Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-impjieg taż-żgħażagħ: Il-Kummissjoni tipproponi pakkett ta’ miżuri

European Commission - IP/12/1311   05/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta' Diċembru 2012

L-impjieg taż-żgħażagħ: Il-Kummissjoni tipproponi pakkett ta’ miżuri

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet miżuri biex jgħinu lill-Istati Membri jittrattaw il-livelli inaċċettabbli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u ta’ esklużjoni soċjali billi jagħtu liż-żgħażagħ offerti ta' impjiegi, edukazzjoni u taħriġ.

"Il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ għandu konsegwenzi drammatiċi għall-ekonomiji tagħna, is-soċjetajiet tagħna u fuq kollox għaż-żgħażagħ stess. Din hija r-raġuni għaliex għandna ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa issa,” qal il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor. "Dan il-pakkett jgħin lill-Istati Membri jiżguraw tranżizzjoni taż-żgħażagħ b’suċċess fid-dinja tax-xogħol. Il-konsegwenzi jekk dan ma jsirx se jkunu katastrofiċi."

Kif mitlub mill-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew, il-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ tal-Kummissjoni jinkludi proposta għal rakkomandazzjoni lill-Istati Membri dwar l-introduzzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha sal-età ta’ 25 jirċievu offerta ta’ kwalità ta’ impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew perjodu ta’ taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta jitilqu l-edukazzjoni formali jew minn meta jsibu ruħhom bla xogħol.

Ir-rakkomandazzjoni proposta tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sħubijiet sodi mal-partijiet interessati, jiżguraw intervent bikri mis-servizzi ta’ impjieg u msieħba oħra li jappoġġaw liż-żgħażagħ, jieħdu miżuri ta’ sostenn biex jippermettu l-integrazzjoni tax-xogħol, jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew u minn fondi strutturali oħra għal dak il-għan, jivvalutaw u jtejbu kontinwament l-iskemi ta' Garanzija taż-Żgħażagħ u jimplimentaw l-iskemi malajr.

Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri permezz ta’ finanzjament tal-UE, bil-promozzjoni ta’ skambji ta' prassi tajba fost l-Istati Membri, monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ fl-eżerċizzju u t-tkabbir tas-sensibilizzazzjoni tas-Semestru Ewropew.

Biex it-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol jiġu ffaċilitati, il-Pakkett iniedi wkoll konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali Ewropej dwar Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jakkwistaw esperjenza ta' xogħol ta’ kwalità għolja b'kundizzjonijiet sikuri. Barra minn hekk, huwa jħabbar Alleanza Ewropea għall-Apprendistati biex jitjiebu l-kwalità u l-provvista tal-apprendistati disponibbli bit-tixrid ta’ skemi ta’ apprendistati ta’ suċċess mal-Istati Membri kollha u jfassal metodi biex jonqsu l-ostakli għal mobilità għaż-żgħażagħ.

Xi 5.5 miljuni ta’ żgħażagħ fis-suq tax-xogħol (aktar minn wieħed f’ħamsa) ma jistgħux isibu xogħol, u 7.5 miljun żagħżugħ bejn il-15 u l-24 sena huma NEETs (Not in Employment, Education or Training) – ma għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ. L-ispiża ekonomika tan-nuqqas ta’ integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol ġiet stmata mill-Eurofond għal aktar minn EUR 150 biljun fis-sena, jew 1.2% tal-PDG tal-UE. Xi pajjiżi, bħall-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja u l-Polonja, qed iħallsu 2% jew aktar tal-PDG tagħhom. Li jiġu evitati dawn l-ispejjeż ekonomiċi issa u fil-ġejjieni jegħleb bil-ħafna l-ispejjeż fiskali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ proposta.

Sfond

Ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ laħqet aktar minn 25% fi 13-il Stat Membru, bil-Greċja u Spanja li għandhom rati ta’ 'l fuq minn 55% u l-Italja, il-Portugall, l-Irlanda, il-Bulgarija, Ċipru, il-Latvja, l-Ungerija u s-Slovakkja b’rati madwar jew ogħla minn 30%. Aktar minn 30% ta' dawk qiegħda taħt il-25 sena ilhom bla xogħol għal aktar minn 12-il xahar – 1.6 miljuni fl-2011, meta mqabbel ma' 0.9 miljuni fl-2008.

Ir-rati tal-impjieg ġenerali għaż-żgħażagħ naqsu bi kważi ħames punti perċentwali matul l-aħħar erba’ snin – tliet darbiet aktar għall-adulti. Iċ-ċans li żagħżugħ qiegħed isib xogħol huwa baxx: minn fost iż-żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena li kienu qiegħda fl-2010, 29.7% biss sabu xogħol, tnaqqis ta' kważi 10% fi tliet snin.

Iż-żgħażagħ huma dawk l-aktar f’riskju fis-suq tax-xogħol Ewropew, u dejjem iktar jiffaċċaw ir-riskju li jiġu marġinalizzati. Dan il-fatt għandu konsegwenzi immedjati, iżda wkoll implikazzjonijiet fi żmien medju u fit-tul. Il-kriżi tas-suq tax-xogħol li dejjem tiżdied tista’ tħalli ġerħa fuq parti kbira ta’ ġenerazzjoni sħiħa ta’ żgħażagħ, tagħmel ħsara lill-impjiegi, il-produttività u l-koeżjoni soċjali issa u fil-ġejjieni.

Il-miżuri proposti fil-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ ikomplu fuq l-azzjonijiet tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ, imnedija f’Diċembru 2011 (ara IP/11/1568 u MEMO/11/928). Bl-għajnuna tat-Timijiet ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni, it-tmien Stati Membri bl-ogħla rati ta’qgħad taż-żgħażagħ qed jallokaw mill-ġdid il-fondi strutturali tal-UE biex jagħtu spinta lill-impjiegi għaż-żgħażagħ, jiżviluppaw pjanijiet ta’impjiegi għaż-żgħażagħ u jżidu programmi ta' edukazzjoni u taħriġ.

Il-Kummissjoni tuża wkoll strumenti oħra ta’ politika biex tindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ, bħalma huma r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs). F’Lulju 2012, kważi l-Istati Membri kollha tal-UE rċieva Rakkomandazzjonijiet immirati li jtejbu s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ. Is-CSRs, adottati mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, huma għodda għall-koordinazzjoni tal-politika biex tissaħħaħ il-governanza u tkun rinfurzata l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fuq il-livell tal-UE fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020.

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS), li jniedi s-Semestru Ewropew għall-2013, jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jagħmlu iktar fil-ġlieda kontra l-qgħad, itejbu l-impjegabbiltà u jappoġġaw l-aċċess għall-impjiegi jew ritorn lejn id-dinja tax-xogħol għaż-żgħażagħ.

Għal aktar informazzjoni

MEMO/12/938

L-aħbar fuq il-websajt tad-DĠ għall-Impjiegi:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=1731&furtherNews=yes

Il-Paġna tal-Impjieg taż-Żgħażagħ: http://ec.europa.eu/socialyouthemployment

Il-websajt ta' László Andor:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/index_en.htm

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/#!/LaszloAndorEU

Abbona mingħajr ħlas fil-bullettin bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Nadège Defrère (+32 2 296 45 44)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website