Sélecteur de langues
Chemin de navigation

Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, 12 ta' Diċembru 2012
Il-Kummissjoni Ewropea biħsiebha timmodernizza d-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva Ewropea
Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat Pjan ta' Azzjoni li jiddeskrivi l-inizjattivi futuri fl-oqsma tad-dritt soċjetarju u l-governanza korporattiva.
Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva Ewropea għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jkunu kompetittivi u sostenibbli. L-analiżi u l-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni matul l-aħħar sentejn, jindikaw b'mod ċar illi jista' jkun hemm aktar titjib, billi jitħeġġeġ u jiġi ffaċilitat l-involviment fit-tul tal-azzjonist, billi jiżdied il-livell tat-trasparenza bejn il-kumpaniji u l-azzjonisti tagħhom u billi jiġu ssemplifikati l-operazzjonijiet transfruntiera għall-impriżi Ewropej.
Abbażi tar-riflessjoni tagħha u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni identifikat bosta linji ta' azzjoni fil-qasam tad-dritt soċjetarju u tal-governanza korporattiva li huma fundamentali biex tiġi stabbilita leġiżlazzjoni moderna għal kumpaniji sostenibbli u kompetittivi.
Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: “Dan il-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-dritt soċjetarju u l-governanza korporattiva jfassal it-triq 'il quddiem: l-azzjonisti għandhom jirċievu drittijiet addizzjonali, iżda għandhom jassumu wkoll bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħhom biex jiżguraw li l-kumpanija tibqa' kompetittiva fuq il-medda t-twila taż-żmien . Il-kumpaniji għandhom ukoll isiru aktar trasparenti f’diversi aspetti. Dan se jikkontribwixxi għal governanza effettiva tal-kumpaniji."
Elementi ewlenin tal-pjan ta’ azzjoni
1. Jiżdied il-livell ta’ trasparenza bejn il-kumpaniji u l-azzjonisti tagħhom sabiex tittejjeb il-governanza korporattiva. Dan se jinkludi b'mod partikolari li:
Tiżdied it-trasparenza tal-kumpaniji fir-rigward tad-diversità tal-bord u l-politiki ta' ġestjoni tar-riskju tagħhom;
Jitjieb ir-rapportar dwar il-governanza korporattiva;
Ikun hemm identifikazzjoni aħjar tal-azzjonisti mill-emittenti;
Jissaħħu r-regoli dwar it-trasparenza għall-investituri istituzzjonali fir-rigward tal-politiki ta' votazzjoni u l-involviment tagħhom.
2. Inizjattivi mmirati biex iħeġġu u jiffaċilitaw l-involviment tal-azzjonisti fit-tul, bħal:
Aktar trasparenza dwar il-politiki ta' remunerazzjoni u r-remunerazzjoni individwali ta' diretturi, kif ukoll id-dritt tal-vot tal-azzjonisti dwar il-politika ta' remunerazzjoni u r-rapport dwar ir-remunerazzjoni;
Sorveljanza aħjar mill-azzjonisti fuq tranżazzjonijiet ta' partijiet relatati, jiġifieri negozjati bejn il-kumpanija u d-diretturi tagħha jew l-azzjonisti li jikkontrollawha;
Il-ħolqien ta' regoli operazzjonali xierqa għall-konsulenti bi prokura (jiġifieri ditti li jipprovdu servizzi lill-azzjonisti, partikolarment pariri dwar il-votazzjoni), speċjalment fir-rigward tat-trasparenza u l-kunflitti ta' interessi;
Kjarifika tal-kunċett ta' "azzjoni koordinata" biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-azzjonisti fuq kwistjonijiet ta' governanza korporattiva;
Stħarriġ dwar jekk tistax titħeġġeġ is-sjieda ta' ishma għall-impjegati.
3. Inizjattivi fil-qasam tad-dritt soċjetarju li jappoġġjaw lin-negozji Ewropej u jinkoraġġixxu t-tkabbir u l-kompetittività tagħhom:
Sħarriġ ulterjuri dwar inizjattiva possibbli dwar it-trasferiment transfruntiera ta’ siġġijiet għall-kumpaniji;
Iffaċilitar tal-fużjonijiet transfruntiera;
Regoli tal-UE ċari għal diviżjonijiet transfruntiera;
Segwitu tal-proposta għal Statut ta' Kumpanija Privata Ewropea (IP/08/1003) bil-għan li jissaħħu l-opportunitajiet transfruntiera għall-SMEs;
Kampanja ta’ informazzjoni dwar l-Istatut tal-Kumpanija Ewropea/tas-Soċjetà Kooperattiva Ewropea;
Miżuri mmirati għal gruppi ta' kumpaniji, jiġifieri r-rikonoxximent tal-kunċett tal-interess tal-grupp u aktar trasparenza fir-rigward l-istruttura tal-grupp.
Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi fużjoni tad-direttivi ewlenin kollha tad-dritt soċjetarju fi strument wieħed. Dan jagħmel id-dritt soċjetarju tal-UE aktar aċċessibbli u komprensibbli u jnaqqas r-riskju ta' inkonsistenzi futuri.
Sfond:
L-Istrateġija "Ewropa 2020" tal-Kummissjoni (IP/10/225) titlob għal titjib tal-ambjent kummerċjali fl-Ewropa. Id-dritt soċjetarju u r-regoli dwar il-governanza korporattiva tal-UE għal kumpaniji, investituri u impjegati għandhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet tas-soċjetà ta' llum u għall-ambjent ekonomiku dejjem jinbidel. Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva Ewropea għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jkunu kompetittivi u sostenibbli.
Bil-Green Paper tagħha tal-2011 dwar il-governanza korporattiva tal-UE (IP/11/404) il-Kummissjoni bdiet riflessjoni fil-fond biex tevalwa l-effettività tar-regoli attwali tal-governanza korporattiva għall-kumpaniji Ewropej. Wettqet ukoll konsultazzjoni pubblika onlajn dwar il-futur tad-dritt soċjetarju Ewropew li ġġenerat għadd kbir ta’ risposti minn varjetà wiesgħa ta' partijiet interessati (IP/12/149).
Ara wkoll MEMO/12/972
Għal informazzjoni dwar id-dritt soċjetarju u l-governanza korporattiva:
http://ec.europa.eu/internal_market/company/index_en.htm
Kuntatti : Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21) Carmel Dunne (+32 2 299 88 94) Audrey Augier (+32 2 297 16 07) |