jostakola l-iżvilupp ta' qafas effiċjenti għall-falliment fis-suq intern.

"In-negozji huma essenzjali biex joħolqu l-prosperità u l-impjiegi, iżda huwa diffiċli biex wieħed jistabbilixxi negozju – u biex iżommu fil-wiċċ, speċjalment fil-klima ekonomika tal-lum," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. "Ir-regoli preżenti dwar il-falliment jeħtieġ li jiġu aġġornati biex ikun iżjed faċli għan-negozji vijabbli li jinsabu f'diffikultajiet finanzjarji li jibqgħu fil-wiċċ u mhux jiġu likwidati. Kull sena jintilfu 1.7 miljun impjieg minħabba l-falliment – Irridu nagħtu ċans ieħor lin-negozji ġenwini u lin-nies li jimpjegaw."

Il-Viċi President Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija żied jgħid: "Ir-riċerka turi li n-negozji li jibdew mill-ġdid ("second starters") jirnexxu iżjed u jibqgħu iżjed fit-tul mill-medja tan-negozji l-ġodda; dawn jikbru iżjed malajr u jimpjegaw aktar ħaddiema. Għaldaqstant, falliment imprenditorjali ma għandux ikun "sentenza tal-mewt" li jipprojbixxi kull attività imprenditorjali fil-ġejjieni, iżda għandu jintgħaraf bħala opportunità biex wieħed jitgħallem u jittejjeb – perspettiva li llum il-ġurnata diġà naċċettawha bħala l-bażi tal-progress fir-riċerka xjentifika."

Il-fallimenti huma fatt tal-ħajja f'ekonomija dinamika u moderna. Madwar nofs l-intrapriżi jdumu inqas minn ħames snin, u madwar 200,000 kumpanija fl-UE jfallu kull sena. Dan ifisser li ta' kuljum fl-Ewropa jfallu madwar 600 kumpanija. Kwart minn dawn il-fallimenti jkollhom element transkonfinali. Iżda l-evidenza tagħtina x'nifhmu li l-intraprendituri li jkunu fallew jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom u ġeneralment jirnexxu aktar mat-tieni opportunità li jkollhom. Sa 18% tal-intraprendituri li fl-aħħar jirnexxu jkunu fallew fl-ewwel tentattiv tagħhom. Għaldaqstant huwa essenzjali li jkun hemm liġijiet moderni u proċeduri effiċjenti fis-seħħ biex jgħinu lin-negozji, li jkollhom biżżejjed sustanza ekonomika, jegħlbu d-diffikultajiet finanzjarji u jingħataw ċans ieħor.

Ir-reviżjoni tar-Regolament tal-UE dwar il-Falliment tfittex li timmodernizza r-regoli eżistenti biex isostnu l-istrutturar mill-ġdid tan-negozji fid-diffikultajiet u joħolqu ambjent favur il-kummerċ, speċjalment fi żminijiet ta' diffikultajiet finanzjarji. Din se taġġorna lir-Regolament, li sar fis-sena 2000 bi żviluppi fil-liġijiet nazzjonali dwar il-falliment, b'mod partikolari rigward kumpaniji li jkollhom ħafna dejn. Ir-ristrutturar jieħu ħsieb l-interessi tal-kredituri wkoll, għax jista' jfisser li jkollhom aktar possibbiltà li jieħdu lura l-flus li forsi kienu jitilfu f'każ ta' likwidazzjoni.

Dan iżid iċ-ċertezza legali wkoll, billi jipprovdi regoli ċari għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, u jiżgura li meta debitur ikollu quddiemu proċedimenti tal-falliment f'għadd ta' Stati Membri, il-qrati li jieħdu ħsieb il-proċedimenti differenti jaħdmu id f'id ma' xulxin. Tittejjeb l-informazzjoni għall-kredituri billi l-Istati Membri jkunu obbligati li jippubblikaw id-deċiżjonijiet ewlenin – pereżempju dwar il-ftuħ ta' proċedimenti tal-falliment. B'mod ġenerali, dawn it-tibdiliet se jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċedimenti tal-falliment transkonfinali.

Din il-proposta hija maħsuba wkoll bħala pass ewlieni lejn kultura aktar ġenerali fl-UE ta' "salvataġġ u rkupru" għall-kumpaniji u l-individwi li jsibu ruħhom f'diffikultajiet finanzjarji. L-isfida hija biex nindirizzaw id-diffikultajiet finanzjarji tad-debitur filwaqt li nipproteġu l-interessi tal-kredituri. Fil-futur jista' jkun li jkun hemm regoli differenti għall-intraprendituri ġenwini u għall-każijiet fejn il-falliment ikun riżultat ta' frodi jew ta' nuqqas ta' responsabbiltà. Fil-każ ta' fallimenti ġenwini, perjodu mqassar ta' likwidazzjoni għall-ħlas tad-dejn u tar-restrizzjonijiet legali li jirriżultaw mill-falliment ikun jiżgura li l-intraprenditorija ma ssirx "sentenza tul il-ħajja" jekk negozju jfalli.

Il-proposta għal regolament issa tingħata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE biex dan jiġi nnegozjat u adottat.

Kuntest

Il-Liġi Ewropea dwar il-Falliment hija stipulata fir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta' falliment (ir-"Regolament dwar Proċedimenti ta' Falliment"), li ilu japplika mill-31 ta' Mejju 2002. Ir-Regolament jinkludi regoli dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u l-liġi applikabbli u tipprevedi l-koordinazzjoni tal-proċedimenti tal-falliment li jinfetħu f'diversi Stati Membri. Ir-Regolament japplika kull meta d-debitur ikollu assi jew kredituri f'iktar minn Stat Membru wieħed.

Fit-30 ta' Marzu 2012, il-Kummissjoni varat konsultazzjoni pubblika biex timmodernizza r-regoli tal-UE li jirregolaw konsultazzjoni pubblika biex timmodernizza r-regoli tal-UE li jirregolaw il-fallimenti. Negozji żgħar u kbar, individwi li jaħdmu għal rashom, dawk li jaħdmu fil-qasam tal-falliment, l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-awtoritajiet pubbliċi, kredituri, akkademiċi u l-pubbliku ġenerali ġew mistiedna biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom tal-falliment u b'mod partikolari il-falliment transkonfinali.

Għal aktar tagħrif

MEMO/12/969

Il-Kummissjoni Ewropea – Proċedimenti ta' falliment:

http://ec.europa.eu/justice/civil/commercial/insolvency/index_en.htm

Il-websajt tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE, Viviane Reding.

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site