Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Diċembru 2012

Il-kummerċ elettroniku: meta tixtru logħob, kotba, vidjows jew mużika onlajn, oqogħdu attenti għal termini inġusti, twissi l-UE

Sewwasew qabel l-istaġun tal-vaganzi u tax-xiri tar-rigali, il-Kummissjoni Ewropea llum tippubblika r-riżultati tal-iskrinjar madwar l-UE kollha tal-websajts li jbigħu logħob, kotba, vidjows u mużika li jistgħu jitniżżlu fuq il-kompjuter jew it-tagħmir tal-mowbajl. L-ispezzjoni turi li aktar minn 75% ta’ dawn is-siti ma jidhrux konformi mar-regoli dwar il-ħarsien tal-konsumatur. Dan huwa aktar u aktar ta’ tħassib meta hemm fil-mira konsumaturi vulnerabbli, jiġifieri t-tfal. L-utenti jkollhom jikklikkjaw triqithom tul labirint ta' termini kuntrattwali, sabiex eventwalment isibu kemm se jkollhom iħallsu u t-tfal ta' sikwit jiġu mħajra jixtru oġġetti relatati ma' logħob li suppost huwa b'xejn. F’każ ta’ xi problema, biex wieħed jikkuntattja lis-servizz ta’ wara l-bejgħ spiss isibha diffiċli billi f'aktar minn terz tal-websajts l-informazzjoni dwar il-kuntatt tkun nieqsa. L-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali issa se jikkuntattjaw lill-kumpaniji kkonċernati biex jingħataw iċ-ċans li jiċċaraw il-pożizzjoni tagħhom jew jikkoreġu l-websajt tagħhom.

Il-Kummissarju responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumaturi, Tonio Borg, qal: "It-tfal qed ikunu dejjem aktar komdi mat-teknoloġija; minn età żgħira, ikunu jafu kif iniżżlu l-logħob. Madankollu ladarba jsiru vvizzjati għal ċerti prodotti tal-logħob, ikun diffiċli biex twaqqafhom. Ġenituri kunu konxji, nofs dan il-logħob li jista' jintiżżel huwa rreklamat li jintlagħab b'xejn, iżda malajr tista’ tispiċċa b'kontijiet m'għola s-sema li jkopru oġġetti meħtieġa għall-progress f'dan il-logħob. B’mod ġenerali, is-sweep tal-UE ppubblikata llum turi li l-maġġoranza tal-websajts iċċekkjati ma jagħtux aċċess faċli għat-termini prinċipali tal-kuntratti. Fix-xhur li ġejjin, l-awtoritajiet nazzjonali se jkunu qed jaħdmu biex dawn il-websajts jitranġaw."

Riżultati

L-awtoritajiet nazzjonali ta' 26 Stat Membru1, flimkien man-Norveġja u l-Islanda ċċekkjaw total ta' 333 websajt, inklużi 159 li jbigħu logħob onlajn. Huma mmarkaw 76% tal-websajts kollha (254 sit) għal aktar investigazzjoni billi kellhom dubji dwar il-konformità tal-websajts mal-liġijiet tal-UE għall-ħarsien tal-konsumaturi, speċjalment tar-regoli li jirregolaw ir-reklamar u l-informazzjoni prinċipali dwar l-ispejjeż u l-karatteristiċi tal-kontenut diġitali li jippermetti lill-konsumaturi jagħmlu deċiżjonijiet infurmati2. Mill-55 websajt iċċekkjati u li jbigħu logħob għal tfal taħt l-14-il sena, 71% (39) dehru li mhumiex konformi mal-liġijiet tal-UE.

Il-problemi prinċipali kienu:

  1. Termini inġusti: it-termini tal-kuntratt għandhom jiġu indikati b'mod ċar u ġust. Total ta’ 230 websajt (69%) kien fihom termini meqjusa inġusti, eż. i) titħalla barra r-responsabbiltà tal-kummerċjant f'każ ta’ danni għall-apparat tal-konsumatur waqt it-tniżżil, ii) il-konsumaturi jiġu esklużi jew miċħuda milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom biex ifittxu rimedji legali jew rimedji oħrajn jew inkella li jagħmluha diffiċli li jagħmlu dan, jew iii) iċaħħdu lill-konsumaturi mid-dritt li jirċievu prodott ġdid jew li jitlobu rimborż meta l-prodott imniżżel jonqos milli jaħdem;

  2. Id-dritt għall-irtirar: minħabba n-natura tat-tniżżil, il-konsumatur jitlef id-dritt tiegħu għall-irtirar mill-kuntratt meta bi ftehim mal-konsumatur ikun beda t-tniżżil (fi kliem ieħor, il-prodott imniżżel ma jkunx jista' jiġi rritornat); madankollu il-kummerċjanti huma obbligati li jinfurmaw lill-konsumaturi b'dan qabel ix-xiri. Mal-141 websajt (42% tal-websajts iċċekkjati) ma tawx din l-informazzjoni;

  3. Informazzjoni nieqsa dwar l-identità u l-indirizz tal-kummerċjant: in-negozjanti huma obbligati jindikaw l-identità tagħhom, l-indirizz ġeografiku u dak tal-posta elettronika fuq il-websajt tagħhom sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu kuntatt magħhom, f'każ li jkun meħtieġ. Mal-121 websajt (36%) ma esponewx din l-informazzjoni essenzjali.

Minbarra s-sweep, il-Kummissjoni kkuntrattat studju kumplimentari3 li żvela dan li ġej:

  1. L-ebda informazzjoni dwar restrizzjonijiet ġeografiċi: il-konsumaturi ma jkunux jistgħu jużaw il-kontenut diġitali mniżżel f'pajjiż ieħor għajr il-post tar-residenza tagħhom u l-kummerċjanti għandhom jinfurmawhom b'dan. Tlieta u sebgħin fil-mija tal-websajts kollha ċċekkjati huma siekta dwar din l-informazzjoni. Meta din l-informazzjoni tingħata, spiss hija ppreżentata biss fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali u għalhekk hija diffiċli biex tinstab.

  2. Logħob irreklamat bħala "b'xejn" spiss jinvolvi xi ħlas fi stadju aktar tard: Kważi disgħa minn kull 10 websajts naqsu milli jinfurmaw lill-utenti bil-quddiem dwar żidiet jew xiri waqt il-logħob li jkun jeħtieġ ħlas; Għalkemm din l-informazzjoni hija ta' sikwit imsemmija fit-termini tal-kuntratt, ma tagħti l-ebda indikazzjoni ċara dwar il-prezzijiet.

Sfond

"Sweep" hija investigazzjoni tal-websajts madwar l-Ewropa, biex jiġi identifikat ksur tal-liġi tal-konsumatur u biex sussegwentement tiżgura l-infurzar tagħha. Is-sweep tkun ikkoordinata mill-Kummissjoni u titmexxa simultanjament minn awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar. Is-Sweep tal-Kontenut Diġitali saret f’Ġunju 2012. Din hija s-sitt Sweep mill-20074 lil hawn.

Perċentwal dejjem jikber ta' ċittadini Ewropej jixtru kontenut diġitali: bħala medja, 79% tal-konsumaturi Ewropej użaw servizzi ta’ mużika onlajn u 60% użaw logħob onlajn matul l-aħħar 12-il xahar. Skont sorsi tal-industrija5, il-volum tal-kummerċ tat-tniżżil ta' mużika fl-UE kien ta' EUR 677 miljun fl-2010; Konsumaturi fir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja, il-Pajjiżi l-baxxi u l-Belġju huma stmati li nefqu EUR 16.5 biljuni fuq logħob onlajn fl-2011. Logħob immirat għat-tfal u rreklamat bħala "jintlagħab b'xejn" jirrappreżenta sehem dejjem jikber tas-suq tal-logħob fl-UE (50% tal-logħob kollu matul l-aħħar 12-il xahar).

X’imiss li jsir?

L-awtoritajiet nazzjonali diġà bdew jikkuntattjaw lill-kumpaniji u jitolbuhom jipprovdu l-kjarifiki jew jikkoreġu l-websajts. In-nuqqas ta' dan jista' jirriżulta f'azzjoni legali li twassal għal multi jew saħansitra l-għeluq tal-websajts. L-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar se jirrapportaw lura lill-Kummissjoni sal-ħarifa tal-2013. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar ir-riżultati.

Għal iktar informazzjoni:

Il-websajt tas-sweeps: http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/sweeps_en.htm

MEMO/12/945

Segwina fuq Twitter: https://twitter.com/EU_Consumer

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

1 :

L-Irlanda ma setgħetx tipparteċipa minħabba nuqqas ta' riżorsi.

2 :

Id-Direttiva dwar Bejgħ mill-Bogħod, id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Inġusti, id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u d-Direttiva dwar Termini Inġusti tal-Kuntratti.

4 :

Setturi preċedenti kienu l-linji tal-ajru, il-mowbajls, il-prodotti elettroniċi, il-biljetti onlajn u l-kreditu lill-konsumatur.

5 :

Ara l-istudju msemmi man-nota 3 ta' qiegħ il-paġna.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site