Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Diċembru 2012

It-Tabella ta' Valutazzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&Ż): Minkejja l-kriżi, l-aqwa kumpaniji fl-UE jibqgħu jinvestu fl-innovazzjoni

Minkejja l-kriżi finanzjarja u ekonomika li qed tippersisti, il-kumpaniji ewlenin ibbażati fl-UE jibqgħu jiddependu fuq ir-R&Ż biex jiksbu vantaġġi kompetittivi. Huma żiedu l-investiment fir-R&Ż bi 8.9 % fl-2011, minn 6.1 % fl-2010. Iż-żieda fl-investiment hija kważi daqs dik tal-kumpaniji fl-Istati Uniti (9 %), taqbeż il-medja globali (7.6 %) u hija ferm ikbar minn dik tal-kumpaniji Ġappuniżi (1.7 %). Is-setturi intensivi fir-R&Ż kellhom tendenza juru tkabbir fl-impjiegi ogħla mill-medja. Dawn huma s-sejbiet ewlenin tat-"Tabella ta' Valutazzjoni tal-Investiment fir-R&Ż Industrijali fl-UE" tal-Kummissjoni Ewropea għall-2012 tal-aqwa 1500 investitur globali fir-R&Ż. L-aqwa 50 kumpanija fid-dinja jinkludu 15-il kumpanija mill-UE, 18 mill-Istati Uniti u 12 mill-Ġappun. Il-manifattur tal-karozzi Ġappuniż, Toyota, jinsab fil-quċċata tal-klassifika, u l-kumpanija Volkswagen, li hija l-aqwa waħda fl-UE, tinsab fit-tielet post (din investiet EUR 7.2 biljun). Dan l-aħħar il-Eurostat ippubblikat dejta li turi li n-nefqa tar-riċerka pubblika u ta' dik privata flimkien fl-UE żdiedu għal 2.03 % tal-PDG fl-2011, minn 2.01 % fl-2010. Dan seħħ l-aktar minħabba żieda fin-nefqa tas-settur privat.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "L-għarfien huwa dak li jagħti l-ħajja lill-kompetittività Ewropea, għalhekk iż-żieda tal-investiment fir-R&Ż mill-kumpaniji fl-UE hija sejħa biex narmaw ruħna għall-battalja tagħna għat-tkabbir u l-impjiegi. Issa jeħtieġ li jkollna żieda tal-investiment fir-R&Ż fil-livelli nazzjonali u Ewropej li tkun pariġġ l-ambizzjoni tas-settur privat. Il-mexxejja tal-UE għandhom jagħtu sinjal qawwi billi japprovaw baġit ambizzjuż għal Orrizont 2020, il-programm tagħna għall-ġejjieni għar-riċerka u l-innovazzjoni."

L-investiment totali mill-kumpaniji fit-tabella ta' valutazzjoni juri li l-Istati Uniti għadha tinsab f'pożizzjoni aħjar minn tal-UE, u dan minħabba l-għadd ferm ogħla ta' kumpaniji teknoloġiċi avvanzati fl-Istati Uniti (EUR 178.4 biljun versus EUR 144.6 biljun). Il-kumpaniji li qed juru l-ikbar żidiet fin-nefqa fir-R&Ż fost l-aqwa 100 huma fis-settur tal-ICT, bħal pereżempju Huawei (48.4 %), Apple (36.3 %) u STMicroelectronics (34.5 %) Kumpaniji oħra li jinsabu fost l-aqwa 100 b'qabżiet kbar fil-livelli tagħhom ta' investiment fir-R&Ż huma mis-setturi tal-karozzi u tal-parts, xi wħud ibbażati fl-UE bħall-BMW (21.6 %) u r-Renault (19.4 %).

Fl-UE, iċ-ċifri tat-tkabbir tar-R&Ż fl-2011 huma fil-parti l-kbira riżultat tas-settur tal-karozzi (tkabbir ta' 16.2 %) li jirrappreżenta l-ikbar sehem ta' investiment fir-R&Ż fl-UE (25 %). Il-kumpaniji bbażati fil-Ġermanja li jirrappreżentaw madwar terz tal-investiment totali privat fl-UE fil-qasam tar-R&Ż żiedu r-R&Ż b'9.5 %. Il-Kumpaniji fir-Renju Unit u fi Franza li wkoll jirrappreżentaw proporzjon kbir tar-riċerka privata kelhom tkabbir ta' 13.1 % u 7.6 % rispettivament.

Sfond

It-tabella ta' valutazzjoni tal-2012 hija bbażata fuq kampjun ta' 1500 kumpanija, l-aqwa investituri dinjin fir-R&Ż u ekwivalenti għal madwar 90 % tan-nefqa totali fuq ir-R&Ż min-negozji madwar id-dinja. Din tkejjel il-valur totali tal-investiment globali tagħhom fir-R&Ż iffinanzjat b'fondi proprji, irrispettivament mill-post fejn ikunu qed jitwettqu r-riċerka u l-iżvilupp. Mill-1500 kumpanija, 405 huma bbażati fl-UE, 503 fl-Istati Uniti, 296 fil-Ġappun u 296 fil-bqija tad-dinja inkluża l-Isvizzera, il-Korea t'Isfel, iċ-Ċina, l-Indja u 23 pajjiż ieħor. Kull pajjiż li jinsab fit-Tabella ta' Valutazzjoni investa EUR 35 miljun jew iktar fir-R&Ż fl-2011.

Id-dejta fit-Tabella ta' Valutazzjoni turi li t-tkabbir fl-impjiegi huwa b'mod ġenerali ogħla fis-setturi intensivi fir-R&Ż. Iċ-ċifri kumplessivi tal-impjiegi ta' kampjun ta' 815-il kumpanija fit-tabella ta' Valutazzjoni żdiedu b'22.3 % matul il-perjodu 2003-2011, u dan seħħ b'riżultat tas-setturi intensivi ħafna fir-R&Ż (36.1 %). Fil-kampjun tal-UE, it-tkabbir tal-impjiegi kien b'saħħtu ħafna fis-setturi teknoloġiċi avvanzati (38 %), bi tkabbir ta' 20 % fis-setturi ta' intensità medja-għolja u ta' 19 % fis-setturi ta' intensità baxxa.

Studju ġdid jenfasizza li l-Unjoni Ewropea hija post attraenti għar-R&Ż għal kumpaniji minn barra l-UE, u li investimenti barranin fir-R&Ż huma sors kbir ta' impjiegi u kompetittività fl-Ewropa. Il-kumpaniji fl-Istati Uniti b'mod partikolari żiedu n-nefqiet tagħhom fir-R&Ż fl-UE minn USD 12-il biljun fl-2000 għal USD 23 biljun sal-2008. Il-kumpaniji fl-Istati Uniti jonfqu għaxar darbiet iktar fir-R&Ż fl-Unjoni Ewropea milli fiċ-Ċina u l-Indja flimkien. Stħarriġ reċenti (IP/12/905) tal-aqwa kumpaniji tal-UE indika l-effetti qawwija u pożittivi tal-investiment pubbliku fir-R&Ż privati, inklużi inċentivi fiskali, għotjiet nazzjonali, appoġġ finanzjarju tal-UE u sħubijiet privati-pubbliċi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE.

Orizzont 2020 huwa l-programm il-ġdid tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, ippreżentat mill-Kummissjoni bħala parti mill-proposta tagħha għall-baġit tal-UE għall-perjodu mill-2014 sal-2020. Sabiex tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni bħala xprun għat-tkabbir u l-impjiegi, il-Kummissjoni pproponiet baġit ta' EUR 80 biljun, żieda mill-EUR 55 biljun tal-Programm Kwadru tal-FP7 attwali.

L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet mira li n-nefqa pubblika u dik privata fir-riċerka flimkien iridu jilħqu 3 % tal-PDG sal-2020. Dan l-indikatur ewlieni ta' Ewropa 2020 għandu jiġi kkumplimentat fi żmien qasir b'indikatur ewlieni dwar l-innovazzjoni, li attwalment qed jiġi żviluppat.

Għal iktar tagħrif, u biex tara l-klassifika tal-Aqwa 50 kumpanija, ara l-MEMO/12/948

Għal iktar dettalji ara t-"Tabella ta' Valutazzjoni tar-R&Ż Industrijali fl-UE" tal-2012, l-"Istħarriġ tal-UE dwar ix-Xejriet Kummerċjali ta' Investiment fir-R&Ż" u rapporti oħra tal-IRMA (Analiżi u Monitoraġġ tal-Investiment fir-Riċerka Industrijali):

http://iri.jrc.ec.europa.eu/reports.htm

Studju dwar l-Internazzjonalizzazzjoni tal-investimenti kummerċjali fir-R&Ż u analiżi tal-impatt ekonomiku tagħhom:

http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm?pg=other-studies

Għal iktar tagħrif dwar Orizzont 2020:

http://ec.europa.eu/research/horizon2020/

Għal iktar tagħrif dwar Unjoni tal-Innovazzjoni:

http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website