Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Diċembru 2012

Jitrażżnu l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa: Il-Kummissjoni tippreżenta t-triq 'il quddiem

”Kull sena madwar triljun ewro jintilfu minħabba l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fl-UE. Dan mhux biss huwa telf skandaluż ta’ dħul verament meħtieġ, iżda huwa wkoll theddida għat-tassazzjoni ġusta. Għalkemm l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-miżuri nazzjonali kontra l-evażjoni tat-taxxa aktar stretti, soluzzjonijiet unilaterali weħedhom mhux se jgħinu. F’Suq Uniku, fi ħdan ekonomija globalizzata, diskrepanzi nazzjonali u lakuni jinbidlu f’opportunitajiet għall-abbuż minn dawk li jfittxu li jaħarbu mit-tassazzjoni. Pożizzjoni tal-UE b’saħħitha u koeżiva kontra min jevadi t-taxxa, u kontra dawk li jiffaċilitawhom, hija għalhekk essenzjali.” qalet Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni.

B'dan il-ħsieb, il-Kummissjoni llum ppreżentat Pjan ta' Azzjoni għal reazzjoni tal-UE aktar effettiva għall-evażjoni u għall-evitar tat-taxxa. Dan jistabbilixxi sett komprensiv ta 'miżuri, għal-lum kif ukoll għall-ġejjieni, biex jgħinu lill-Istati Membri jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa tagħhom u biex jirkupraw il-biljuni ta’ euro li huma dovuti b’mod leġittimu.

Bħala l-ewwel pass għas-soluzzjoni, il-Kummissjoni llum adottat ukoll żewġ rakkomandazzjonijiet, biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni immedjata u kkoordinata fir-rigward ta’ problemi speċifiċi u urġenti.

L-ewwel rakkomandazzjoni tipprevedi pożizzjoni tal-UE b'saħħitha kontra r-rifuġji fiskali, li tmur lil hinn mill-miżuri internazzjonali attwali. Bl-utilizzazzjoni ta’ kriterji komuni, l-Istati Membri huma mħeġġa jidentifikaw r-rifuġji fiskali u jqiegħdhom fil-listi s-suwed nazzjonali. Miżuri speċifikati biex jipperswadu pajjiżi li mhumiex fl-UE biex japplikaw dawn l-istandards ta’ governanza tal-UE huma wkoll deskritti.

It-tieni Rakkomandazzjoni hija dwar l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa. Din tissuġġerixxi metodi kif jistgħu jiġu indirizzati teknikalitajiet u lakuni legali li xi kumpaniji jisfruttaw biex jevitaw milli jħallsu s-sehem ġust tagħhom. L-Istati Membri huma mħeġġa biex jirrinfurzaw il-Konvenzjonijiet tat-Taxxa Doppja, bħala prevenzjoni milli jirriżulta li ma jkun hemm l-ebda tassazzjoni. Huma għandhom ukoll jadottaw Regola Ġenerali komuni ta’ Kontra l-Abbuż, li permezz tagħha jkunu jistgħu jinjoraw kwalunkwe arranġament artifiċjali mwettaq għal skopijiet tal-evitar tat-taxxa u tat-taxxa minflok fuq il-bażi tas-sustanza ekonomika reali.

Inizjattivi oħra previsti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-lum jinkludu Kodiċi tal-Kontribwenti, Numru tal-Identifikazzjoni tat-Taxxa tal-UE, reviżjoni tad-dispożizzjonijiet ta' kontra l-abbuż fid-Direttivi ewlenin tal-UE, u linji gwida komuni biex jiġu ntraċċati l-flussi tal-flus.

Sabiex tittejjeb aktar il-ħidma fl-UE fl-qasam tal-kompetizzjoni fiskali dannuża, l-Istati Membri huma mħeġġa jsaħħu l-ħidma tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar it-tassazzjoni tan-negozju. Jekk soluzzjonijiet għat-tneħħija ta’ lakuni partikolari ma jkunux miftiehma u implimentati b’mod effettiv u fil-ħin, il-Kummissjon, fejn xieraq, se tressaq proposti leġiżlattivi għal azzjoni. Huwa wkoll rakkomandat li l-Kodiċi ta’ Kondotta tkun estiża fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biex tinkludi r-reġimi fiskali speċjali għal individwi sinjuri.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-lum se jservi ta' kontribut b'saħħtu tal-UE għad-dibattitu internazzjonali dwar l-evażjoni u l-evitar, partikolarment fi ħdan l-OECD u l-G20. Fil-prattika, se jappoġġa l-pożizzjoni tal-UE biex ikun hemm spinta lejn standards ogħla ta’ governanza tajba tat-taxxa fil-livell globali.

Il-passi li jmiss

Sabiex jiġi żgurat li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-lum jieħu spinta ’l quddiem, il-Kummissjoni se twaqqaf għodod ta' monitoraġġ u tabelli ta’ valutazzjoni ġodda, biex jinżamm il-momentum fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Pjattaforma ġdida għal Governanza Tajba tat-Taxxa se tissorvelja u tirrapporta dwar kif l-Istati Membri japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet.

Il-Pjan ta' Azzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet issa se jiġu ppreżentati lill-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi tal-UE u lill-Parlament Ewropew.

Sfond

Waqt il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2012, l-Istati Membri talbu lill-Kummissjoni "biex tiżviluppa malajr modi konkreti biex tittejjeb il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, inkluż fir-rigward ta' pajjiżi terzi".

Bħala l-ewwel reazzjoni għal din it-talba, f'Ġunju l-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni, li tistabbilixxi l-isfidi ewlenin tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, u miżuri konkreti biex dawn jiġu indirizzati (ara IP/12/697). Il-Komunikazzjoni ħabbret ukoll li l-Kummissjoni se tressaq Pjan ta’ Azzjoni qabel tmiem is-sena, flimkien ma’ ideat speċifiċi dwar kif l-aħjar jiġu trattati r-rifuġji fiskali u dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Dan kollu ġie ppreżentat illum mill-Kummissjoni.

Minbarra azzjoni fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jtejbu l-konformità mat-taxxa u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa fil-livell nazzjonali. Għal dan il-għan għaxar Stati Membri rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż fis-Semestru Ewropew tal-2012.

Links Siewja

Il-sit elettroniku tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, l-Awditjar u l-Ġlieda Kontra l-Frodi:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni u r-Rakkomandazzjonijiet jinsabu fuq:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/common/publications/com_reports/taxation/index_en.htm

Sit elettroniku ġdid dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/tax_fraud_evasion/index_en.htm

MEMO/12/949

Kuntatti :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site