Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni toħroġ linji gwida ġodda biex tfakkar lill-membri tal-persunal bl-obbligi tal-whistleblowing

Commission Européenne - IP/12/1326   06/12/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Diċembru 2012

Il-Kummissjoni toħroġ linji gwida ġodda biex tfakkar lill-membri tal-persunal bl-obbligi tal-whistleblowing

Il-Kummissjoni llum adottat linji gwida ġodda dwar il-whistleblowing (l-għoti ta’ informazzjoni dwar prattiki illegali) biex tħeġġeġ lill-membri tal-persunal biex jippreżentaw rwieħhom u jirrapportaw kwalunkwe informazzjoni li tindika l-korruzzjoni, il-frodi u irregolaritajiet oħra serji li jiltaqgħu magħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

L-UE diġà għandha uħud mir-regoli tal-whistleblowing l-iktar stretti fid-dinja. Dawn ir-regoli ġew adottati fl-2004 u huma stabbiliti fir-regolamenti tal-persunal, li għandhom forza leġiżlattiva. Il-linji gwida l-ġodda jelaboraw fuq dawn ir-regoli, u jiġbru flimkien il-każistika u l-esperjenza prattika. Il-linji gwida jservu wkoll bħala tfakkira dwar il-whistleblowing lill-persunal li filwaqt li huwa dritt f'ħafna sistemi legali, għall-membri tal-persunal tal-UE huwa obbligu.

Il-Viċi President Maroš Šefčovič qal: "Il-whistleblowing huwa l-iktar arma effettiva li għandha l-Kummissjoni kontra l-korruzzjoni u l-frodi. Il-Kummissjoni mhux biss tippermetti lill-membri tal-persunal tagħha jikxfu l-irregularitajiet jekk jiltaqgħu magħhom, imma tobbligahom li jagħmlu dan. Dawn il-linji gwida jagħtu fiduċja lill-membri tal-persunal dwar meta għandhom jagħmlu dan, u kif, kif ukoll tagħtihom il-garanzija li huma se jkunu protetti u jibqgħu anonimi jekk ikunu jixtiequ dan."

Għalkemm ir-regoli qajmu xi investigazzjonijiet sinifikanti mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), in-numru ta' każijiet ta’ whistleblowing għadu baxx. Skont l-istatistika tal-OLAF, hemm medja ta’ madwar ħames każijiet fis-sena.

Dan għaliex meta rarament il-membri tal-persunal jiltaqgħu ma' irregolaritajiet serji fil-qadi ta’ dmirijiethom, ħafna jirrapportawhom lis-superjuri tagħhom, mingħajr referenza espliċita għar-regoli tal-whistleblowing. Madankollu, huwa importanti li jkun hemm mezzi ta’ rappurtar ċari, magħrufa sew u ta’ fiduċja u arranġamenti għall-whistleblowing fis-seħħ.

Għalhekk bħala parti mill-Istrateġija tagħha Kontra l-Frodi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipprovdi gwida aħjar għall-persunal li tispjega f’termini ċari meta u kif wieħed għandu jikxef il-prattiki illegali. Fit-tfassil ta’ dawn il-linji gwida, ikkunsidrat l-aħjar prattiki madwar id-dinja, u ddiskutiet il-kwistjoni maż-żewġ organizzazzjonijiet ewlenin fil-qasam, Transparency International u Public Concern at Work.

Uħud mill-fatturi ewlenin tal-linji gwida l-ġodda:

  • Ir-rappurtar tal-irregolaritajiet serji huwa dmir, biex jgħin lill-Kummissjoni u l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi jikxfuhom u jinvestigawhom. Dan id-dmir huwa kkontrobilanċjat mill-protezzjoni solida offruta lill-whistleblowers li jaġixxu f’bona fede;

  • Il-membri tal-persunal jistgħu jagħżlu minn għadd ta' mezzi ta’ kxif għal whistleblowing, u jistgħu jaqbżu l-ġerarkija kollha tagħhom. Bħala l-aħħar alternattiva u b'ċerti kundizzjonijiet, il-membri tal-persunal jistgħu jindirizzaw ukoll it-tħassib tagħhom lil istituzzjoni oħra tal-UE;

  • Ir-ritaljazzjoni kontra l-whistleblowers mhuwiex ittollerat. Il-whistleblowers għandhom jiġu protetti u l-identità tagħhom għandha tibqa' kunfidenzjali, jekk ikunu jixtiequ dan. Attenzjoni partikolari tkun trid tittieħed matul l-evalwazzjonijiet tal-persunal u l-proċeduri ta’ promozzjoni sabiex ikun żgurat li whistleblower ma jsofri l-ebda konsegwenza negattiva;

  • Il-Kummissjoni tappoġġa lill-whistleblowers li jixtiequ jibdlu l-impjieg minħabba l-biża' raġonevoli li jkollhom reazzjonijiet ostili mill-ambjent immedjat tal-post tax-xogħol tagħhom;

  • Sabiex tgħin lill-membri tal-persunal li mhumiex ċerti jekk ċerti fatti għandhomx jiġu rrappurtati jew le, il-Kummissjoni toffri gwida u appoġġ kunfidenzjali u imparzjali lill-whistleblowers (potenzjali). Il-whistleblowers huma intitolati li jirċievu reazzjoni dwar l-azzjoni meħuda bħala konsegwenza tar-rappurtar tagħhom;

  • Kxif malizzjuż ieħor, bil-għan li jolqot l-integrità jew ir-reputazzjoni tal-persuna, huwa pprojbit u jista’ jkun hemm segwitu dixxiplinarju;

  • Naturalment, il-linji gwida jindikaw li d-drittijiet tad-difiża tal-persuni implikati f’xi allegazzjonijiet għandhom jiġu rrispettati.

Il-linji gwida se jiġu kkomunikati lill-membri kollha tal-persunal u se jkunu segwiti minn sensiela ta’ FAQs li jipprovdu lill-membri tal-persunal b’eżempji u aktar dettalji.

Kuntatti:

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site