Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-uffiċjali tal-UE qegħdin jaffaċċjaw telf ta' -1.1% tal-kapaċità tal-akkwist fl-aġġustament annwali tal-pagi

European Commission - IP/12/1318   05/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta' Diċembru 2012

L-uffiċjali tal-UE qegħdin jaffaċċjaw telf ta' -1.1% tal-kapaċità tal-akkwist fl-aġġustament annwali tal-pagi

L-uffiċjali tal-UE qed jiffaċċaw telf ieħor ta' -1.1% fl-2012, li jirrifletti l-qagħda ekonomika diffiċli. Dan huwa r-riżultat tal-formula għall-kalkolu fl-aġġustamenti annwali tal-pagi. Dan isegwi wara waqgħa effettiva fil-kapaċità tal-akkwist ta' –3.6% fl-2011 It-total tat-telf fil-kapaċità tal-akkwist tal-uffiċjali tal-UE huwa ta' -7.6% bejn l-2004 u 2011.

Il-formula, magħrufa bħala "Il-Metodu", tirreġistra l-evoluzzjoni tal-kapaċità tal-akkwist tal-ħaddiema taċ-ċivil nazzjonali, ’il fuq jew ’l isfel, minn basket ta' tmien Stati Membri (ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, il-Belġju u l-Lussemburgu – kampjun espliċitament magħżul mill-Istati Membri fl-2004 u li jirrappreżenta 76% tal-PDG tal-UE). Fi kliem ieħor, dan japplika d-deċiżjonijiet politiċi li jittieħdu minn dawk il-gvernijiet nazzjonali dwar is-salarji tal-ħaddiema taċ-ċivil tagħhom stess għas-salarji tal-istaff tal-UE.

Din is-sena, ir-riżultat jirrifletti eżattament is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli u l-impatt ferm divers tagħha fuq is-servizzi nazzjonali ċivili: dan ir-riżultat jikkunsidra ż-żidiet fis-salarju fil-Ġermanja (+4.3%), fil-Belġju (+2.5%), fil-Lussemburgu (+2.5%), fi Franza (+1.8%) u fir-Renju Unit (+0.9%) iżda wkoll it-tnaqqis ta' -3% fi Spanja, -1.9% fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-iffriżar tal-pagi fl-Italja (0%). Il-bidla kkumbinata fil-kapaċità tal-akkwist ta' dawn il-ħaddiema taċ-ċivil nazzjonali hija ta' -1.1%. Għalhekk eżattament l-istess telf tal-kapaċità tal-akkwist huwa applikat għall-ħaddiema taċ-ċivil tal-UE, kull fejn huma bbażati u tkun xi tkun l-istituzzjoni jew l-aġenzija tal-UE li jaħdmu magħha.

L-inflazzjoni fil-Belġju tfisser li l-aġġustament tal-paga nominali għal dawk l-uffiċjali tal-UE bbażati fi Brussell, hija ta' 1.7%. Din hija żieda taħt l-inflazzjoni li timplementa t-telf ta' -1.1% tal-kapaċità tal-akkwist. Kif spjegat hawn fuq, dan huwa inqas mill-aġġustamenti fil-pagi nominali għall-impjegati taċ-ċivil f’nofs l-Istati Membri fil-kampjun.

Klawżola ta' eċċezzjoni tippermetti effettivament għas-sospensjoni tal-Metodu jekk jiġu sodisfatti kriterji legali stretti relatati ma' "deterjorament serju u f'daqqa fil-qagħda ekonomika u soċjali" – li ma jistgħux jitkejlu bil-Metodu.

Madankollu, huwa t-twemmin sod tal-Kummissjoni li fil-qagħda ekonomika preżenti l-amministrazzjonijiet tal-UE għandhom jikkontribwixxu bi sforz ulterjuri. Huwa għalhekk li diġà s-sena l-oħra l-Kummissjoni għamlet proposta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew għal tnaqqis ta' 5% fil-persunal fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE bejn l-2013 u l-2017. Biex wieħed ilaħħaq maż-żieda ta' xogħol li tirriżulta minn dan, il-qtugħ fl-għadd ta' persunal ikun ikkumplementat minn żieda fil-ġimgħa tax-xogħol minima għal 40 siegħa għal persunal mingħajr ebda kumpens fis-salarju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet żieda fl-età tal-irtirar minn 63 għal 65 filwaqt li tagħmilha iktar faċli li wieħed jaħdem sa 67, kif ukoll tnaqqis sinifikanti tal-bidu u t-tmiem tas-salarji tal-karriera għal ċerti funzjonijiet ta' bejn -18% u -45%.

Dan ikun jiġġenera ffrankar konsiderevoli ta' aktar minn EUR 1 biljun tul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, u ta' EUR 1 biljun kull sena fil-medda twila taż-żmien minħabba effetti fit-tul ta' dawn il-miżuri.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet ukoll is-sena l-oħra mhux biss biex tinżamm taxxa speċjali li għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2012, iżda wkoll biex tiżdied din l-hekk imsejħa "imposta ta' solidarjetà" (li hija applikat flimkien mat-taxxa fuq id-dħul sa 45%) minn 5.5% għal 6%. Ġew proposti wkoll riforma u estensjoni tal-Metodu, li wkoll huwa mistenni li jiskadi fl-aħħar tal-2012, biex jingħeleb it-tħassib espress mill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tabilħaqq tesprimi d-dispjaċir tagħha li l-Kunsill għadu ma wasalx għal pożizzjoni komuni dwar dawn il-proposti, minkejja li dawn ilhom ippubblikati għal aktar minn 17-il xahar. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha wkoll li l-Kunsill għalhekk għadu ma kienx f'pożizzjoni li jagħti mandat lill-Presidenza tiegħu biex tibda taħdidiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni dwar il-proposta. Minħabba f'dan, l-uffiċjali tal-UE setgħu jaraw żieda fis-salarji netti ta' Jannar minħabba l-iskadenza tal-imposta speċjali.

F'tentattiv aħħari biex dan jiġi evitat, il-Viċi President Maroš Šefčovič kiteb lill-Ministru Andreas Mavroyiannis tal-Presidenza Ċiprijotta u lill-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz fejn fakkarhom mill-ġdid dwar din il-qagħda, u dwar kif il-Kunsill u l-Parlament jistgħu jevitaw dan billi jadottaw estensjoni tal-imposta speċjali u tal-Metodu għal sena. Il-Kummissjoni mbagħad tippreżenta mill-ġdid fl-2013 quddiem il-koleġiżlaturi l-miżuri kollha ta' awsterità proposti inizjalment.

Kuntatti:

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website