Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Agħti l-opinjoni tiegħek dwar kif nistgħu ntejbu l-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja

European Commission - IP/12/1337   11/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Diċembru 2012

L-ambjent: Agħti l-opinjoni tiegħek dwar kif nistgħu ntejbu l-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja

Il-Kummissjoni Ewropea qed torganizza konsultazzjoni pubblika dwar l-aħjar mod kif nistgħu ntejbu l-kwalità tal-arja fl-Ewropa. Għat-tnax-il ġimgħa li ġejjin, il-partijiet interessati huma mistiedna jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar modi kif niżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas eżistenti, biex intejbuh, u biex nikkumplimentawh b’azzjonijiet ta' sostenn. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni se jiddaħħlu f’reviżjoni komprensiva tal-politiki tal-kwalità tal-arja tal-Ewropa, li għandha titlesta fl-2013. Il-konsultazzjoni tibqa’ miftuħa sal-4 ta’ Marzu 2013.

It-tniġġis tal-arja u t-theddid tiegħu għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem jibqgħu oġġett ta' tħassib għal ħafna miċ-ċittadini tal-UE. Minkejja l-progress fid-deċennji li għaddew, li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni biex jitnaqqsu s-sustanzi niġġiesa bħad-diossidu tal-kubrit, iċ-ċomb, l-ossidi tan-nitroġenu, il-monossidu tal-karbonju u l-benżen, ċerti sustanzi niġġiesa għadhom qed jikkawżaw il-problemi. L-ismogg fis-sajf, l-ożonu troposferiku potenzjalment ta' ħsara, u l-partiċelli fini li joħolqu riskji sinifikanti għas-saħħa, jaqbżu regolarment il-limiti tas-sikurezza. Konsegwentement, kull sena l-espożizzjoni għat-tniġġis tal-arja għadha tikkawża aktar minn 350 000 mewta bikrija fl-UE.

Il-konsultazzjoni hija maqsuma f’żewġ partijiet – kwestjonarju qasir għall-pubbliku ġenerali, u sett aktar estensiv ta’ mistoqsijiet għall-esperti u għall-prattikanti minn amministrazzjonijiet nazzjonali, awtoritajiet reġjonali u lokali, riċerkaturi, negozji, partijiet interessati, gruppi tas-saħħa, tal-ambjent u oħrajn bl-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-kwalità tal-arja tal-UE.

Din il-konsultazzjoni fuq l-internet hija parti minn proċess usa’ mfassal biex jinvolvi s-soċjetà ċivili fir-reviżjoni li ġejja tal-politika tal-arja. Dan huwa l-istadju formali finali tal-proċess ta' konsultazzjoni li nbeda mill-Kummissjoni f'Jannar 2011 (ara MEMO/11/31), u li involva laqgħat regolari mal-Istati Membri u partijiet interessati oħra, u l-ewwel konsultazzjoni pubblika dwar l-effettività tal-politika dwar il-kwalità tal-arja tal-UE u l-prijoritajiet għall-futur (ara IP/11/813).

Il-Kummissjoni daqt se toħroġ ukoll ir-riżultati ta' sondaġġ tal-Ewrobarometru dwar il-kwalità tal-arja. Madwar 25 000 ċittadin Ewropew f’27 Stat Membru ġew intervistati biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom rigward kwistjonijiet dwar il-kwalità tal-arja.

Il-passi li jmiss

Wara analiżi fonda ta’ sentejn u r-riżultati ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni vasta, il-Kummissjoni se tagħmel proposta dwar il-futur tal-politika tal-UE dwar l-arja, sa mhux aktar tard mill-2013.

Għal aktar tagħrif:

Kwestjonarju għall-esperti: http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?form=TSAPforExperts

Kwestjonarju għall-pubbliku ġenerali: http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?form=TSAPforGP

Il-konsultazzjoni tista’ timtela fuq:

http://ec.europa.eu/environment/consultations_en.htm

Aktar dettalji dwar il-politika tal-UE dwar l-arja u r-reviżjoni tagħha:

http://ec.europa.eu/environment/air/index_en.htm

http://ec.europa.eu/environment/air/review_air_policy.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website