Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-titjib tal-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel

European Commission - IP/12/1314   05/12/2012

Other available languages: EN FR DE IT RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta' Diċembru 2012

It-titjib tal-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel

Ta’ kuljum, għadd kbir ta’ operaturi (mill-UE u mhux mill-UE) tal-katina tal-provvista tal-ikel iwasslu prodotti tal-ikel u xorb diversi u siguri għal aktar minn 500 miljun konsumatur Ewropew. Dan jirrappreżenta medja ta' 15% tan-nefqa ta’ kull unità domestika. Is-settur agroalimentari huwa xprun vitali tal-ekonomija fl-UE li jħaddan 17-il miljun intrapriża fl-agrikoltura, l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u s-servizzi relatati. Il-Forum ta’ Livell Għoli għal Tħaddim Aħjar tal-Katina tal-Provvista Alimentari, imwaqqaf fl-2010, ippreżenta r-rapport tiegħu llum. Dan juri li madwar 80% tal-inizjattivi li jinsabu fil-Pjan Direzzjonali tal-Forum ġew implimentati b'mod sodisfaċenti. Il-Forum jistenna bil-ħerqa kunsens li għad irid jintlaħaq dwar l-aħjar mod biex jiġu implimentati l-prinċipji ta' prattika tajba mressqa s-sena li għaddiet biex itejbu r-relazzjonijiet bejn in-negozji (IP/11/1469). Il-partijiet kollha wrew ir-rieda ċara tagħhom li jkomplu d-diskussjonijiet b'mod kostruttiv u l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-partijiet interessati biex iressqu soluzzjoni sodisfaċenti mal-ewwel opportunità. Fl-istess ħin il-Kummissjoni se tivvaluta l-għażliet kollha possibbli għall-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti fil-katina alimentari, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni, u se tniedi valutazzjoni tal-impatt.

F'dikjarazzjoni konġunta, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, u l-Kummissarji Michel Barnier, Tonio Borg u Dacian Cioloș qalu: "Din il-ħidma hija eżempju ta’ kif ir-riżutati jistgħu jinkisbu u tista' tingħata direzzjoni għall-politika futura f'dan il-qasam meta jinġiebu flimkien is-setturi kollha li jaħdmu madwar il-katina alimentari. Aħna partikolarment kuntenti bl-impenn li l-membri kollha tal-Forum wrew biex joħorġu b'soluzzjonijiet għal settur li huwa vitali għall-ekonomija tal-UE. Il-partijiet interessati wrew l-impenn tagħhom biex itejbu l-effiċjenza u l-kompetittività tal-katina tal-provvista tal-ikel. Jiddispjaċina li għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar prattiki kummerċjali inġusti bejn in-negozji iżda nemmnu li dan għad jista' jsir. Il-partijiet interessati għandhom jibqgħu attivi u impenjati biex jirnexxielhom jikkonkludu ftehim fil-qasam tal-prattiki kummerċjali inġusti bejn in-negozji. Fil-laqgħa tagħna tal-lum, ilkoll qbilna li rridu nimpenjaw irwieħna biex inkomplu naħdmu għall-benefiċċju tal-atturi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel. B'mod parallel, il-Kummissjoni se teżamina wkoll l-għażliet kollha disponibbli, inkluż dik regolatorja, biex tindirizza din il-kwistjoni. Qed nimmiraw li sal-ħarifa tas-sena d-dieħla tinkiseb ċarezza dwar it-triq 'il quddiem. L-għan tagħna huwa li nħeġġu l-fiduċja tul il-katina tal-ikel kollha għall-benefiċċju ta' kulħadd – il-produtturi, il-manifatturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi. "

Għal aktar tagħrif u dokumenti:

http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/food/competitiveness/forum_food/index_en.htm

Il-progress miksub f'diversi oqsma

Prattiki kuntrattwali bejn in-negozji, il-kompetittività tal-industrija agroalimentari u l-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel kienu t-tliet pilastri ewlenin li fuqhom ġiet strutturata l-ħidma olistika tal-Forum. Ir-rapport tal-lum jenfasizza l-progress li nkiseb s'issa:

12-il inizjattiva jintlaħqu b’mod sħiħ. Dawn jinkludu:

  • Atti leġislattivi tal-UE: id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali; l-adozzjoni ta' regoli riveduti dwar l-oriġini u l-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tar-reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA);

  • Inizjattivi li issa qed isegwu l-programm proprju tagħhom: il-Kumitat tad-Djalogu Soċjali tal-UE, ir-Round Table dwar l-Ikel, il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli;

  • Proċeduri ta' ħidma: l-ittestjar tal-kompetittività, it-tkomplija tal-pubblikazzjoni ta’ sejħiet annwali relatati mar-riċerka dwar l-ikel;

  • Skambju regolari ta' informazzjoni u prattika tajba fl-Ewropa: Il-katina tal-ikel ibbenefikat mir-regoli tal-kompetizzjoni Ewropej (IP/12/502)), l-HLG dwar il-loġistika għamel progress; l-azzjonijiet f’fora internazzjonali għadhom għaddejjin (eż. azzjonijiet biex jppromwovu l-adozzjoni ta' standards internazzjonali); l-informazzjoni u l-edukazzjoni dwar l-ikel avvanzaw b'mod sinifikanti kemm fil-livell leġiżlattiv kif ukoll fil-livell ta' inizjattivi volontarji, inklużi l-għodod u l-istudji dwar l-għarfien u l-edukazzjoni;

  • L-identifikazzjoni tal-ostakli kummerċjali l-aktar importanti għall-esportaturi tal-ikel tal-UE: Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mal-Korea t’Isfel u l-Marokk, estensjoni ta' djalogi regolatorji, parteċipazzjoni kontinwa tas-settur tal-ikel fil-Missjonijiet għat-Tkabbir (MEMO/12/920).

Fil-każ ta' 14-il inizjattiva kien hemm avvanzi kbar, iżda jeħtieġ li jsir aktar xogħol biex jinħasdu l-benefiċċji tagħhom. Dan jinkludi pereżempju atti leġislattivi li bħalissa jinsabu għaddejjin minn proċedura leġiżlattiva jew li jeħtieġ li jiġu implimentati (eż. ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji dwar l-informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi); sar progress sinifikanti f’diversi Stati Membri iżda mhux kollha (eż. dwar l-iżvilupp tal-osservatorji tal-prezzijiet tal-ikel).

Fil-każ tas-6 inizjattivi l-oħra għadu meħtieġ progress sinifikanti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, għaddej ix-xogħol iżda għad iridu jittieħdu aktar azzjonijiet jew mill-istituzzjonijiet tal-UE (eż. dwar ikel ġdid) inkella mill-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet interessati privati (eż. dwar organizzazzjonijiet nazzjonali biex jirrapportaw dwar l-iffalsifikar tal-indikazzjoni ġeografika). Hu mistenni progress raġjonoveli fil-futur qrib rigward diversi inizjattivi, għalkemm hemm eċċezzjoni waħda: id-dewmien fl-Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doħa jagħmilha improbabbli li għad jintlaħaq dalwaqt xi ftehim tal-kummerċ globali ambizzjuż.

Ħidma li trid titkompla

Il-Forum irrakkomanda li jinżamm id-djalogu mal-partijiet interessati fuq prijoritajiet bħalma huma s-segwitu tal-proġett bi prova kurrenti dwar "check-up" għall-katina tal-provvista tal-ikel; it-titjib tal-Għodda Ewropea għall-Monitoraġġ tal-Prezzijiet u aktar inizjattivi bħall-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Ir-rwol ekonomiku importanti tas-settur tal-ikel

Is-settur agroalimentari għandu rwol ċentrali fl-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent tal-Unjoni. Il-katina tal-provvista hija kumplessa, u tinkludi l-agrikoltura, l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u s-servizzi relatati. Meħuda bħala ħaġa waħda, din tiġġenera valur miżjud ta' €715-il biljun fis-sena – kważi 6% tal-prodott gross domestiku tal-UE. Madwar 17-il miljun stabbiliment u intrapriża (82% minnhom azjendi agrikoli), ħafna minnhom żgħar, huma involuti, u jipprovdu impjiegi għal aktar minn 48 miljun Ewropew. L-industrija tal-ipproċessar tal-ikel hija l-ewwel fis-settur tal-manifattura fl-UE f'termini ta' valur miżjud u l-impjiegi.

Barra minn hekk, l-UE hi l-ikbar esportatur u importatur ta’ prodotti tal-biedja u tal-ikel, u tammonta għal madwar 19% tat-total tal-flussi globali tal-esportazzjoni. Madankollu, il-prominenza kompetittiva tas-settur tal-ikel tal-UE qiegħda dejjem tkun sfidata minn imsieħba kummerċjali stabbiliti (l-Istati Uniti, l-Awstralja, New Zealand) u minn ekonomiji emerġenti (il-Brażil, iċ-Ċina).

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet il-Forum fl-20101 (IP/10/1510) sabiex jgħin lill-Kummissjoni fl-appoġġ għall-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli fil-katina tal-provvista agroalimentari Ewropea. Huwa jagħti wkoll il-pariri lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tagħha "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar" (COM(2009) 591).

Il-Forum għandu 45 membru li jirrappreżentaw għadd ta' Stati Membri, ta' kumpaniji Ewropej li għandhom x'jaqsmu mal-produzzjoni, l-ipproċessar jew id-distribuzzjoni tal-ikel, ta' assoċjazzjonijiet professjonali u ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirrappreżentaw l-interessi taċ-ċittadini. Il-Forum huwa ppresedut mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani flimkien mal-Kummissarji Michel Barnier (Is-Suq Intern u s-Servizzi), Dacian Cioloș (l-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali) u Tonio Borg (Is-Saħħa u l-Konsumaturi). Il-mandat tiegħu jiskadi fil-31/12/2012.

MEMO/12/941

Kuntatti :

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)

1 :

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/C 210/03 (Ġ.U. Nru C210 tat-3.8.2010 p. 4)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website