Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta' Diċembru 2012

Nagħtu l-kontroll lill-pazjenti: Futur diġitali għall-kura tas-saħħa

Il-Kummissjoni Ewropea żvelat pjan ta’ azzjoni biex tindirizza l-ostakoli għall-użu sħiħ ta’ soluzzjonijiet diġitali fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Ewropa. L-għan huwa li tittejjeb il-kura tas-saħħa għall-benefiċċju tal-pazjenti, il-pazjenti jingħataw aktar kontroll tal-kura tagħhom u jitnaqqsu l-ispejjeż. Filwaqt li l-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa qed jużaw is-soluzzjonijiet tat-telesaħħa b’entużjażmu u miljuni ta' Ewropej niżżlu applikazzjonijiet tal-ismartphone sabiex iżommu rekord ta’ saħħithom u l-benesseri tagħhom, il-kura tas-saħħa diġitali għad trid tibda tgawdi l-frott tal-potenzjal kbir tagħha biex ittejjeb il-kura tas-saħħa u tiġġenera ffrankar effiċjenti.

Il-Pjan ta’ Azzjoni (il-lista sħiħa tal-azzjonijiet tinsab fl-Anness 1, MEMO/12/959) qed jipprova jżid ir-ritmu tal-bidla u jtejjeb il-kura tas-saħħa billi:

  1. jiċċara l-oqsma ta’ inċertezza legali;

  2. itejjeb l-interoperabbiltà bejn is-sistemi;

  3. iżid is-sensibilizzazzjoni u l-ħiliet fost il-pazjenti u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa;

  4. jiffoka fuq il-pazjenti b’inizjattivi marbuta mal-ġestjoni tas-saħħa personali u jappoġġa r-riċerka fil-mediċina personalizzata;

  5. jiżgura pariri legali mingħajr ħlas għal negozji tas-Saħħa elettronika li għadhom fil-bidu tagħhom.

Il-Kummissjoni qed timpenja ruħha wkoll li sal-2014 toħroġ Green Paper dwar is-saħħa mobbli (mHealth) li tindirizza l-kwalità u l-kwistjonijiet ta’ trasparenza.

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-Green Paper jagħti ħarsa ġenerali legali lejn kif il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE tapplika għat-telemediċina transkonfinali (servizzi bħal teleradjoloġija, telekonsultazzjoni jew telemonitoraġġ). Bħalissa, it-telemediċina taqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ diversi strumenti legali. Id-dokument jiċċara l-kwistjonijiet li jaffaċċaw dawk li jaħdmu fil-kura tas-saħħa biex jipprovdu telemediċina transkonfinali, pereżempju:

  1. Jeħtieġ li jkunu liċenzjati/reġistrati fl-Istat Membru tal-pazjent?

  2. Kif għandha tiġi pproċessata d-dejta tas-saħħa? Servizz partikolari jkun rimborsabbli?

  3. Liema sistema ta’ responsabbiltà legali tkun applikabbli f’każ ta’ azzjoni legali?

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali qalet "Is-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Ewropa għadhom ma sfaxxawx, iżda x-xquq qed jibdew jidhru. Wasal iż-żmien li dan il-mudell tas-seklu 20 isirlu kontroll tas-saħħa. Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew il-ġdid għas-Saħħa elettronika, jistabbilixxi kif nistgħu nipprovdu benefiċċji diġitali għall-kura tas-saħħa, u nneħħu l-ostakli għal servizzi tas-saħħa aktar intelliġenti, sikuri, u ċċentrati fuq il-pazjent."

Tonio Borg, il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: "Is-soluzzjonijiet tas-Saħħa elettronika jistgħu jipprovdu liċ-ċittadini tagħna kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja, iffukata fuq il-pazjenti. Is-Saħħa elettronika tressaq il-kura tas-saħħa qrib in-nies u ttejjeb l-effiċjenza tas-sistemi tas-saħħa. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-lum se jgħin jittrasforma l-potenzjal tas-Saħħa Elettronika f'kura aħjar għaċ-ċittadini tagħna. In-Netwerk tas-Saħħa elettronika taħt id-Direttiva tal-Kura tas-Saħħa Transkonfinali jidderieġi l-impenn konġunt tagħna biex insibu soluzzjonijiet interoperabbli fil-livell tal-UE."

Il-membri tan-Netwerk il-ġdid tas-Saħħa elettronika, stabbilit permezz tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, se jgħinu fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u jipprovdu link dirett mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kura tas-saħħa u mad-dipartimenti tal-gvern.

Sfond

Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għas-Saħħa elettronika jwieġeb it-talba li saret mill-Istati Membri fl-2009. Biex tipprepara il-pjan il-ġdid, il-Kummissjoni mexxiet konsultazzjoni pubblika fl-2011.

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tinkludi tliet azzjonijiet speċifiċi dwar is-Saħħa elettronika mmirati lejn l-użu mifrux tat-telemediċina, l-aċċess tal-pazjenti għad-dejta dwar saħħithom u l-interoperabbiltà.

Minkejja l-kriżi ekonomika, is-suq globali tat-telemediċina kiber minn $9.8 biljun fl-2010 għal $11.6 biljun fl-2011, filwaqt li s-suq globali tas-Saħħa mobbli huwa mistenni li jikber għal €17.5 biljun fis-sena sal-2017.

Xi gvernijiet tal-UE qed jonfqu sa 15 % tal-baġits tagħhom fuq il-kura tas-saħħa.

Dawn il-fatti jindikaw sitwazzjoni li qed tinbidel b'rata mgħaġġla u li l-pjan ta' Azzjoni tas-Saħħa elettronika jrid ikun flessibbli biżżejjed biex jindirizzaha.

Il-Kummissjoni Ewropea ilha attiva fis-Saħħa elettronika għal aktar minn għaxar snin. Azzjonijiet tal-Kummissjoni fl-imgħoddi jinkludu:

  1. fl-2004, l-ewwel pjan ta' azzjoni għas-Saħħa elettronika

  2. fl-2008, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Telemediċina

  3. fl-2008, Proġett pilota fuq skala kbira dwar it-Tiġdid tas-Saħħa, li qed ikejjel l-effiċjenza u l-kosteffettività tas-servizzi tat-telemediċina madwar 9 reġjuni tal-Ewropa.

  4. fl-2008, Rakkomandazzjoni dwar Rekords tas-Saħħa Elettronika interoperabbli

  5. fl-2011, l-adozzjoni tal-ewwel liġi tal-UE b’dispożizzjonijiet dwar l-interoperabbiltà tas-Saħħa elettronika, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali

  6. fl-2011, Il-proġett pilota fuq skala kbira, epSOS, fejn 23 pajjiż ingħaqdu biex iwettqu proġett pilota ta' servizz transkonfinali ta' sommarji mediċi tal-pazjenti u ta’ servizzi tal-Preskrizzjoni elettronika madwar l-Ewropa.

  7. fl-2011, Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu (EIPAHA) li l-azzjoni tagħha hija bbażata fuq 261 impenn minn ‘il fuq minn 3000 parti interessata tal-EIP AHA biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' erba' miljun ċittadin anzjan Ewropew minn issa sal-2015. L-impenji jinkludu t-tnedija ta’ kura integrata u ġestjoni tal-mard kroniku bl-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi tat-telemonitoraġġ

  8. fl-2012, Tnedija tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika li jiġbor flimkien l-Istati Membri tal-UE kollha biex jaħdmu fuq linji gwida għall-interoperabbiltà tas-Saħħa elettronika

Għal aktar informazzjoni

Pjan ta’ azzjoni tas-saħħa elettronika 2012-2020: Mistoqsijiet Frekwenti (MEMO/12/959)

Il-websajt tas-saħħa elettronika:

http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/european-ehealth-policy

Il-Kummissarju Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

http://blogs.ec.europa.eu/neelie-kroes/

http://twitter.com/neeliekroeseu

Il-Kummissarju Tonio Borg:

SWD on eHAP:http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/borg/index_en.htm

http://ec.europa.eu/health/ehealth/policy/index_mt.htm

Pjan ta’ Azzjoni tas-Saħħa elettronika u Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar it-Telemediċina:

http://ec.europa.eu/digital-agenda/news-redirect/9139

Kuntatti:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site