Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Doha, it-8 ta’ Diċembru 2012

Il-Konferenza ta’ Doha dwar il-Klima tagħmel pass modest lejn ftehim dwar il-klima dinjija fl-2015

L-Unjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon l-eżitu tal-lum tal-Konferenza ta’ Doha dwar il-Klima li tistabbilixxi l-bażi għal azzjoni internazzjonali iktar ambizzjuża kontra t-tibdil fil-klima f’terminu qasir, twitti t-triq għal ftehim globali ġdid dwar il-klima li għandu jkun iffinalizzat fl-2015 u tippermetti li fl-1 ta’ Jannar 2013, jibda t-tieni perjodu tal-Protokoll ta’ Kjoto.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima, qalet: “F’Doha, għaddejna mir-reġim klimatiku l-antik għas-sistema l-ġdida. Issa ninsabu fi triqitna lejn il-ftehim dinji tal-2015. Ma kienx perkors faċli u komdu. Ma kienx perkors mgħaġġel lanqas. Iżda rnexxilna nagħmlu l-pass deċiżiv. Quddiemna għandna negozjati intensi ħafna. Issa neħtieġu iktar ambizzjoni u iktar ħeffa.”

Sofoclis Aletraris, il-Ministru Ċiprijott għall-Agrikoltura, ir-Riżorsi Naturali u l-Ambjent, li pajjiżu bħalissa għandu l-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, żied jgħid: “Dan il-pakkett ta’ deċiżjonijiet jipprovdi bażi solida sabiex jiżdied il-livell ta' ambizzjoni tal-azzjoni globali dwar l-emissjonijiet sal-2015. L-UE se taħdem mal-imsieħba tagħna sabiex tieħu l-ikbar benefiċċju minn din l-opportunità. Ġejna Doha ħerqana li nisimgħu proposti konkreti mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jindirizzaw it-telf jew il-ħsara assoċjati mal-impatti tat-tibdil fil-klima u nilqgħu b’sodisfazzjon il-ftehim sabiex jiġu stabbiliti arranġamenti istituzzjonali dwar din il-kwistjoni s-sena li ġejja.”

Il-Pjattaforma ta’ Durban għal Azzjoni Msaħħa

Kif mitlub mill-UE, il-konferenza qablet fuq pjan ta’ ħidma għall-2013 u lil hinn skont il-Pjattaforma ta’ Durban. Il-Pjattaforma għandha mandat doppju: li tfassal ftehim ġdid mal-pajjiżi kollha dwar il-klima dinjija, li għandu jkun adottat fl-2015, u li tidentifika modi kif jista' jinkiseb tnaqqis iktar ambizzjuż ta’ emissjonijiet globali mill-2020 sabiex jingħalaq id-distakk bejn il-wegħdiet attwali fir-rigward tal-emissjonijiet u dak li hu meħtieġ sabiex it-tisħin globali jiġi kkontrollat taħt iż-2°C. Il-pjan ta’ ħidma miftiehem f’Doha jistabbilixxi skeda ta’ eventi u jissuġġerixxi temi li għandhom ikunu indirizzati taħt iż-żewġ mandati. L-intenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon biex fl-2014 ilaqqa’ samit tal-mexxejja dinjija dwar it-tibdil fil-klima, se jagħti momentum politiku addizzjonali lil dan ix-xogħol.

Nirrazzjonalizzaw in-negozjati

Il-proċess tan-negozjati dwar il-klima internazzjonali kien irrazzjonalizzat permezz tal-għeluq b’suċċess tal-gruppi ta’ ħidma paralleli dwar il-Protokoll ta’ Kyoto u dwar azzjoni ta’ kooperazzjoni fit-tul skont il-konvenzjoni tan-NU dwar il-klima. Għaldaqstant, il-Pjattaforma ta’ Durban se tkun l-uniku forum ta’ negozjati għall-ftehim tal-2015.

Finanzjament tal-Klima

L-UE hija l-akbar fornitur dinji ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u ta' finanzjament klimatiku għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. F’Doha, l-UE uriet li qed iżżomm mal-pjan tagħha li tipprovdi is-EUR 7.2 biljuni kollha li kienet wegħdet bħala finanzjament “rapidu” għall-perjodu 2010-2012 u assigurat lill-pajjiżi msieħba tagħha li qed jiżviluppaw li finanzjament klimatiku se jkompli wara din is-sena. Diversi Stati Membri tal-UE u pajjiżi żviluppati oħra ħabbru wegħdiet speċifiċi ta’ finanzjament għall-2013 u f’xi każijiet sal-2015. Pakkett ta’ deċiżjonijiet dwar il-finanzjament jinkoraġġixxi pajjiżi żviluppati biex iżommu l-finanzjament klimatiku fl-2013-2015 sa tal-anqas il-livell medju tal-finanzjament rapidu tagħhom. Id-deċiżjonijiet jestendu wkoll programm ta’ ħidma dwar finanzjament fit-tul għal sena, bl-għan li jgħinu lill-pajjiżi żviluppati jidentifikaw perkorsi biex iżidu l-finanzjament tagħhom għal US$ 100 biljun fis-sena sal-2020 minn sorsi pubbliċi, privati u alternattivi fil-kuntest ta’ azzjonijiet ta’ mitigazzjoni rilevanti u implimentazzjoni trasparenti mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Telf u dannu assoċjati mat-tibdil fil-klima

Doha indirizzat tħassib ewlieni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi ntlaħaq ftehim li jistabbilixxi arranġamenti istituzzjonali, bħal pereżempju mekkaniżmu internazzjonali, sabiex jiġi indirizzat it-telf jew id-dannu assoċjat mal-impatti tat-tibdil fil-klima b’mod partikolari pajjiżi li qed jiżviluppaw vulnerabbli. L-arranġamenti se jkunu stabbiliti waqt il-konferenza tan-NU dwar il-klima li għandha tiltaqa’ fl-aħħar tas-sena d-dieħla f’Varsavja.

Il-Protokoll ta’ Kjoto

L-eżitu bbilanċjat ta’ Doha ppermetta lill-UE biex tikkonferma l-impenn tagħha li tipparteċipa fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto li jibda fl-1 ta’ Jannar 2013. Il-konferenza adottat emenda ratifikabbli li tistabbilixxi r-regoli li jikkontrollaw it-tieni perjodu. Il-perjodu se jdum tmien snin, u għaldaqstant se jiżgura li ma jkun hemm ebda diskrepanza bejn it-tmiem tagħha u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim globali ġdid fl-2020. L-UE se tapplika l-emenda mill-1 ta’ Jannar 2013 minkejja li r-ratifikazzjoni formali mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri probabbilment iddum iktar minn sena.

  • Għat-tieni perjodu l-UE impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet f’konformità mal-mira domestika tagħha li sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet b’20 % tal-livelli tal-1990 iżda ħalliet il-bieb miftuħ biex iżżid dan it-tnaqqis għal 30 % jekk il-kundizzjonijiet ikunu tajbin. L-impenn ta’ tnaqqis se jkun issodisfat b’mod konġunt mill-UE u l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Islanda. Il-miri tal-pajjiżi parteċipanti kollha fit-tieni perjodu se jkunu riveduti sal-2014 bl-għan li tiżdied l-ambizzjoni.

  • L-UE u pajjiżi oħra li qed jistabbilixxu miri taħt it-tieni perjodu se jkomplu jkollhom aċċess għall-mekkaniżmi ta’ Kjoto mill-bidu tal-perjodu. Se japplika limitu għax-xiri ta’ baġits ta’ surplus ta’ emissjonijiet (‘AAUs’) mill-ewwel perjodu ta’ impenn. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tinkludi dikjarazzjonijiet politiċi mill-UE u l-Istati Membri tagħha u xerrejja potenzjali oħra kollha – l-Awstralja, il-Ġappun, il-Liechtenstein, Monaco, New Zealand, in-Norveġja u l-Isvizzera – li jiddikjaraw li mhumiex se jixtru AAUs riportati mill-ewwel perjodu.

  • It-tieni perjodu jifforma parti mit-tranżizzjoni għall-ftehim globali li se jidħol fis-seħħ fl-2020. Il-pajjiżi li qed jieħdu sehem fit-tieni parti ta' Kjoto, inkluża l-UE, jammontaw biss għal madwar 14 % tal-emissjonijiet dinjija. Dan jenfasizza l-ħtieġa għar-reġim klimatiku futur biex jinvolvi azzjoni mill-pajjiżi kollha.

Kuntatti :

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website