Navigation path

Left navigation

Additional tools

Forum dwar l-Ibliet. Il-Kummissarju Hahn iħeġġeġ lill-ibliet jagħmlu aktar għat-tkabbir u l-impjieg

European Commission - IP/12/133   15/02/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Forum dwar l-Ibliet. Il-Kummissarju Hahn iħeġġeġ lill-ibliet jagħmlu aktar għat-tkabbir u l-impjieg

Brussell, il-15 ta’ Frar 2012 - Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Johannes Hahn qed iniedi djalogu dirett mal-ibliet tal-Ewropa. Il-fondi strutturali tal-UE bħalissa huma wieħed mill-istrumenti l-aktar importanti li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jistimulaw it-tkabbir, u l-ibliet għandhom ikunu fil-qalba tal-attenzjoni minħabba r-rwol partikolari tagħhom fl-ekonomiji Ewropej. L-investiment effettiv fl-ibliet tagħna - li jirrappreżenta qrib 70% tal-popoloazzjoni tal-UE - huwa kruċjali fi żmien meta l-kriżi ekonomika ġabet qgħad għoli ta’ 22% fost iż-żgħażagħ li mhux aċċettabbli. Fl-ewwel Forum dwar l-Ibliet fi Brussell fis-16 ta’ Frar, il-Kummissjoni se tagħti lill-ibliet opportunità li jsemmgħu leħinhom dwar proposti ġodda għall-politika dwar l-ibliet ippreżentati f’Ottubru li għadda, li kienu jinkludu pjanijiet ambizzjużi biex jiġu assenjati bi prijorità l-fondi għall-ibliet; jiżviluppaw strateġiji ġodda u aktar koerenti biex jikkoordinaw azzjonijiet f'oqsma bħat-trasport u l-ambjent u jkunu huma li jħeġġu l-innovazzjoni. Is-sindki u r-rappreżentanti tal-ibliet u tal-istituzzjonijiet tal-UE se jiddiskutu l-mod kif jistgħu jiksbu l-għanijiet tal-Istrateġija UE 2020 b’approċċ aktar dinamiku għall-iżvilupp taż-żoni urbani.

Fil-kummenti tiegħu dwar l-avveniment, il-Kummissarju Hahn qal: “Bħala ċentri ekonomiċi u politiċi li fihom jgħixu qrib 70% tal-popolazzjoni tal-UE, l-ibliet huma mutur importanti għat-tkabbir fl-Ewropa. Filwaqt li l-politika reġjonali tgħin lir-reġjuni kollha jiżviluppaw il-forzi individwali tagħhom, huwa essenzjali li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ibliet b'mod partikolari. Okkażjonijiet bħall-Forum dwar l-Ibliet jgħinu biex l-ibliet jissieħbu bis-sħiħ fl-irkupru tal-Ewropa".

Il-proposti dwar il-politika ta' koeżjoni 2014-2020 tal-Kummissjoni għandhom l-għan li jappoġġjaw il-koordinazzjoni strateġika tal-politika tal-ibliet biex l-iżvilupp sostenibbli tal-ibliet jissaħħaħ flimkien mar-rwol tal-ibliet fil-politika ewlenija ta’ investiment tal-UE. Il-ħolqien ta’ ‘Pjattaforma għall-Iżvilupp tal-Ibliet’ se jġib il-quddiem il-bini tal-kapaċità u l-iskambju tal-esperjenza urbana fil-livell tal-UE.

Sfond

X’inhu propost fil-politika tal-ġejjieni għall-iżvilupp tal-ibliet?

  • Finanzjament delimitat għall-iżvilupp sostenibbli integrat tal-ibliet: Tal-inqas 5% tar-riżorsi mill-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) f’kull Stat Membru għandhom jiġu investiti, f’azzjonijiet ikkoordinati li se wasslu għal żvilupp tal-ibliet fit-tul, innovattiv u li huwa effiċjenti mil-lat tal-enerġija. Il-ġestjoni u l-implimentazzjoni se jkunu ddelegati lill-ibliet, bi gradi differenti, skont l-arranġamenti istituzzjonali ta’ kull Stat Membru.

  • Strateġija waħda ta’ investiment: Il-fondi strutturali tal-UE għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ibliet permezz ta’ strateġiji li jindirizzaw flimkien l-isfidi ekonomiċi, ambjentali, klimatiċi u soċjali taż-żoni urbani. L-Istati Membri huma mitluba jikkombinaw flimkien investimenti minn sorsi differenti biex jappoġġjaw miżuri marbuta mal-impjieg, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u mat-titjib tal-kapaċità istituzzjonali. Dawn se jkunu mfassla u implimentati skont strateġija waħda ta’ investiment.

  • Azzjonijiet urbani innovattivi: il-Kummissjoni tipproponi li talloka parti mill-baġit (0.2% tal-allokazzjoni tal-FEŻR) għall-finanzjament ta’ azzjonijiet innovattivi fiż-żoni urbani. L-azzjonijiet urbani innovattivi għandhom ikunu proġetti bi prova, proġetti ta’ dimostrazzjoni u studji marbuta ta’ interess Ewropew. Jistgħu jkunu kkonċentrati fuq kull qasam ta’ politika, kemm-il darba jkunu ta’ rendiment għal wieħed mill-għanijiet ta' Ewropa 2020.

  • Pjattaforma għall-Iżvilupp Urban: Abbażi tal-listi tal-ibliet proposti mill-Istati Membri l-Kummissjoni se tistabbilixxi pjattaforma biex tħeġġeġ djalogu dirett bejn l-ibliet infushom u mal-Kummissjoni. Il-pjattaforma mhix strument ta’ finanzjament iżda mod li bih l-ibliet jaqsmu r-rendikont dwar l-użu tal-approċċi l-ġodda.

Eżempji ta’ proġetti urbani:

Riabilitazzjoni ta’ kwartier mitluq ta’ Budapest - id-distrett Józsefváros

Il-Kwartier Magdolna Programm Nru. II huwa t-tieni stadju tal-proġett soċjali integrat ta’ tiġdid urban bl-appoġġ tal-UE u li għandu l-għan li jirrijabilita l-kwartier Magdolna f’Budapest.

Dehra ġdida ta’ vjaġġi bil-ferrovija fil-Campania

B’madwar 3.5 miljuni li jgħixu f’Napli u madwarha, saret prijorità fil-Campania li l-vjaġġi bil-ferrovija jkunu b’aktar frekwenza, konvenjenti u komdi. Il-proġett Sistema Reġjonali tal-Metro (RMS) jindirizza din il-prijorità billi jinkorpora soluzzjonijiet ta’ mobilità sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Provinċja fil-Pajjiżi l-Baxxi tnaqqas il-livelli tal-ħsejjes urbani li dejjem jikbru - Gelderland

Provinċja fil-Pajjiżi l-Baxxi qed tnaqqas il-livelli tal-ħsejjes mit-toroq tagħha u fl-istess ħin qed tnaqqas l-effetti ħżiena serji fuq is-saħħa tal-bniedem kif ukoll ittejjeb il-kondizzjonijiet ta’ għajxien tar-residenti lokali.

Viċinanzi mwielda mill-ġdid - REVIT, Ħajja mill-ġdid tas-siti ‘brownfield’ - Il-Ġermanja, Franza, Il-Pajjiżi l-Baxxi, Ir-Renju Unit

Bis-saħħa ta’ REVIT sitt ibliet Ewropej qasmu l-esperjenzi tagħhom mal-għoti ta’ ħajja ġdida għas-siti ta’ brownfield li ppreżerva l-istorja taż-żona tagħhom.

Djar urbani ekoloġiċi fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku - il-Ġermanja, l-Istati Baltiċi, il-Polonja, il-Belarus.

Id-djar huma waħda mill-ikbar oqsma ta’ konsum ta’ enerġija u sorsi ta’ emissjonijiet ta’ CO2. Bit-tibdil fil-klima u sorsi ta’ enerġija li jippruvaw ilaħħqu mal-provvista, il-proġett li tnieda dan l-aħħar, Urb.Energy, għandu l-għan li jħeġġeġ aktar użu ta’ enerġija li tiġġedded, joffri skemi ta’ finanzjament innovattivi għal attivitajiet marbuta, u jintroduċi ħames strateġiji għall-iżvilupp urban integrat, inklużi linji gwida u manwali.

Aktar tagħrif

Madwar 400 parteċipant, inklużi sindki ta’ bliet kbar tal-UE, (Amsterdam, Barċellona, Warsaw, Lisbona, Sofija, Bratislava, Manchester, Leipzig, Napli, Łódź, Lille Métropole, Torin u Dunkerque), rappreżentanti ta’ netwerks u assoċjazzjonijiet urbani, kif ukoll bliet involuti f'bosta inizjattivi ta’ politika urbana tal-UE, huma mistennija li jattendu.

Forum dwar l-Ibliet bir-ritratti fuq Flickr

Segwi #urbanforum on twitter @ EU_Regional

'EU Urban Development 2012' video stockshots fuq EbS

Contact :

Ton Van Lierop (+32 2 296 65 65)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website