Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta' Diċembru 2012

L-ambjent: linji gwida ġodda għall-akkwakultura u l-ħarsien tan-natura

Il-Kummissjoni qiegħda tippubblika linji gwida ġodda sabiex ittejjeb il-fehim dwar kif l-akkwakultura tista' titwettaq fil-qafas ta’ Natura 2000, in-netwerk taż-żoni naturali protetti mifrux mal-UE kollha. Il-linji gwida jispjegaw l-aqwa prassi biex jiġi żgurat li l-attivitajiet marbutin mal-akkwakultura jkunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħarsien tan-natura, u b'mod partikulari mad-dispożizzjonijiet ta' Natura 2000. Jisħqu fuq l-importanza tas-settur tal-akkwakultura għall-produzzjoni tal-ikel, u jissottolinjaw ir-rwol ewlieni tan-netwerk Natura 2000 fl-ilħiq tal-għanijiet tal-politika tal-bijodiversità tal-UE. Il-linji gwida jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni xierqa skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats.

Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, iddeskriva d-dokument bħala "għodda siewja biex tkattar il-fehim fost l-operaturi ekonomiċi, l-awtoritajiet pubbliċi, il-maniġers tas-siti u l-entitajiet ta’ konservazzjoni tan-natura. Id-dokument se jippermettilhom ifasslu proġetti ta' akkwakultura sostenibbli li jilħqu l-għanijiet ta' produzzjoni tagħhom filwaqt li jirrispettaw il-valuri ekoloġiċi taż-żoni ta' Natura 2000."

Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-Politika tas-Sajd u tal-Affarijiet Marittimi, qalet: "L-akkwakultura għandha rwol importanti fl-UE għall-aċċess għar-riżorsi tal-ikel, u jeħtieġ li jintuża l-potenzjal tagħha li tikkontribwixxi lejn is-sostenibbiltà, is-sigurtà tal-ikel, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjieg. Bħala waħda mill-ħafna utenti tal-ilmijiet tagħna, l-akkwakultura tal-UE jeħtieġ li tiġi żviluppata b'mod ekoloġikament sostenibbli, u dak id-dokument għandu jikkontribwixxi għal dan il-għan."

Il-linji gwida - "Linji gwida dwar l-Akkwakultura u n-Natura 2000 - Attivitajiet ta’ akkwakultura sostenibbli fil-kuntest tan-netwerk Natura 2000" - jippreżentaw il-kuntest ta’ politika tal-iżvilupp tal-akkwakultura u l-konservazzjoni tal-bijodiversità fl-Ewropa. Jagħtu ħarsa lejn l-impatti potenzjali tas-sistemi ewlenin tal-akkwakultura fuq in-natura, il-fawna u l-flora selvaġġa, b'enfasi speċjali fuq il-metodi u l-għodda għall-valutazzjoni tagħhom, fid-dawl tal-għanijiet ta' konservazzjoni tas-siti. Il-linji gwida jispjegaw kif dawn ir-riskji għandhom jiġu vvalutati, każ b'każ, u l-aqwa prassi biex l-istess riskji jiġu minimizzati, jew evitati għalkollox. Jiġu ppreżentati għadd ta’ każijiet ta’ studju, b'eżempji ta’ prassi tajba li juru kif l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura jista' jkun kompatibbli mal-ħarsien tan-natura, jew anki jseddaq il-ħarsien tan-natura billi jipprovdi l-ħabitats xierqa li għalihom ġew iddeżinjati ħafna siti tan-netwerk Natura 2000. Il-linji gwida jisħqu fuq il-vantaġġi tal-ippjanar strateġiku, li jqis il-ħtiġijiet tal-konservazzjoni tan-natura u tal-iżvilupp tal-akkwakultura b'mod integrat fi stadju bikri tal-proċess. Id-dokument jipprovdi gwida "pass pass" għall-proċeduri ta' valutazzjoni meħtieġa, b'eżempji relevanti u rakkommandazzjonijiet prattiċi.

Dan huwa l-ħames dokument ta’ gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura fil-kuntest ta' setturi strateġiċi tal-UE. Linjigwida oħra diġà ppubblikati jikkonċernaw l-enerġija mir-riħ, l-industrija tal-estrazzjoni tal-minerali mhux għall-enerġija, l-iżviluppi fil-portijiet u l-estwarji, u t-trasport fl-ilmijiet interni.

Sfond

L-akkwakultura kulma jmur qed tikkontribwixxi iktar lejn il-produzzjoni tal-ikel akkwatiku mad-dinja kollha, l-iktar meta wieħed iqis li l-biċċa l-kbira mill-istokkijiet tal-ħut selvaġġ illum jinsabu qrib il-limiti tal-esplojtazzjoni sostenibbli, jew anki lil hinn minnhom. Fl-UE, il-produzzjoni tal-akkwakultura hija attività ekonomika importanti f'ħafna reġjuni kostali u kontinentali, iżda b'kuntrast max-xejriet dinjija, fl-aħħar snin baqgħet stabbli. Ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd timmira li tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tal-akkwakultura tal-UE, bi qbil mal-għanijiet tal-Ewropa 2020: is-sostenibbiltà, is-sigurtà tal-ikel, it-tkabbir u l-impjieg.

Natura 2000 huwa netwerk wiesa', mifrux mal-UE kollha,ta’ żoni protetti bil-għan li jiżgura s-sopravvivenza fit-tul tal-ispeċijiet u l-ħabitats Ewropej l-iktar prezzjużi u l-iktar mhedda. Illum il-ġurnata, in-netwerk ikopri kważi 18 % tal-wiċċ tal-art tal-UE, u aktar minn 217 000 km² tal-ibħra tagħha. Madankollu, Natura 2000 mhijiex sistema ta' riżervi naturali esklussivi fejn huma esklużi l-attivitajiet kollha tal-bniedem. Attivitajiet bħall-biedja, l-akkwakultura, it-trasport, l-iżvilupp infrastrutturali, it-turiżmu, il-forestrija u l-attivitajiet ta’ divertiment jistgħu jsiru fil-qafas tan-netwerk sakemm jibqgħu sostenibbli u konformi mal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni protetti. Natura 2000 huwa għodda ewlenija fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE, li għandha l-għan li treġġa' lura t-telf fil-bijodiversità, u tħaffef it-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija ekoloġika u b'użu effiċjenti tar-riżorsi.

Għal iktar tagħrif:

Dokument ta’ gwida dwar l-akkwakultura u n-netwerk Natura 2000:

http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/Aqua-N2000%20guide.pdf

Il-politika tal-UE għan-natura u l-bijodiversità:

http://ec.europa.eu/environment/nature/index_en.htm

Aktar tagħrif dwar l-iżviluppi riċenti ta’ politika fis-settur tal-akkwakultura:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/aquaculture/index_mt.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site