Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-ewwel Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija: jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE

Brussell, l-14 ta’ Frar 2012 – Ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-governanza ekonomika, l-hekk imsejħa "six-pack", jistrieħu fuq żewġ saqajn: is-sorveljanza tal-finanzi pubbliċi u dik makroekonomika. Il-proċedura għall-iżbilanċi makroekonomiċi hija għodda ġdida li tgħin fl-individwazzjoni u fil-korrezzjoni ta’ żviluppi ekonomiċi riskjużi. L-ewwel rapport annwali tagħha dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija (Alert Mechanism Report - AMR), li ġie adottat illum, jagħti bidu għas-sorveljanza. Il-Kummissjoni Ewropea tidentifika 12-il Stat Membru tal-UE li s-sitwazzjoni makroekonomika tagħhom teħtieġ analiżi aktar profonda. Huma biss dawn l-analiżijiet approfonditi sussegwenti li se jivvalutaw jekk fil-fatt jeżistux dawn l-iżbilanċi u jekk humiex ta’ ħsara.

Olli Rehn, Il-Viċi President responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro, qal: “Din il-kriżi enfasizzat ir-riskji li l-iżbilanċi makroekonomiċi jippreżentaw għall-istabbiltà finanzjarja, għall-prospetti ekonomiċi u għall-benesseri ta’ pajjiż partikolari u taċ-ċittadini tiegħu, u għall-Unjoni Ewropea kollha. Illum, bħala l-ewwel pass qed nagħtu bidu għal skrutinju dettaljat tas-sitwazzjoni makroekonomika ta’ pajjiż. Jekk jirriżulta li l-iżbilanċi jeżistu u li huma ta’ ħsara, din l-għodda l-ġdida hija pass sinifikanti lejn il-korrezzjoni tal-iżbilanċi li żviluppaw matul is-snin. Politiki tal-finanzi pubbliċi f’saħħithom u l-individwazzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi ekonomiċi riskjużi fi stadju bikri huma indispensabbli sabiex nerġgħu lura għal tkabbir u impjiegi sostenibbli. "

Abbażi ta’ tabella ta’ valutazzjoni ta’ 10 indikaturi makroekonomiċi, bħal telf tal-kompetittività, livell għoli ta’dejn jew bżieżaq spekulatttivi u li jqisu dejta ekonomika oħra, ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija jidentifika l-Istati Membri li s-sitwazzjoni makroekonomika tagħhom jeħtieġ li tiġi analizzata f'aktar dettall. Dan huwa l-punt tat-tluq tal-Proċedura għall-Iżbilanċ Makroekonomiku l-ġdida (Macroeconomic Imbalance Procedure - MIP) li se tapprofondixxi d-djalogu dwar it-tfassil tal-politika ekonomika mal-Istati Membri. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni Ewropea se toħroġ rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat biex dan jieħu azzjoni xierqa biex jikkoreġi s-sitwazzjoni jew biex jevita li l-iżbilanċi jippersistu.

Il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li s-sitwazzjoni makroekonomika fil-pajjiżi li ġejjin teħtieġ aktar investigazzjoni (f’ordni alfabetika): il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

Ir-rapport jikkonkludi li l-pajjiżi li ġejjin ma jeħtiġux analiżi ulterjuri u fid-dettall f'dan il-mument: l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, u s-Slovakkja. Madankollu, għal dawn il-pajjiżi, se jkun hemm rakkomandazzjonijiet dwar il-politiki makroekonomiċi u tal-finanzi pubbliċi fl-ambitu tas-Semestru Ewropew.

Analiżijiet fid-dettall ma ġewx proposti għall-Greċja, għall-Irlanda, għall-Portugall u għar-Rumanija, billi dawn il-pajjiżi jibbenefikaw minn programm ta’ assistenza finanzjarja mill-UE u mill-FMI abbażi ta’ kundizzjonijiet, u għalhekk huma diġà soġġetti għal sorveljanza ekonomika msaħħa.

Dawn li ġejjin huma fost ir-raġunijiet għas-sejħa għal analiżi fid-dettall għat-tnax-il pajjiż:

Il-Belġju: Telf importanti tal-ishma tas-suq tal-esportazzjoni, li jmur id f'id mad-deterorjarment fil-bilanċ tal-kont kurrenti u mat-tnaqqis fil-kompetittività tal-kosti. Il-livell tad-dejn gross fis-settur privat għandu jitqies flimkien mal-livelli għoljin ta’ dejn pubbliku.

Il-Bulgarija: Akkumulazzjoni rapida ħafna kemm tal-iżbilanċi esterni kif ukoll dawk interni iżda issa l-pajjiż qiegħed jgħaddi minn korrezzjonijiet rapidi u sostanzjali. Peress li l-livelli tal-iżbilanċi akkumulati għadhom għoljin, il-prospetti għal aġġustament ieħor jeħtieġu investigazzjoni aktar mill-qrib.

Id-Danimarka: L-isplużjoni ekonomika ta’ qabel il-kriżi, fis-suq tad-djar, u li bdiet tiġi kkoreġuta fl-2007, kienet assoċjata ma’ tkabbir rapidu fil-krediti u ma’ żieda fid-dejn tas-settur privat, partikolarment fis-settur tal-unitajiet domestiċi. Waqt li f’dawn l-aħħar snin il-prezzijiet tal-krediti u tad-djar aġġustaw ruħhom parzjalment, l-istokk tad-dejn tas-settur privat għadu għoli ħafna.

Spanja: Bħalissa Spanja għaddejja minn perjodu ta’ aġġustament, wara li nġemgħu żbilanċi esterni u interni kbar matul il-perjodu estiż tal-isplużjoni ekonomika fis-setturi tad-djar u tas-self.

Franza: Kien hemm deterjorament gradwali fil-bilanċ tal-kummerċ, u dan huwa rifless f’deterjorament fil-bilanċ tal-kont kurrenti u f’telf importanti tal-ishma tas-suq tal-esportazzjoni.

L-Italja: Deterjorament sinifikanti fil-kompetittività min-nofs id-disgħinijiet li huwa rifless ukoll fit-telf persistenti tal-ishma tas-suq tal-esportazzjoni. Filwaqt li d-dejn tas-settur privat trażżan xi ftit jew wisq, il-livell tad-dejn pubbliku huwa inkwetanti, speċjalment minħabba l-prestazzjoni dgħajfa tat-tkabbir u minħabba dgħufijiet strutturali.

Ċipru: Sfidi sostanzjali kemm mil-lat estern kif ukoll mil-lat intern. L-ekonomija Ċiprijotta tgħaqqad id-defiċits persistenti fil-kont kurrenti u t-telf tal-ishma tas-suq tal-esportazzjoni mad-dejn għoli fis-settur privat.

L-Ungerija: Fl-Ungerija seħħ aġġustament qawwi fl-iżbilanċi l-kbar. Il-livelli tad-dejn, partikolarment tas-settur pubbliku iżda wkoll tas-settur privat, għadhom għoljin. Barra minn hekk, il-livell tad-dejn estern huwa l-ogħla fl-UE.

Is-Slovenja: Akkumulazzjoni rapida tal-iżbilanċi interni b'żieda għolja fl-ispejjeż tal-unità tax-xogħol, fil-kreditu tas-settur privat u fil-prezzijiet tad-djar. Is-settur bankarju b’livell għoli ta’ ingranaġġ huwa taħt tensjoni konsiderevoli issa li l-ekonomija tinsab fl-istadji bikrin ta’ proċess diffiċli ta’ diżingranaġġ.

Il-Finlandja: Telf importanti fl-ishma tas-suq tal-esportazzjoni. Il-livell tad-dejn fis-settur privat baqa’ jiżdied b'mod kostanti matul l-aħħar għaxar snin, ir-riżultat fil-biċċa l-kbira ta’ ipoteki li żdiedu.

L-Isvezja: Żieda fid-dejn tal-unitiajiet domestiċi, li issa jinsab f’livelli għoljin minkejja t-tnaqqis fir-rata tat-tkabbir tal-krediti ta’ dan l-aħħar. Dan jirrifletti żidiet qawwija ħafna fil-prezzijiet tad-djar matul l-aħħar ħmistax-il sena, li reċentement biss bdew jistabbilizzaw.

Ir-Renju Unit: Telf importanti tal-ishma tas-suq tal-esportazzjoni matul l-aħħar għaxar snin, minkejja xi stabilizzazzjoni riċenti. Il-livell għoli ta’ dejn privat għandu jitqies flimkien ma’ sitwazzjoni dgħajfa tal-finanzi pubbliċi. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi jirrifletti fil-biċċa l-kbira l-ipoteki f'kuntest ta' żidiet qawwija akkumulati fil-prezzijiet tad-djar.

Barra minn hekk, il-qari ekonomiku tal-punti tat-tabella ta’ valutazzjoni jenfasizza l-ħtieġa għal analiżi ulterjuri tal-fatturi u tal-implikazzjonijiet ta’ politika ta' eċċessi kbar u sostnuti fil-kontijiet kurrenti.

Sfond

Il-Proċedura għall-Iżbilanċ Makroekonomiku (MIP) hija parti mill-hekk imsejjaħ sett ta' leġiżlazzjoni "six-pack" li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2011 (MEMO/11/898) sabiex tissaħħaħ is-sorveljanza makroekonomika u tal-finanzi pubbliċi fl-UE u fiż-żona tal-ewro. L-MIP u r-regolament dwar l-infurzar iwieġbu għall-isfida ta monitoraġġ aħjar tal-iżviluppi makroekonomiċi, bis-saħħa tal-għodda l-ġdida tagħha biex tgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi u biex tevitahom.

L-analiżi aktar fid-dettall għandha tiżvela jekk l-iżbilanċi makroekonomiċi jeżistux jew le. Jekk dawn ma jkunux ta’ ħsara, il-proċedura tieqaf. Fil-każ li jkunu ta’ ħsara, għandha tittieħed azzjoni preventiva jew korrettiva.

Il-komponent preventiv tal-MIP jagħti lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Ministri l-possibbiltà li jadottaw rakkomandazzjonijiet fi stadju bikri, fi kliem ieħor, qabel mal-iżbilanċi jkomplu jakkumlaw aktar. F'każijiet aktar serji, jista’ jiġi skattat il-komponent korrettiv, il-“Proċedura għall-Iżbilanċi Eċċessivi".

Safejn huma kkonċernati l-pajjiżi taż-żona tal-ewro tal-UE, il-konklużjonijiet tar-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija se jiġu diskussi fil-Grupp tal-Euro - u fir-rigward tal-pajjiżi kollha tal-UE, fil-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea tistenna bil-ħerqa wkoll il-kontribut tal-Parlament Ewropew.

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni Ewropea se tħejji studji dettaljati u speċifiċi skont il-pajjiż li se jiffurmaw parti mill-analiżi mwettqa fil-kuntest tas-sorveljanza ekonomika integrata tas-Semestru Ewropew.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/12/104

Ir-rapport sħiħ:

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/documents/alert_mechanism_report_2012_en.pdf

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/macroeconomic_imbalance_procedure/index_en.htm

Contacts :

Amadeu Altafaj Tardio (+32 2 295 26 58)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site