Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-sħubijiet tal-iskejjel itejbu l-ħiliet tal-istudenti u tal-għalliema

European Commission - IP/12/1352   11/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-11 ta' Diċembru 2012

Is-sħubijiet tal-iskejjel itejbu l-ħiliet tal-istudenti u tal-għalliema

Studju ġdid dwar l-impatt tas-sħubijiet bejn l-iskejjel f'pajjiżi differenti sab li l-istudenti – l-aktar dawk tas-sekondarja – tejbu l-ħiliet tagħhom b'mod sinifikanti, inklużi l-ħiliet kulturali u soċjali, fl-IT u fl-ilsna barranin. L-impatt tas-sħubijiet kien l-aktar b'saħħtu fuq l-istudenti li żaru l-iskejjel sħab. Sebgħa minn għaxar skejjel qalu li s-sħubijiet ħallew impatt qawwi għal qawwi ħafna fuq l-għarfien u l-espressjoni kulturali tal-istudenti kif ukoll fuq il-kompetenzi soċjali u ċiviċi tagħhom. Wara dawn jiġu l-ħiliet fil-kompjuter (54%) u tal-komunikazzjoni f'ilsna barranin (52%). Is-sħubijiet kienu ffinanzjati mill-programm ta' skambju Comenius, l-ekwivalenti ta' Erasmus għall-iskejjel.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ qalet: "Is-sħubijiet tal-iskejjel jagħtu opportunità liż-żgħażagħ biex jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi bażiċi tal-ħajja li huma meħtieġa għall-iżvilupp personali, impjieg fil-futur u ċittadinanza attiva. Il-programm Comenius jgħin ukoll lill-istudenti u lill-persunal biex isiru jafu kulturi u ilsna Ewropej differenti. Dawn is-sħubijiet se jibqgħu jirċievu appoġġ bil-programm il-ġdid Erasmus Għal Kulħadd fl-2014-2020."

L-istudju sab ukoll li bl-iskema jibbenefikaw l-għalliema u l-iskejjel fil-komunità lokali tagħhom. L-għalliema qalu li sħubija ma' skola barranija tejbet l-għarfien tagħhom dwar sistemi edukattivi oħrajn u saħħet il-ħiliet soċjali tagħhom u għenithom fil-ħiliet lingwistiċi.

Żewġ terzi tal-iskejjel iddikjaraw li s-sħubija tejbet l-immaġni tagħhom u 80% qalu li din saħħet id-dimensjoni Ewropea tagħhom. Din il-ħidma ma' skejjel barranin għenet ukoll biex jinħolqu rabtiet eqreb kemm fl-iskola stess kif ukoll mal-awtoritajiet lokali.

Is-sħubijiet Comenius, meta mqabbla, iħallu impatt akbar fuq l-għalliema u fuq l-iskejjel u fuq l-ambjenti tagħhom fl-iskejjel tal-primarja u ta' qabel il-primarja minħabba li f'dan il-livell huwa eħfef li tiġi mmobilizzata u involuta skola sħiħa u li jiddaħħlu ideat u attivatjiet ġodda fil-kurrikuli. B'kuntrast ma' dan, l-impatt fuq il-ħiliet tal-istudenti huwa aktar b'saħħtu fis-sekondarja.

Għal ħafna skejjel f'żoni remoti tal-Unjoni Ewropea, is-sħubijiet iffinanzjati minn Fondi tal-UE huma l-unika opportunità għall-istudenti u l-għalliema tagħhom biex jieħdu sehem fi proġett barra mill-pajjiż. Fost l-istudenti li jkopri l-istudju, 85% qalu li beħsiebhom japplikaw għal finanzjament għal sħubijiet futuri.

L-istudju stħarreġ 50 skola fi 15-il pajjiż Ewropew (il-Belġju, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja, it-Turkija u r-Renju Unit) li ħadu għotjiet mill-Programm Comenius biex iwaqqfu sħubijiet mill-ħarifa tal-2009 sal-2011. B'monitoraġġ tal-iskejjel għal sentejn u aktar, l-istudju eżamina fil-fond kif is-sħubijiet affettwaw lill-istudenti, lill-għalliema u lill-iskola.

Kuntest

L-istudju jibni fuq ir-riżultati ta' stħarriġ preċendenti li sar fuq skala kbira fost skejjel sħab, li ħareġ fl-2007 (ara l-istudju kollu tal-2007; sommarju eżekuttiv).

Mill-1995, l-UE tat għotjiet lill-iskejjel għal proġetti konġunti. Is-sħubijiet tal-iskejjel permezz ta' Comenius huma ffinanzjati bil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja li huwa miftuħ għal 33 pajjiż (l-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija).

Is-sħubijiet iqarrbu mill-inqas żewġ skejjel minn pajjiżi Ewropej differenti, u bejniethom joħolqu proġett konġunt ta' sentejn biex tittejjeb il-kwalità tat-tagħlim u biex jaħdmu flimkien fuq ideat innovattivi jew skambji. Il-proġetti jiffokaw fuq oqsma li jinteressaw lill-istudenti, fuq kwistjonijiet edukattivi attwali fil-pajjiżi kkonċernati, jew fuq prijoritajiet definiti mill-iskejjel stess.

Mill-2007 l-UE appoġġat aktar minn 7,000 proġett Comenius, li bħala medja kull wieħed jinvolvi ħames skejjel. Kull sena dawn is-sħubijiet jirċievu madwar EUR 120 miljun, li jippermettu aktar minn 130,000 student u l-għalliema tagħhom biex iżuru l-iskejjel sħab tagħhom, u madwar 650,000 student biex jieħdu sehem f'attivitajiet lokali. Barra minn hekk, l-UE toffri għotjiet lill-għalliema u lill-għalliema studenti biex jieħdu taħriġ jew jiksbu esperjenza ta' xogħol barra mill-pajjiż.

Mill-2014, l-UE se tappoġġa lill-iskejjel biex ikunu parti mill-Erasmus għal Kulħadd, il-programm il-ġdid propost għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Il-programm il-ġdid jimmira li jirdoppja n-numru ta' studenti, għalliema, apprentisti, ħaddiema żgħażagħ u oħrajn li jirċievu għotjiet għal opportunitajiet li jwessgħu l-ħiliet ta' studju, taħriġ u volontarjat barra mill-pajjiż, lil 5 miljun persuna fl-2014-2020. Aktar minn żewġ terzi tal-baġit propost ta' EUR 19-il biljun għall-programm se jappoġġa skambji individwali barra mill-pajjiż, u l-bqija tal-baġit se jkun allokat għal proġetti ffukati fuq il-koperazzjoni għall-innovazzjoni, ir-riforma politika u l-iskambji ta' prattika tajba.

Għal aktar tagħrif

L-istudju kollu u sommarju eżekuttiv

Il-metodoloġija u l-istudji tal-każ

Il-Programm Comenius

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Anness

Figura 1: Impatt fuq l-istudenti

Figura 2: Impatt fuq l-għalliema

Figura 3: Impatt fuq l-iskejjel u l-ambjent tagħhom


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website